European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1179

16.6.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1179

tal-4 ta’ Ġunju 2025

dwar il-prinċipji gwida li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba prattiki mhux sostenibbli għall-immaniġġjar tal-ilma, it-tniġġis u d-domanda dejjem akbar, il-kwalità u l-kwantità tal-ilma kif ukoll is-saħħa tal-ekosistemi akkwatiċi fl-Unjoni mhumiex qed jitjiebu bir-ritmu meħtieġ. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità qed jaggravaw din ix-xejra. Ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ilma qed jaffettwaw dejjem aktar lis-soċjetà u lill-ekonomija. F’dan il-kuntest, iż-żieda fl-effiċjenza idrika hija neċessità fundamentali.

(2)

Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew (1) li jippreżenta l-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u tad-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jikkonferma li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jaraw l-iskarsezza tal-ilma bħala tħassib dejjem akbar. L-iskarsezza tal-ilma tokkorri f’madwar 34 % tat-territorju tal-Unjoni u taffettwa madwar 40 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni mill-inqas matul staġun wieħed f’sena (4). L-iskarsezza tal-ilma hija kkawżata minn taħlita ta’ sfruttament żejjed u impatti klimatiċi (5). Il-Parlament Ewropew appella għal azzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet. (6)

(3)

Kull sena, in-nixfiet jaffettwaw medja ta’ 4 % tat-territorju tal-Unjoni. Fin-Nofsinhar u fil-Lbiċ tal-Ewropa, l-iskariku fix-xmajjar matul is-sajf jista’ jonqos sa 40 %, f’xenarju fejn it-temperatura tiżdied bi 3 °C. Fl-Ewropa, matul dawn l-aħħar deċennji, dawn żdiedu fl-għadd u fl-intensità. L-avvenimenti severi ta’ nixfa u sħana fl-2022, pereżempju, ikkawżaw madwar EUR 40 biljun ta’ telf ekonomiku. L-akbar telf ġie rreġistrat fl-Italja, fi Spanja u fi Franza. (7)

(4)

It-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa mistenni jaggrava l-problema, hekk kif jiżdiedu l-impatti u l-frekwenza tan-nixfiet. L-impatt ikkombinat tal-konsum eċċessiv strutturali u r-riskju akbar ta’ nixfiet fit-tul joħolqu riskji għas-sigurtà tal-ilma, għall-provvista tal-ilma tax-xorb, għall-agrikoltura, għan-navigazzjoni interna, għat-turiżmu u għall-provvista tal-enerġija (8). L-iskarsezza tal-ilma fis-setturi kollha u t-telf fil-produzzjoni agrikola minħabba s-sħana u n-nixfa flimkien huma fost l-akbar riskji ewlenin kawża tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa (9).

(5)

L-estrazzjoni tal-ilma ħelu fis-sena naqset, b’differenzi ġeografiċi, bi 19 % bejn l-2000 u l-2022 (10), madankollu, l-estrazzjonijiet tal-ilma ħelu per capita mistennija jerġgħu jiżdiedu. Dan għaliex: (i) il-progress fl-effiċjenza idrika fis-setturi l-aktar intensivi fil-konsum bħall-enerġija u l-agrikoltura, inkluż il-bijoenerġija, mhuwiex biżżejjed; (ii) it-trasformazzjoni industrijali u dik diġitali jeħtieġu aktar ilma ħelu; u (iii) l-immaniġġjar ħażin, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima qed jagħmlu pressjonijiet dejjem akbar fuq id-disponibbiltà tal-ilma ħelu nadif għal finijiet soċjoekonomiċi. Dan jagħmel ħsara lill-flussi ekoloġiċi essenzjali għas-salvagwardja tal-ekosistema tal-ilma, u lill-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni li teħtieġ ilma ħelu nadif bħalma teħtieġ enerġija nadifa.

(6)

Il-Bank Ċentrali Ewropew jistma li sa 60 % tar-riskji ta’ kreditu pendenti fiż-żona tal-euro jistgħu jkunu soġġetti għal xi esponiment għall-iskarsezza tal-ilma u l-istress termiku, u 20 % għall-għargħar. (11) Barra minn hekk, hekk kif ir-riskji klimatiċi relatati mal-ilma jintensifikaw, id-diskrepanza fl-assigurazzjoni tista’ tiżdied (12), u b’hekk l-irkupru ekonomiku wara inċidenti relatati mal-ilma bħan-nixfiet jew l-għargħar ikun aktar diffiċli.

(7)

L-investiment fl-effiċjenza idrika se jikkontribwixxi għall-forniment suffiċjenti ta’ ilma lis-setturi ekonomiċi ewlenin li huma kritiċi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni, u għalhekk għandu l-potenzjal li jsaħħaħ il-kompetittività, kif inhu rikonoxxut fil-Patt għal Industrija Nadifa (13). L-isfruttar tal-potenzjal tal-iffrankar tal-ilma se joħloq ukoll opportunitajiet ta’ negozju u ffrankar tal-kostijiet għall-konsumaturi. L-industrija tal-Unjoni diġà hija minn ta’ quddiem nett fid-dinja fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-ilma.

(8)

Il-Boxxla għall-Kompetittività tal-2025 (14) tappella lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-iskarsezza dejjem akbar tal-ilma billi jtejbu l-prattiki u l-infrastrutturi għall-immaniġġjar tal-ilma, iżidu l-effiċjenza idrika u jippromwovu l-użu sostenibbli tal-ilma. Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Unjoni tal-Preparatezza (15) tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-aċċess għar-riżorsi kritiċi madwar l-Unjoni kollha, bħall-ilma, pereżempju għar-rispons għall-emerġenzi u għad-diżastri.

(9)

L-interdipendenza bejn ir-riżorsi tal-ilma u tal-enerġija hija fattur kritiku fl-iżgurar tas-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistemi tal-ilma u tal-enerġija tal-Unjoni.

(10)

L-Unjoni obbligata taġixxi fir-rigward tal-effiċjenza idrika abbażi ta’ regoli Ewropej u internazzjonali bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fuq il-protezzjoni u l-użu ta’ passaġġi tal-ilma transkonfinali u għadajjar internazzjonali ffirmata fis-17 ta’ Marzu 1992 f’Helsinki, l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi ffirmat fit-12 ta’ Diċembru 2015 f’Pariġi, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) kif ukoll l-impenji tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Aġenda ta’ Azzjoni dwar l-Ilma tan-NU (17). Il-mira 6.4 tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU tobbliga wkoll lill-Partijiet li sal-2030 ikunu diġà żiedu b’mod sostanzjali l-effiċjenza fl-użu tal-ilma fis-setturi kollha.

(11)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (18) nieda strateġija koordinata għal ekonomija dejjem aktar newtrali għall-klima, ħielsa mis-sustanzi tossiċi, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, fejn it-tkabbir ekonomiku huwa diżakkoppjat mill-konsum tar-riżorsi, bħala rispons għall-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent.

(12)

L-istrateġija tal-Unjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (19), il-valutazzjoni tar-riskju klimatiku fl-Ewropa u l-Komunikazzjoni dwar l-immaniġġjar tar-riskji klimatiċi jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-firxa wiesgħa ta’ impatti kkawżati mir-riskji klimatiċi u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni, peress li l-politika u l-miżuri meħuda ma jlaħħqux mar-ritmu tat-tibdil fil-klima. L-indirizzar tal-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet huwa wieħed mill-oqsma fejn jeħtieġ tittieħed azzjoni. Ġie enfasizzat li l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-ilma ħelu b’mod sostenibbli huwa fundamentali għar-reżiljenza għall-klima.

(13)

L-iskarsezzi tal-ilma jħallu impatt qawwi ħafna fuq is-saħħa tal-ekosistemi marini u fuq il-vijabbiltà tal-attivitajiet soċjali u ekonomiċi tal-komunitajiet kostali u tal-gżejjer li jiddependu fuqhom. Għalhekk, l-immaniġġjar tal-ilma ħelu u tal-baħar b’mod integrat u effiċjenti hija neċessità.

(14)

Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari (20) jipprovdi aġenda biex isir progress lejn iż-żamma tal-konsum tar-riżorsi fil-konfini planetarji, inkluż l-ilma. F’konformità ma’ dan l-objettiv, il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma b’mod sikur f’setturi differenti tista’ tisfrutta l-potenzjal ekonomiku fir-reġjuni bi stress idriku. Barra minn hekk, tista’ tnaqqas il-ħtieġa ta’ proġetti infrastrutturali għaljin bħal ġibjuni ġodda jew impjanti ta’ desalinizzazzjoni, u dan iwassal għal iffrankar fit-tul u reżiljenza mtejba tan-negozji għan-nuqqas ta’ ilma, kif ukoll għal inqas riskji operazzjonali.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) jippermetti l-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn li l-prodotti jridu jikkonformaw magħhom għat-titjib ta’ serje ta’ aspetti, inkluż l-użu tal-ilma u l-effiċjenza idrika, għal kważi kull kategoriji ta’ prodotti fiżiċi. L-elementi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha.

(16)

Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi gwida dwar l-elementi li mhumiex indirizzati b’mod komprensiv fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ilma: Id-Direttivi 2000/60/KE, (UE) 2020/2184 (22), (UE) 2024/3019 (23), (UE) 2024/1785 (24) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament(UE) 2020/741 Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

(17)

Sabiex tiġi promossa l-effiċjenza idrika, jixraq li jiġi definit sett ta’ prinċipji u rakkomandazzjonijiet li għandu jkun il-bażi għal azzjonijiet futuri tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex tiġi żgurata kunsiderazzjoni aktar sistematika tal-potenzjal tal-iffrankar tal-ilma fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u użu aktar responsabbli tal-ilma fis-setturi kollha.

(18)

Il-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel għandu l-għan li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-konsum tal-ilma, filwaqt li jqis il-fatt li r-riżorsi naturali tal-ilma ħelu huma limitati u se jkomplu jonqsu minħabba żieda fit-tisħin globali. Il-miżuri biex tiżdied l-effiċjenza idrika għandhom jissejsu fuq analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji inkluż l-esternalitajiet ekonomiċi, ambjentali u soċjetali, filwaqt li jqisu wkoll is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, il-ġustizzja u l-ekwità.

(19)

Biex titħaffef l-applikazzjoni tal-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel u biex tiġi promossa l-implimentazzjoni fuq skala kbira ta’ miżuri effiċjenti fl-użu tal-ilma, jeħtieġ jiġu stabbiliti objettivi gwida. Għal dik ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jistabbilixxu l-miri tagħhom għall-effiċjenza idrika, abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

(20)

L-implimentazzjoni tal-prinċipju dwar l-effiċjenza idrika għandha tuża bl-aħjar mod it-teknoloġiji l-ġodda, bħal miters intelliġenti diġitali u sensuri għad-detezzjoni u l-immaniġġjar tat-tnixxijiet, inkluż mill-infrastruttura tal-ilma tax-xorb, kif meħtieġ skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2020/2184.

(21)

Meta l-miżuri biex tiżdied l-effiċjenza idrika jkunu jeħtieġu jiġu sekwenzjati skont ir-restrizzjonijiet tar-riżorsi, għandha tingħata prijorità lil dawk is-setturi li jikkunsmaw l-aktar ilma jew lis-setturi bl-ogħla potenzjal ta’ ffrankar tal-ilma u wara valutazzjoni tal-kompromessi, speċjalment fir-rigward tas-setturi strateġiċi, filwaqt li tiġi rispettata wkoll il-ġerarkija tal-ilma. Dawk is-setturi mistennija jkunu differenti minn baċin tax-xmara għal ieħor u minn akwifer għal ieħor.

(22)

Il-miżuri għall-effiċjenza idrika għandhom jiġu inkorporati fil-programmi ta’ miżuri tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara. Dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għall-iffrankar tal-ilma u għall-progress mixtieq lejn ir-reżiljenza tal-ilma, iżda jekk ikunu parti minn approċċ komprensiv biss. Il-miżuri ta’ governanza ta’ akkumpanjament u l-użu tal-istrumenti ekonomiċi jistgħu jbiddlu l-kisbiet fl-effiċjenza idrika f’titjib dejjiemi tal-bilanċ tal-ilma billi jevitaw effetti ta’ rikorrenza. L-istrateġiji għall-effiċjenza idrika għandhom dejjem ikunu konsistenti mal-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima,

TIRRAKKOMANDA KIF ĠEJ:

Il-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel

(1)

L-Istati Membri mħeġġa japplikaw il-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel, filwaqt li jqisu l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, meta jadottaw miżuri nazzjonali li jaffettwaw l-immaniġġjar tal-ilma.

(2)

Il-prinċipju “l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel” ifisser li jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex titnaqqas id-domanda għall-ilma bħala prijorità akbar mill-isfruttament ta’ riżorsi addizzjonali tal-ilma. F’ordni ta’ prijorità, l-aktar ħaġa importanti hija t-tnaqqis fil-konsum, imbagħad l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex tiżdied l-effiċjenza, segwita mill-użu mill-ġdid tal-ilma mormi u mill-espansjoni tal-provvista tal-ilma.

(3)

Fid-dawl tal-potenzjal għall-iffrankar tal-ilma, l-UE għandu jkollha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza idrika b’mill-inqas 10 % sal-2030. L-Istati Membri mħeġġa jistabbilixxu l-miri tagħhom għall-effiċjenza idrika, abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa metodoloġija konġunta għall-miri tal-effiċjenza idrika, filwaqt li tqis id-differenzi territorjali u differenzi oħra bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi.

Immaniġġjar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma

(4)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri japplikaw il-prattiki għall-immaniġġjar tal-ilma stabbiliti fl-Anness li, b’mod partikolari, jibbażaw fuq il-bilanċ tal-ilma ta’ baċin tax-xmara u fuq projezzjonijiet affidabbli tal-ħtiġijiet ambjentali u soċjoekonomiċi tal-ilma. Dawn il-prattiki għandhom jibbażaw ukoll fuq il-valutazzjoni tal-impatti tat-tibdil fil-klima u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà abbażi tax-xenarji rilevanti tat-tibdil fil-klima, u l-impatti tagħhom fuq is-sigurtà ċivili. Dawn il-prattiki għandhom jibbażaw fuq kontrolli effettivi u regolari tal-estrazzjonijiet tal-ilma, proċeduri tal-għoti tal-permessi adattabbli, appoġġ qawwi għar-riċerka u l-innovazzjoni, u użu sħiħ ta’ għodod diġitali avvanzati.

(5)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jippromwovu l-effiċjenza fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista tal-ilma, jiġifieri l-ħżin, it-trasport u l-użu tal-ilma, kif stabbilit fl-Anness, u jiżguraw l-investimenti meħtieġa.

(6)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel, meta possibbli, fis-setturi kollha li jużaw l-ilma, fosthom l-agrikoltura, l-enerġija, l-industrija, il-kummerċ, is-settur pubbliku tal-provvista tal-ilma, u l-ekonomija diġitali, fil-livelli kollha tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi għall-immaniġġjar tal-ilma.

Governanza

(7)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw governanza xierqa għall-immaniġġjar tal-ilma billi jiżguraw, b’mod partikolari, mekkaniżmi trasparenti, siguri, inklużivi, ġusti u prevedibbli għall-allokazzjoni tal-ilma, jipprovdu ċertezza dwar il-prijoritajiet tal-allokazzjoni bejn il-kategoriji tal-użi f’każ ta’ skarsezza, filwaqt li jissalvagwardjaw l-aċċess ta’ gruppi vulnerabbli u emarġinati għal ilma tax-xorb affordabbli u ilma għas-sanitazzjoni.

Taħriġ u tqajjim ta’ kuxjenza

(8)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jinvestu fil-ħiliet u fir-riżorsi umani biex jiżguraw immaniġġjar effettiv u effiċjenti tal-ilma fil-livelli kollha.

(9)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u n-negozji fir-rigward tal-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu ripetuti f’intervalli regolari.

Kooperazzjoni transkonfinali u dimensjoni internazzjonali

(10)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni transkonfinali sħiħa dwar l-aspetti kwantitattivi tal-immaniġġjar tal-ilma għall-baċini tax-xmajjar kollha, inkluż permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE u tal-mekkaniżmi u l-korpi ta’ kooperazzjoni internazzjonali rilevanti.

(11)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jippromwovu l-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel anke fil-livell internazzjonali, bħall-UN-Water, il-Programm tan-NU għall-Ambjent, il-G7 u l-G20, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni f’Pajjiżi Milquta Serjament min-Nixfa u/jew id-Deżertifikazzjoni, b’mod partikolari fl-Afrika, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, u jsaħħu l-involviment tagħhom ma’ istituzzjonijiet finanzjarji bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Dinji, kif ukoll mas-settur privat biex jattiraw investimenti fit-tul f’inizjattivi għall-effiċjenza idrika.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Jessika ROSWALL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) u tad-Direttiva dwar l-Għargħar (2007/60/KE) It-tielet pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar It-tieni pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar, COM(2025) 2 final.

(2)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/oj).

(3)  Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/60/oj).

(4)  Ara l-pubblikazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA, European Environment Agency) bit-titolu Water Scarcity Conditions in Europe, disponibbli hawnhekk. Huwa preżunt li indikatur WEI+ għar-riżorsi tal-ilma ta’ aktar minn 20 % jissuġġerixxi sitwazzjoni ta’ skarsezza tal-ilma.

(5)  EEA, Water Resources Across Europe, 2021, disponibbli hawnhekk.

(6)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2025 dwar l-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma (2024/2104(INI)).

(7)  Il-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa, Rapport tal-EEA 01/2024, il-paġna 209 fiha aktar referenzi.

(8)  Il-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa (2024), il-Kapitolu 5 u l-Kapitolu 11, li tinkludi wkoll aktar informazzjoni dwar iż-żieda mistennija ta’ nixfiet fit-tul (inkluż il-meganixfiet) fl-Ewropa.

(9)  Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, Is-sitt rapport ta’ valutazzjoni. https://www.ipcc.ch/assessment-report/ar6/

(10)  EEA (2024), Water abstraction by source and economic sector in Europe, disponibbli fuq https://www.eea.europa.eu/en/analysis/indicators/water-abstraction-by-source-and.

(11)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, Climate-related risks to financial stability, iċ-ċart B.2.

(12)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, The Climate Insurance Protection Gap, abbażi tad-data tal-EIOPA, disponibbli hawnhekk.

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni, COM(2025)85 final.

(14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Boxxla għal-Kompetittività tal-UE, COM(2025) 30 final.

(15)  Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Unjoni tal-Preparatezza, JOIN(2025) 130 final.

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj).

(17)   https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7443-2023-INIT/en/pdf.

(18)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.

(19)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima - l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, COM(2021) 82 final.

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva, COM(2020) 98 final.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/2184/oj).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2024/3019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 dwar it-trattament tal-ilma mormi urban (ĠU L, 2024/3019, 12.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/3019/oj).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill (ĠU L, 2024/1785, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/741/oj).


ANNESS

Prattiki ewlenin effiċjenti fl-użu tal-ilma biex jiġu implimentati l-prinċipji gwida li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel

(1)   Kontroll aħjar tar-riżorsa

Inżommu bilanċi tal-ilma akkurati u aġġornati abbażi tal-gwida disponibbli (1) u nqisu dawn il-bilanċi tal-ilma fid-deċiżjonijiet marbuta mal-ippjanar li jaffettwaw il-konsum tal-ilma u l-miżuri għall-iffrankar tal-ilma. Għal dan l-għan, għandha tiġi kkunsidrata l-azzjoni li ġejja:

(1)

Nistabbilixxu u nimmonitorjaw kontinwament l-estrazzjonijiet, it-telf u r-ritorn tal-ilma fil-korpi kollha tal-ilma ta’ kull baċin tax-xmara u nippromwovu l-kejl diġitali tal-konsum tal-ilma għall-estrazzjonijiet u l-iskariki tal-ilma. Il-fornituri tal-ilma għandhom ta’ sikwit jagħmlu d-dokumenti u d-data dwar il-bidliet fil-bilanċ tal-ilma u fil-kwalità tal-ilma disponibbli għall-pubbliku.

(2)

Fis-settur pubbliku tal-provvista tal-ilma għandu jiġi żgurat li l-konsum tal-ilma jitkejjel b’mod individwali għal kull binja u, fil-każ tal-kondominji, għal kull appartament individwali. L-użu tal-miters intelliġenti għandu jitħeġġeġ meta jkun meħtieġ rappurtar tad-data f’ħin reali għal kisbiet addizzjonali fl-effiċjenza li jwasslu biex l-investiment ikun siewi.

(3)

Nistabbilixxu flussi ekoloġiċi (2) tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, filwaqt li nqisu wkoll il-ħtiġijiet tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, fil-baċini tax-xmajjar kollha biex isir magħruf il-volum massimu ta’ estrazzjonijiet sostenibbli, li huwa prekundizzjoni għall-użu razzjonali u effiċjenti tal-ilma. Il-volum massimu ta’ estrazzjonijiet sostenibbli għandu jqis ukoll il-ħtiġijiet tal-utenti mhux konsumattivi u r-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Ninvolvu ruħna f’koordinazzjoni transkonfinali għall-istabbiliment ta’ flussi ekoloġiċi għax-xmajjar transfruntiera biex jiġu evitati kunflitti li jistgħu jimminaw approċċ effiċjenti għall-konsum tal-ilma. Niżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-flussi ekoloġiċi billi nqisuhom b’mod sistematiku f’kundizzjonijiet għall-permessi tal-ilma.

(4)

Nivvalutaw b’mod adegwat, abbażi tal-gwida disponibbli (3), intrużjonijiet salini u intrużjonijiet oħrajn u l-ħtiġijiet tal-ilma ta’ ekosistemi terrestri u akkwatiċi assoċjati dipendenti li huma konnessi mal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Napplikaw b’mod responsabbli, permezz ta’ valutazzjoni komprensiva tar-riskju, tekniki ta’ riforniment immaniġġjat tal-akwiferi (4).

(5)

Niżguraw li l-permessi għall-estrazzjonijiet tal-ilma għall-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art iqisu t-tbassir tat-tibdil fil-klima, li jinkorporaw l-inċertezza għall-antiċipazzjoni ta’ bidliet futuri fil-bilanċ tal-ilma, u nallinjaw regolarment il-permessi tal-ilma biex nevitaw l-estrazzjonijiet żejda (5). Inkunu ċerti li s-sistema li tippermetti l-estrazzjonijiet tkun aġli biżżejjed, filwaqt li fejn ikun xieraq inqisu wkoll varjazzjonijiet staġjonali sinifikanti. Nevitaw żminijiet twal għalxejn għall-ħruġ tal-permessi sabiex ikun hemm lok għal adattament flessibbli fid-dawl tal-bidliet fil-bilanċ tal-ilma. Napplikaw prezzijiet xierqa tal-ilma għall-iżgurar ta’ użu effiċjenti tal-ilma. Nadottaw sanzjonijiet dissważivi biżżejjed għal estrazzjonijiet u skariki tal-ilma illegali, mhux irreġistrati jew mhux permessi.

(6)

Niżguraw li l-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar jinkludu “bilanċi tal-ilma” u nikkwantifikaw il-konsum tal-ilma għal kull attività soċjoekonomika biex niffaċilitaw l-ippjanar ta’ miżuri ta’ effiċjenza bbażati fuq stimi għall-potenzjal tal-iffrankar tal-ilma li jifdal. Nintegraw l-aspetti tal-immaniġġjar tar-riskju ta’ nixfa fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u nħejju għar-riskju ta’ nixfa fit-tul.

(7)

Niżguraw li ż-żieda fl-effiċjenza idrika twassal għal reżiljenza permezz ta’ konsum aktar baxx tal-ilma. Għal dik il-fini:

—

napplikaw il-prinċipju tal-irkupru tal-kostijiet għas-servizzi tal-ilma sabiex l-utenti kollha tal-ilma u s-setturi tal-użu tal-ilma jipprovdu kontribuzzjoni adegwata għall-kostijiet tas-servizzi tal-ilma;

—

niżguraw li l-politiki tal-ipprezzar tal-ilma jipprovdu inċentivi adegwati għall-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma abbażi tal-analiżi ekonomika meħtieġa skont l-Anness III tad-Direttiva 2000/60/KE (6);

—

nużaw aħjar u b’mod usa’ l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-prinċipju ta’ prekawzjoni billi neliminaw is-sussidji ambjentali dannużi u niżguraw mekkaniżmi ta’ pprezzar affordabbli, ġusti u ekwi għall-utenti kollha tal-ilma.

B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru tal-kostijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew reġjuni affettwati.

Niżguraw it-trasparenza sħiħa tal-politiki tal-ipprezzar tal-ilma, b’mod partikolari fil-livell tat-tariffi, l-użu tal-fondi u l-miżuri meħuda biex tiġi ppreservata r-riżorsa tal-ilma. Hija prattika tajba li dan jiġi applikat anke f’setturi oħra lil hinn mill-ilma tax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi urban.

(2)   Effiċjenza fit-trasport

Intejbu l-immaniġġjar tat-tnixxijiet tal-ilma bħala parti essenzjali mill-immaniġġjar operazzjonali tas-sistemi tal-provvista tal-ilma u nipprijoritizzaw l-investimenti biex jiġu indirizzati malajr it-tnixxijiet, b’enfasi fuq iż-żoni tal-provvista l-aktar fil-bżonn u bl-użu ta’ kull opportunità u għodda ta’ finanzjament tal-Unjoni disponibbli.

(3)   Effiċjenza fil-ħżin

(a)

Nipprijoritizzaw il-miżuri naturali għaż-żamma tal-ilma (7), fil-ħamrija, fil-foresti, fl-ilma ta’ taħt l-art u fl-artijiet mistagħdra, li jnaqqsu l-evaporazzjoni meta mqabbla mal-ħżin tal-ilma ’l fuq mill-art f’ġibjuni artifiċjali.

(b)

Nagħmlu manutenzjoni regolari ta’ ġibjuni artifiċjali inkluż permezz tad-delimitazzjoni tal-finanzjament għat-tneħħija perjodika tas-sedimenti u l-prevenzjoni tat-tnixxijiet.

(c)

Intejbu kemm nistgħu l-immaniġġjar tal-ilma urban permezz tal-“ħżin tal-ilma tax-xita”, u forom oħra ta’ żamma naturali tal-ilma u nħaffu l-introduzzjoni ta’ miżuri biex nevitaw it-tifjid tal-ilma tal-maltemp (8).

(4)   Effiċjenza fl-użu

(a)

Nippromwovu l-adozzjoni tal-aħjar teknoloġiji, prattiki u servizzi disponibbli biex niżguraw użu effiċjenti tal-ilma fis-setturi kollha, inkluż permezz tal-promozzjoni taċ-ċirkolarità.

(b)

Nippromwovu l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi lil hinn mill-irrigazzjoni inkluż anke fl-industrija, l-enerġija u s-settur pubbliku tal-provvista tal-ilma filwaqt li nevitaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u filwaqt li nżommu f’moħħna l-impatti ambjentali ta’ flussi ta’ ritorn imnaqqsa f’baċin tax-xmara.

(5)   Governanza tajba

(a)

Niżviluppaw skemi ta’ allokazzjoni tal-ilma li jkunu trasparenti u li jkollhom mekkaniżmu ta’ governanza inklużiv biex niżguraw il-prevedibbiltà għall-utenti tal-ilma kkonċernati, inkluż l-utenti mhux konsumattivi, filwaqt li nippromwovu s-sostenibbiltà, il-ġustizzja, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Meta niġu biex infasslu l-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-ilma, għandna nqisu l-potenzjal tal-iffrankar tal-ilma tas-setturi u r-reġjuni.

(b)

Niżviluppaw jew nippreservaw politiki soċjali speċifiċi li jkunu ta’ benefiċċju għall-utenti tal-ilma bi dħul baxx u/jew għal persuni vulnerabbli/emarġinati biex niżguraw aċċess għall-ilma u s-sanitazzjoni għal kulħadd, kif meħtieġ mid-Direttiva (UE) 2020/2184 u d-Direttiva (UE) 2024/3019.

(6)   Taħriġ u tqajjim ta’ kuxjenza

(a)

Inżidu l-ħiliet u nħarrġu lill-awtoritajiet tal-immaniġġjar tal-ilma, u lill-awtoritajiet responsabbli għas-setturi li jużaw l-ilma, biex ngħinuhom japplikaw il-prinċipju li l-effiċjenza idrika tiġi l-ewwel għall-promozzjoni ta’ konsum aktar baxx tal-ilma.

(b)

Nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, intejbu l-ħiliet u nsaħħu l-għarfien dwar l-aspetti kollha tal-immaniġġjar effiċjenti tal-ilma fis-setturi li jużaw l-ilma. Inqajmu kuxjenza fost il-konsumaturi dwar l-importanza tal-iffrankar tal-ilma filwaqt li nagħtuhom is-setgħa jaġixxu b’mod aktar sostenibbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet lokali. Dan jinkludi wkoll trasparenza għall-konsumaturi u ċ-ċittadini dwar il-konsum tal-ilma u l-immaniġġjar tal-ilma f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2020/2184 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2024/3019.

(c)

Nippromwovu informazzjoni aħjar għall-konsumaturi u nqajmu kuxjenza dwar l-impronta fuq l-ilma tal-prodotti u s-servizzi tal-konsumatur bl-użu ta’ għodod, bħall-Ekotikketta tal-UE u l-Passaport Diġitali tal-Prodotti skont ir-Regolament (UE) 2024/1781.

(7)   Dimensjoni internazzjonali

(a)

Nikkunsidraw, kull meta jkun rilevanti, il-prinċipji u l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta nkunu qed infasslu l-appoġġ tekniku u finanzjarju għall-pajjiżi sħab.

(b)

Insaħħu l-involviment mal-istituzzjonijiet finanzjarji, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Dinji, kif ukoll mas-settur privat biex nattiraw investimenti fit-tul f’inizjattivi tal-effiċjenza idrika f’konformità mal-objettivi tal-istrateġija Global Gateway tal-UE (9).

(c)

Nikkondividu l-aħjar prattiki billi nimplimentaw il-prinċipji u l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u nippromwovu r-reżiljenza u l-effiċjenza idrika fil-kooperazzjoni internazzjonali.


(1)  Ara l-istrateġija komuni ta’ implimentazzjoni (CIS, Common Implementation Strategy) fil-Gwida Nru 34 rigward il-bilanċi tal-ilma tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, disponibbli hawnhekk.

(2)  Ara l-Gwida Nru 31 tas-CIS rigward il-flussi ekoloġiċi, disponibbli hawnhekk.

(3)  Ara l-Gwida Nru 18 tas-CIS rigward l-istat tal-ilma ta’ taħt l-art u l-valutazzjoni tax-xejriet, disponibbli hawnhekk.

(4)  Ara l-Gwida Nru 39 tas-CIS rigward ir-riforniment immaniġġjat tal-akwiferi, disponibbli hawnhekk.

(5)  Ara l-Gwida Nru 24 tas-CIS rigward l-immaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u t-tibdil fil-klima, disponibbli hawnhekk.

(6)  Ara l-Gwida Nru 1 tas-CIS rigward l-ekonomija u l-ambjent, disponibbli hawnhekk.

(7)  Ara, pereżempju, il-gwida bit-titolu, A guide to support the selection, design and implementation of natural water retention measures in Europe, Capturing the multiple benefits of nature-based solutions, disponibbli hawnhekk; u r-rapport tekniku tas-CIS 82 bit-titolu Natural Water Retention Measures, disponibbli hawnhekk; u l-pubblikazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bit-titolu Nature-based solutions for agricultural water management, disponibbli hawnhekk.

(8)  F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2024/3019.

(9)  Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, Il-Portal Globali, JOIN(2021) 30 final.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2025/1179/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)