SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Mejju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Liġi dwar l-ikel – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali – Regolament (KE) Nru 852/2004 – Iġjene tal-prodotti tal-ikel – Artikolu 4(2) – Obbligi ġenerali u speċifiċi imposti fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel – Portata – Anness II – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ iġjene għal dawn l-operaturi – Artikolu 5 – Prinċipji ta’ analiżi tal-perikoli u tal-punti kritiċi ta’ kontroll (prinċipji HACCP) – Portata – Konstatazzjoni ripetuta, mill-awtorità kompetenti, ta’ traċċi u materja fekali ta’ pesti fi ħwienet u mħażen ta’ impriża fis-settur tal-ikel – Reat kriminali previst mid-dritt nazzjonali skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 178/2002”

Fil-Kawża C‑483/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura kriminali kontra

Aldi SA,

fil-preżenza ta’:

Procureur général près la Cour d’appel de Liège

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu–Matei, S. Rodin, N. Piçarra (Relatur) u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: G. Chiapponi, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ġunju 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Aldi SA, minn N. Cariat u D. Verwaerde, avocats, u H. Van Bavel, advocaat,

–

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, kif ukoll M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

–

għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, S. Finnegan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn B. Quigley, SC, S. Brittain, BL,

–

għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A. Vasilopoulo, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Franċiż, minn P. Chansou u B. Travard, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Le Bot u M. Zerwes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) kif ukoll tal-punt 2(c) tal-Kapitolu I, tal-punt 1(a) tal-Kapitolu V u tal-punti 2 sa 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra operatur tas-settur tal-ikel, Aldi SA, li hija mfittxija għal diversi reati għal ksur tar-Regolament Nru 852/2004.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

3

Il-premessa 30 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5) hija fformulata kif ġej:

“Operatur ta’ negozju ta’ l-ikel qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex iħaddem sistema żgura għall-provvista ta’ ikel li tiżgura li l-ikel li jipprovdi jkun tajjeb; b’hekk, għandu jkollu responsabbiltà primarja legali li tiżgura s-sigurtà ta’ l-ikel. […]”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern. Jistabbilixxi prinċipji komuni u responsabbiltajiet, il-mezzi ta’ provvista ta’ bażi xjentifika soda, arranġamenti effiċjenti ta’ organizzazzjoni u proċeduri biex isostni it-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tifsiriet oħra”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

2)

‘negozju ta’ l-ikel’ tfisser kull intrapriża, sew għall-profitt sew jekk le u sew pubblika kemm privata, li twettaq xi waħda mill-attivitajiet relatati ma’ xi stadju ta’ produzzjoni, ipproċessar jew tqassim ta’ l-ikel;

3)

‘operatur ta’ negozju ta’ l-ikel’ tfisser persuni naturali jew legali responsabbli li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fin-negozju ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom;

[…]

9)

‘riskju’ tfisser funzjoni tal-probabilità ta’ effetti kuntrarji fuq is-saħħa u s-severità ta’ dawk l-effetti, b’konsegwenza ta’ dak il-perikolu;

[…]

14)

‘perikolu’ tfisser aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kondizzjoni ta’, ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa;

[…]”

6

L-Artikolu 14 tal-istess regolament, intitolat “Ħtiġijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel”, jipprovdi:

“1.   L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb.

2.   L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li:

a)

jkun ta’ ħsara għas-saħħa;

b)

ma jkunx tajjeb għall-konsum uman.

[…]

5.   Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 178/2002, intitolat “Responsabbiltajiet”:

“1.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel u l-għalf ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġi dwar l-ikel, u jimmonitorjaw u jivverifikaw li l-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa mill-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

[…]

L-Istati Membri għandhom ukoll iniżżlu r-regoli dwar il-miżuri u penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Il-miżuri u l-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Ir-Regolament Nru 852/2004

8

Il-premessi 1, 7, 8, 12 u 16 tar-Regolament Nru 852/2004 jipprovdu:

“(1)

It-tfittxija għal protezzjoni ta’ livell għoli tal-ħajja u s-saħħa umana hija waħda mill-għamijiet fundamentali tal-liġi dwar l-ikel, kif stabbilita fir-[Regolament Nru 178/2002], [li] jistabbilixxi wkoll prinċipji u definizzjonijiet komuni oħrajn għal-liġi nazzjonali u tal-Komunità dwar l-ikel, inkluż l-għan li jkun akkwistat moviment ħieles ta’ l-ikel fi ħdan il-Komunità.

[…]

(7)

L-għan ewlieni ta’ dawn ir-regoli ġenerali u speċifiċi ġodda huwa li jassigura livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur f’dak li jirrigwarja s-sigurtà ta’ l-ikel.

(8)

Resqien [Approċċ] integrat huwa meħtieġ sabiex jassigura s-sigurtà ta’ l-ikel mill-postijiet primarji tal-produzzjoni sal-wasla u inkluż it-tqegħid fis-suq jew l-esportazzjoni. Kull operatur fin-negozju ta’ l-ikel matul il-katina ta’ l-ikel għandhopm jassiguraw li l-sigurtà ta’ l-ikel ma tkunx kompromessa.

[…]

(12)

Is-sigurtà ta’ l-ikel hija riżultat ta’ diversi fatturi: Leġislazzjoni għandha tesiġi l-ħtiġiet minimi ta’ l-iġjene; kontrolli uffiċċjali għandhom ikunu fis-seħħ għall-verifika tal-konformità ta’ l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel u ta’ l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel u li joperaw programmi ta’ sigurtà ta’ l-ikel u l-proċeduri ibbażati fuq il-[prinċipji ta’ analiżi u tal-punti kritiċi ta’ kontroll prinċipji, iktar ’il quddiem il-‘prinċipji HACCP’].

[…]

(16)

Il-flessibiltà hija wkoll xierqa sabiex tiffaċilita l-użu tal-metodi tradizzjonali fi kwalunkwe mill-stadji tal-produzzjoni, l-ipproċessar jew tad-distribuzzjoni ta’ l-ikel u b’relazzjoni mal-ħtiġiet strutturali għall-istabbelimenti. […] B’dana kollu, il-flessibiltà m’għandhiex tikkomprometti l-għanijiet ta’ l-iġjene ta’ l-ikel. […]”

9

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, billi jitqiesu partikolarment dawn il-prinċipji li ġejjin:

a)

responsabbiltà primarja dwar is-sigurtà ta’ l-ikel hija ta’ l-operatur tan-negozju ta’ l-ikel;

b)

huwa meħtieġ li tkun assigurata s-siġurtà ta’ l-ikel matul il-katina ta’ l-ikel, tibda mill-produzzjoni primarja;

[…]

d)

l-implementazzjoni ġenerali tal-proċeduri ibbażati fuq il-prinċipji HACCP, flimkien ma’ l-applikazzjoni ta’ prattika tajba ta’ l-iġjene, għandha ssaħħaħ ir-responsabbiltà ta’ l-operatur tan-negozju ta’ l-ikel;

[…]”

10

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)

‘iġjene ta’ l-ikel’, minn hawn il-quddiem imsejħa ‘iġjene’, tfisser il-miżuri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kontroll tal-perikoli u sabiex jassiguraw il-bontà għall-konsum uman ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel billi jkun meqjus l-użu ntiż tagħhom;

[…]

d)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità ċentrali ta’ Stat Membru li tkun kompetenti sabiex tassigura l-konformità mal-ħtiġiet ta’ dan ir-Regolament jew xi awtorità oħra li lilha l-awtorità ċentrali tkun iddelegat dik il-kompetenza, din għandha tinkludi, meta xieraq, l-awtorità korrespondenti ta’ pajjiż terz;

[…]

f)

‘kontaminazzjoni’ tfisser il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu;

[…]

2.   id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 għandu wkoll tkun applikabbli.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi ġenerali”:

“L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jassiguraw li matul l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom ikunu jissodidfaw il-ħtiġiet ta’ l-iġjene kif stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

12

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 852/2004, intitolat “Ħtiġiet ġenerali u speċifiċi ta’ l-iġjene”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jwettqu kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel wara dawk l-istadju [istadji] li dwarhom il-paragrafu 1 huwa applikabbli għandhom ikunu konformi mal-ħtiġiet ta’ l-iġjene kif stabbiliti fl-Anness II […]”

13

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Punti ta’ l-analiżi u l-kontroll kritiku tal-perikoli”, jipprevedi:

“1.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jistabbilixxu, jimplementaw u jżommu proċedura jew proċeduri permanenti ibbażati fuq il-prinċipji HACCP.

2.   Il-prinċipji HACCP referuti fil-paragrafu 1 jikkonsistu minn dawn li ġejjin:

a)

l-identifikazzjoni ta’ xi perikoli li għandhom ikunu pprevenuti, eliminati jew imnaqqsa sal-livelli aċċettabbli;

b)

jidentifikaw il-punti kritiċi tal-kontroll fil-pass jew passi li fih il-kontroll huwa essenzjali sabiex jipprevjenu jew jeliminaw periklu jew inaqqsuh għal-livelli aċċettabbli;

c)

jistabbilixxu limiti kritiċi fil-punti kritiċi tal-kontroll li jisseperaw l-aċċettabbiltà minn nuqqas-ta’-aċċettabbiltà għall-prevenzjoni, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-perikoli identifikati;

d)

jistabbilixxu u jimplementaw proċeduri effettivi ta’ monitoraġġ fil-punti kritiċi tal-kontroll;

e)

jistabbilixxu azzjonijiet korrettivi meta l-monitoraġġ jindika li punt kritiku tal-kontroll ma jkunx taħt kontroll;

f)

jistabbilixxu proċeduri, li għandhom ikunu mwettqa b’mod regolari, sabiex jivverifikaw li l-miżuri elenkati fis-subparagrafi (a) sa (e) jkunu joperaw b’mod effettiv; u

g)

jistabbilixxu dokumenti u reġistri proporzjonati man-natura u d-daqs tan-negozju ta’ l-ikel sabiex juru l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri spjegati fis-subparagrafi (a) sa (f).

[…]”

14

L-Anness II tal-imsemmi regolament huwa intitolat “Ħtiġiet Iġjeniċi għall-Operaturi Kollha tan-Negozju ta’ l-Ikel (Apparti Meta l-Anness I Ikun Applikabbli)”. Il-Kapitolu I tiegħu, intitolat “Ħtiġiet ġenerali għall-fondi ta’ l-ikel (apparti minn dawk speċifikati fil-Kapitolu III)” jipprovdi fil-punt 2 tiegħu:

“It-tqassim, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-ippustjar u l-ħażna ta’ l-ikel fil-fondi għandhom:

[…]

(c)

jippermetti għall-prattiċi ta’ iġjene tajba ta’ l-ikel, inkluża l-protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni u, partikolarment, il-kontroll tal-pesti”.

[…]”

15

Il-Kapitolu V ta’ dan l-Anness II, intitolat “Ħtiġiet ta’ l-apparat”, jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu:

“L-oġġetti, l-għodda u l-apparat kolha li jkunu f’kuntatt ma l-ikel għandhom:

(a)

ikunu effittivament imnaddfa u, meta meħtieġ, disinfettati. It-tindif u d-disinfettazzjoni għandhom iseħħu matul intervalli suffiċjenti sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni;

[…]”

16

Il-Kapitolu IX tal-imsemmi Anness II, intitolat “Dispożizzjonijiet applikabbli għall-oġġetti ta’ l-ikel”, jipprovdi, fil-punti 2 sa 4 tiegħu:

“2.

Materjali primi u l-ingredjenti kollha maħżuna fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jinżammu f’kondizzjonijiet xierqa iddisinjati għall-prevenzjoni ta’ deterjorazzjoni perikoluża u li jkunu protetti mill-kontaminazzjoni.

3.

Fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, l-ikel għandu jkun protett kontra xi kontaminazzjoni li aktars li tirrendih mhux tajjeb għall-konsum uman, ta’ ħsara għas-saħħa jew kontaminat b’tali mod li ma jkunx raġjonevolment mistenni li jkun ikkunsmat f’dak l-istat.

4.

Proċeduri adekwati għandhom ikunu fis-seħħ għall-kontroll tal-pesti. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Wara kontrolli li saru fl‑20 ta’ Settembru 2020, fil‑25 ta’ Novembru 2021, fit‑12 ta’ Jannar 2022, fl‑4, fis‑7 u fit‑8 ta’ Frar 2022, fid-29 ta’ Ġunju 2022, kif ukoll fis‑6 u fit‑13 ta’ Lulju 2022 f’sitt ħwienet u f’maħżen operati minn Aldi, l-awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 852/2004, stabbilixxiet diversi proċessi verbali li jikkonstataw b’mod partikolari, ħdax-il darba, il-preżenza ta’ materja fekali ta’ rodituri u, tliet darbiet, il-preżenza ta’ oġġetti imgiddmin u mtebbgħin b’materja fekali għall-bejgħ f’ħanut, il-preżenza ta’ ħmieġ u ta’ riskji ta’ kontaminazzjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ sistema ta’ kontroll meta jiġu rċevuti l-prodotti kkunsinnati.

18

Konsegwentement, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ipproċeda kontra Aldi għal reat kriminali previst mid-dritt nazzjonali għal ksur, minn kull operatur tas-settur tal-ikel, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 178/2002, tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 852/2004, moqri flimkien ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness II tiegħu.

19

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2023, it-tribunal correctionnel du Luxembourg, division Neufchâteau (il-Qorti Kriminali tal-Lussemburgu, Sezzjoni Neufchâteau, il-Belġju), illiberat lil Aldi mill-imputazzjonijiet kollha kontriha.

20

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Frar 2024, il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju) ikkonfermat din is-sentenza, billi qieset li r-Regolament Nru 852/2004 ma jimponix fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel li joperaw fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel, obbligu ta’ riżultat fil-qasam tal-ġlieda kontra l-pesti, iżda sensiela ta’ obbligi ta’ mezzi. Il-preżenza ta’ traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti fil-ħwienet u fil-maħżen ikkonċernati għalhekk ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, ksur ta’ dan ir-regolament. Din il-qorti bbażat ruħha, għal dan l-għan, fuq il-prinċipji HACCP stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament u fuq l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sistemi għall-immaniġġjar tas-sikurezza tal-ikel li jkopru l-Prattiki tal-Iġjene Tajba u l-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP, inkluż il-faċilitazzjoni/il-flessibbiltà tal-implimentazzjoni f’ċerti negozji tal-ikel (ĠU 2022, C 355, p. 1).

21

Il-Prosekutur Ġenerali tal-cour d’appel de Liège (il-Prosekutur Ġenerali tal-cour d’appel de Liège) appella minn is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostna li din l-interpretazzjoni tneħħi s-sustanza tar-rekwiżit ta’ iġjene u ta’ sigurtà tal-ikel stabbilit mir-Regolament Nru 852/2004. Fil-fehma tiegħu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-operaturi tas-settur tal-ikel minn dan ir-regolament jirrigwarda biss l-għażla tal-prattiki li għandhom jiġu adottati, u mhux ir-riżultat li għandu jinkiseb. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-preżenza ta’ traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti hija biżżejjed sabiex jiġi pprovat li dan ir-rekwiżit ma ġiex osservat, mingħajr ma din l-awtorità tkun obbligata tistabbilixxi li l-operatur ikkonċernat ma implimentax il-mezzi kollha possibbli għall-ġlieda kontra dan il-perikolu.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-[Regolament Nru 852/2004] kif ukoll fl-Anness II ta’ dan ir-regolament u b’mod iktar speċifiku fil-punti 2(c) tal-Kapitolu I, 1(a) tal-Kapitolu V, 2, 3 u 4 tal-Kapitolu IX, jimponu fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel bl-ingrossa u bl-imnut obbligu ta’ riżultat, b’tali mod li l-konstatazzjoni ta’ traċċi jew ta’ [materja fekali] minn pesti fi ħwienet u fi mħażen huwa biżżejjed, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, kawża estranja jew żball li ma setgħax jiġi evitat, sabiex jiġi stabbilit il-ksur tal-imsemmi regolament, jew l-operaturi tas-settur tal-ikel huma marbuta biss b’obbligu ta’ mezzi, jiġifieri li tagħmel dak kollu li huwa possibbli sabiex tiġi evitata l-preżenza ta’ pesti, b’tali mod li s-sempliċi konstatazzjoni, mill-awtorità amministrattiva nazzjonali, ta’ traċċi u ta’ [materja fekali] minn pesti fil-ħwienet u fl-imħażen ma tkunx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-ksur ta’ dan ir-regolament?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

23

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Aldi sostniet li, peress li ma kinitx akkużata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) tal-Kapitolu V u tal-punt 2 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, hija biss l-interpretazzjoni tal-punt 2(c) tal-Kapitolu I u tal-punti 3 u 4 tal-Kapitolu IX ta’ dan l-anness li hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li ser tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2025, Stichting Right to Consumer Justice u Stichting App Stores Claims, C‑34/24, EU:C:2025:936, punt 39, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Lukoil Bulgaria,C‑260/24, EU:C:2025:988, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Fondazione Teatro alla Scala di Milano, C‑668/24, EU:C:2026:60, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) tal-Kapitolu V u tal-punt 2 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004 ġewx speċifikament invokati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontra Aldi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-prodotti tal-ikel u jagħmlu parti mill-kuntest li fid-dawl tiegħu dan l-anness kollu għandu jiġi interpretat. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni mitluba tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju b’rabta ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet hija ta’ natura ipotetika.

27

Barra minn hekk, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Aldi sostniet li d-domanda magħmula ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana, peress li r-Regolament Nru 852/2004 ma jinkludi ebda dispożizzjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet kriminali.

28

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-obbligi imposti fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel mir-Regolament Nru 852/2004, li jirreferi espressament għar-Regolament Nru 178/2002. Issa, dan tal-aħħar, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tiegħu, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu miżuri u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ikel.

29

Għaldaqstant, din il-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-ksur tar-Regolament Nru 852/2004 imputat lil Aldi u li ġie ttrasformat f’reat kriminali mil-leġiżlatur Belġjan, u d-domanda magħmula tirrigwarda effettivament l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

30

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li titressaq quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll, tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 44).

32

Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-punt 2(c) tal-Kapitolu I, il-punt 1(a) tal-Kapitolu V u l-punti 2 sa 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-konstatazzjoni, mill-awtorità kompetenti, ta’ traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti fi ħwienet u f’imħażen ta’ impriża fis-settur tal-ikel hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligi imposti fuq l-operatur tas-settur tal-ikel li jikkontrolla din l-impriża, skont dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi pprovat barra minn hekk li dan l-operatur ma jkunx implimenta l-mezzi kollha possibbli sabiex jipprevjeni l-preżenza ta’ tali pesti.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 852/2004 huwa li jiġi żgurat lill-konsumatur livell għoli ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 7 ta’ dan ir-regolament. Dan l-għan innifsu jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għan fundamentali tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tal-Unjoni, jiġifieri l-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem, imsemmi wkoll mir-Regolament Nru 178/2002, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) tiegħu.

34

Dan l-aħħar regolament, kif tfakkar il-premessa 1 tar-Regolament Nru 852/2004, jistabbilixxi wkoll prinċipji u definizzjonijiet komuni oħra fil-qasam tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ikel u tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 178/2002 huwa għalhekk marbut mill-qrib mar-Regolament Nru 852/2004, li l-Artikolu 2(2) tiegħu jipprovdi li d-definizzjonijiet previsti mill-ewwel regolament japplikaw ukoll fil-kuntest tat-tieni wieħed.

35

Qabel xejn, l-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002 jipprovdi li ebda prodott tal-ikel ma jista’ jitqiegħed fis-suq jekk dan ikun “[perikoluż]”, jiġifieri jekk jitqies li huwa ta’ ħsara għas-saħħa jew mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem.

36

Sussegwentement, l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 30, jimponi fuq l-operatur tas-settur tal-ikel, kif iddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, ir-responsabbiltà ġuridika primarja li jiżgura, fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni fl-impriżi taħt il-kontroll tiegħu, li l-prodotti tal-ikel jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel applikabbli għall-attivitajiet tiegħu u li jivverifika l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 852/2004 jistabbilixxi l-prinċipju li r-responsabbiltà primarja fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel taqa’ fuq l-operatur tas-settur tal-ikel.

37

Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 852/2004 bħala l-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ “periklu”, kunċett innifsu ddefinit fil-punt 14 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 178/2002 bħala aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku preżenti fil-prodotti tal-ikel, jew stat tagħhom li jista’ jkollu effett negattiv fuq is-saħħa.

38

Din id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” tixhed il-volontà manifesta tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippromwovi livell għoli ta’ sigurtà tal-ikel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 40, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2024, Micreos Food Safety, C‑745/22, EU:C:2024:160, punt 42).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà iddeċidiet li l-importanza tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u, b’hekk, li jingħata lill-konsumaturi livell għoli ta’ protezzjoni, tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki sinjifikanti, għal ċerti operaturi tas-settur tal-ikel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Association of Independent Meat Suppliers u Cleveland Meat Company, C‑579/19, EU:C:2021:665, punt 97).

40

Huwa fid-dawl tal-għanijiet u tal-prinċipji mfakkra fil-punti 33 sa 39 ta’ din is-sentenza li hemm lok li tiġi interpretata kull waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 852/2004 li huma rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, fid-dawl tal-implementazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

41

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 852/2004 jimponi fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel li joperaw fi kwalunkwe stadju tal-katina ta’ produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel l-obbligu li jikkonformaw ruħhom, b’mod partikolari, mar-regoli ġenerali ta’ iġjene li jinsabu fl-Anness II ta’ dan ir-regolament.

42

Dan l-obbligu jaqa’ fil-kuntest tal-“obbligu ġenerali”, previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 852/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, li jimponi fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel li jiżguraw li l-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel taħt ir-responsabbiltà tagħhom ikunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti fil-qasam tal-iġjene stabbiliti mill-imsemmi regolament, u dan sabiex jiġi żgurat li s-sigurtà tal-ikel ma tiġix kompromessa.

43

Il-kunċett ta’ “iġjene ta’ l-ikel”, huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(a) tal-istess regolament bħala li jinkludi l-miżuri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kontroll tal-perikoli u sabiex jiżguraw in-natura xierqa għall-konsum mill-bniedem ta’ ikel partikolari fid-dawl tal-użu intiż tagħhom.

44

Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, li jirreferi għalih l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, jistabbilixxu r-regoli ġenerali ta’ iġjene applikabbli, bħala prinċipju, għall-operaturi kollha tas-settur tal-ikel. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda espliċitament ħamsa minn dawn ir-regoli.

45

L-ewwel nett, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 2(c) tal-Kapitolu I ta’ dan l-Anness II, il-bini użat għall-prodotti tal-ikel, permezz tal-arranġament, id-disinn, il-kostruzzjoni, il-post u d-daqs tagħhom, għandu jippermetti l-implementazzjoni ta’ prattiki ta’ iġjene tajba, b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-pesti.

46

Din id-dispożizzjoni timponi għalhekk obbligu dwar il-karatteristiċi tal-bini użat għall-prodotti tal-ikel, fejn dawn għandhom jippermettu l-implementazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ iġjene sabiex tiġi evitata l-“kontaminazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 852/2004, ta’ dawn il-prodotti tal-ikel. Minn dan isegwi li l-preżenza, fil-bini użat għall-prodotti tal-ikel, ta’ traċċi jew materja fekali ta’ pesti li l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jiġġieldu kontrihom ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, ksur tal-obbligu impost fuq dawn l-operaturi skont il-punt 2(c) tal-Kapitolu I tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-karatteristiċi tal-imsemmi bini jkunu jistgħu jippermettu l-istabbiliment ta’ tali prattiki tajba.

47

It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) tal-Kapitolu V tal-imsemmi Anness II jipprevedu li l-oġġetti, il-faċilitajiet u t-tagħmir li l-prodotti tal-ikel jiġu f’kuntatt magħhom għandhom effettivament jitnaddfu u, jekk ikun il-każ, jiġu ddiżinfettati bi frekwenza suffiċjenti sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kontaminazzjoni. Il-kunċett ta’ “riskju” huwa ddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 178/2002 bħala funzjoni tal-probabbiltà u tas-severità ta’ effett negattiv fuq is-saħħa, minħabba l-preżenza ta’ perikolu.

48

Dan l-obbligu ta’ tindif u ta’ disinfettazzjoni bi frekwenza suffiċjenti biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ kontaminazzjoni ma jistax jitqies li ġie ssodisfat meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw il-preżenza ta’ traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti f’faċilitajiet jew fuq tagħmir li jiġi f’kuntatt mal-ikel.

49

It-tielet nett, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tal-Kapitolu IX tal-istess Anness II, relatat mar-regoli applikabbli għall-prodotti tal-ikel, il-materja prima u l-ingredjenti kollha maħżuna f’impriża fis-settur tal-ikel għandhom jinżammu f’kundizzjonijiet adegwati li jippermettu li jiġi evitat kull deterjorament dannuż u li jiġu protetti minn kull kontaminazzjoni.

50

Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari mill-espressjonijiet “l-ingredjenti kollha maħżuna” u “xi kontaminazzjoni”, moqrija fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 852/2004, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit lill-konsumatur livell għoli ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel, jirriżulta li l-obbligu ta’ ħżin b’mod adegwat, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, tal-materja prima u tal-ingredjenti ma huwiex osservat, meta, fil-postijiet ta’ ħażna fi ħdan impriża tas-settur tal-ikel, l-awtorità kompetenti tikkonstata l-preżenza mhux biss ta’ traċċi jew ta’ materja fekali ta’ pesti, iżda wkoll ta’ prodotti mgiddma u mtebbgħin b’materja fekali.

51

Ir-raba’ nett, id-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004 jeżiġu li, fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni, il-prodotti tal-ikel ikunu protetti minn kull kontaminazzjoni li tista’ tagħmilhom mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem, perikolużi għas-saħħa jew ikkontaminati b’tali mod li ma jkunux jistgħu raġonevolment jitqiesu li jistgħu jiġu kkonsmati f’dan l-istat.

52

Il-ħtieġa li l-ikel jiġi protett kontra “xi kontaminazzjoni” fl-“istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni” ta’ dan l-ikel, ikkawżata minn aġenti bijoloġiċi, kimiċi jew fiżiċi li jistgħu jagħmluh mhux tajjeb għall-konsum, kif ukoll l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, timplika li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex osservati meta l-awtorità kompetenti tikkonstata prodotti tal-ikel imtebbgħin b’materja fekali jew imgiddma minn pesti fil-ħwienet jew fl-imħażen ta’ impriża fis-settur tal-ikel.

53

Il-ħames nett, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 4 tal-Kapitolu IX ta’ dan l-Anness II, kull operatur tan-negozju tal-ikel għandu jiżviluppa metodi adegwati sabiex jikkontrolla l-pesti fl-impriża tas-settur tal-ikel li jikkontrolla.

54

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 852/2004, li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-prodotti tal-ikel u f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, jirriżulta li l-konstatazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-preżenza ta’ pesti fil-ħwienet jew f’imħażen ta’ impriża tas-settur tal-ikel hija indizju importanti li jikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li l-operatur ta’ din l-impriża ma implimentax metodi adegwati għall-ġlieda kontra dawn il-pesti. Barra minn hekk, mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li l-konstatazzjoni ripetuta tal-preżenza ta’ tali traċċi hija biżżejjed sabiex tintwera l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu adottati tali metodi adegwati.

55

Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Astrid Preissl, C‑381/10, EU:C:2011:638, punt 26, kif ukoll Albrecht et, C‑382/10, EU:C:2011:639, punt 18).

56

Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 12 ta’ dan tal-aħħar, l-operaturi fis-settur tal-ikel huma obbligati jistabbilixxu, japplikaw u jżommu proċedura permanenti waħda jew iktar ibbażati fuq il-prinċipji HACCP, b’mod partikolari dak li jinsab fl-Artikolu 5(2)(a) tal-istess regolament, li jipprovdi li dawn l-operaturi għandhom jidentifikaw kull perikolu li għandu jiġi evitat, eliminat jew imnaqqas għal livell aċċettabbli. L-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 852/2004 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni ġeneralizzata ta’ proċeduri bbażati fuq il-prinċipji HACCP, flimkien mal-implementazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ iġjene, hija intiża sabiex issaħħaħ ir-responsabbiltà tal-imsemmija operaturi.

57

Minn dan isegwi li l-implimentazzjoni tal-prinċipji HACCP, konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 852/2004, ma tistax teżenta lill-operatur tas-settur tal-ikel mir-responsabbiltà tiegħu li tirriżulta minn ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

58

F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li l-“flessibbiltà mogħtija lil ċerti impriżi”, li tirreferi għaliha l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, tippermetti li operatur tas-settur tal-ikel jiġi eżentat mill-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(2) u tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004. Fil-fatt, kif tippreċiża l-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, din il-“flessibbiltà”, intiża sabiex tippermetti ż-żamma ta’ metodi tradizzjonali, ma jistax ikollha l-effett li tikkomprometti l-għanijiet fil-qasam tal-iġjene tal-ikel.

59

Kif sostnew, essenzjalment, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-obbligi previsti mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 852/2004 huma komplementari bl-għan li tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi tas-settur tal-ikel.

60

F’dan il-każ, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, kontrolli ripetuti mwettqa għal diversi xhur f’diversi fergħat tal-impriża tas-settur tal-ikel ikkonċernata, żvelaw kontaminazzjoni permezz ta’ traċċi ta’ pesti fi, fuq u fil-viċinanzi immedjati tal-prodotti tal-ikel, li l-parti l-kbira tagħhom kienu diġà jinsabu fl-istadju tat-tqegħid fis-suq, jiġifieri aċċessibbli għall-konsumaturi.

61

Fl-aħħar nett, sa fejn mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li, fil-kawża prinċipali, l-operatur tas-settur tal-ikel ikkonċernat allega l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, ta’ kawża barranija jew ta’ żball insormontabbli, ma hemmx lok li tiġi eżaminata din il-parti tad-domanda magħmula.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda li:

–

id-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) tal-Kapitolu V tal-Anness II, il-punti 2 u 3 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konstatazzjoni, mill-awtorità kompetenti, ta’ traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti fi ħwienet u f’imħażen ta’ impriża fis-settur tal-ikel hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligi imposti fuq l-operatur tas-settur tal-ikel li jikkontrolla din l-impriża, skont dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi pprovat barra minn hekk li dan l-operatur ma jkunx implimenta l-mezzi kollha possibbli sabiex jipprevjeni l-preżenza ta’ tali pesti.

–

id-dispożizzjonijiet tal-punt 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konstatazzjoni ripetuta, mill-awtorità kompetenti, tal-preżenza ta’ tali traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti hija suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-imsemmi operatur ma adottax metodi adegwati għall-ġlieda kontra tali pesti,

–

id-dispożizzjonijiet tal-punt 2(c) tal-Kapitolu I tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet teħtieġ li jiġi stabbilit li l-karatteristiċi tal-bini ta’ impriża użati għall-prodotti tal-ikel ma jippermettux li jiġu stabbiliti prattiki tajba ta’ iġjene.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

–

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) tal-Kapitolu V tal-Anness II, u il-punti 2 u 3 tal-Kapitolu IX tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dak ir-regolament,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-konstatazzjoni, mill-awtorità kompetenti, ta’ traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti fi ħwienet u f’imħażen ta’ impriża fis-settur tal-ikel hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligi imposti fuq l-operatur tas-settur tal-ikel li jikkontrolla din l-impriża, skont dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi pprovat barra minn hekk li dan l-operatur ma jkunx implimenta l-mezzi kollha possibbli sabiex jipprevjeni l-preżenza ta’ tali pesti.

–

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-konstatazzjoni ripetuta, mill-awtorità kompetenti, tal-preżenza ta’ tali traċċi u ta’ materja fekali ta’ pesti hija suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-imsemmi operatur ma adottax metodi adegwati għall-ġlieda kontra tali pesti.

–

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 2(c) tal-Kapitolu I tal-Anness II tar-Regolament Nru 852/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet teħtieġ li jiġi stabbilit li l-karatteristiċi tal-bini ta’ impriża użati għall-prodotti tal-ikel ma jippermettux li jiġu stabbiliti prattiki tajba ta’ iġjene.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.