SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 2(g) – Artikolu 3(2) u (3) – Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Kamp ta’ applikazzjoni – Passiġġieri li għandhom karta tal-imbark – Prova ta’ riżervazzjoni kkonfermata mit-trasportatur tal-ajru – Passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku – Titjira li tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż iffinanzjat minn terz – Oneru tal-prova tal-ħlas”
Fil-kawża C‑20/24 [Cymdek] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2023, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Jannar 2024, fil-kawża
M1.R.,
M2.R.
vs
AAA sp. z o.o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. Gavalec (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal M1.R. u M2.R., minn P. Mędygrał, radca prawny, |
|
– |
għal AAA sp. z o.o., minn K. Bień, radca prawny, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Sasinowska u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(g), kif ukoll tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M1.R. u M2.R., żewġ passiġġieri tal-ajru (iktar ’il quddiem il-“passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), u l-kumpannija AAA sp. z o.o., trasportatur tal-ajru, dwar talba għal kumpens imressqa minn dawn il-passiġġieri fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004, wara dewmien twil ta’ titjira mal-wasla fid-destinazzjoni finali tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Skont il-premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 261/2004:
[…]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skop”, jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika:
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:
3. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas li mhux qiegħed għad-dispożizzjoni direttament jew indirettment għall-pubbliku. Madankollu, għandu japplika għall-passiġġieri li għandhom biljetti maħruġa taħt programm ta’ min itir ta’ spiss jew programm kummerċjali ieħor minn trasportatur ta’ l-ajru jew operator tat-tour. […] 5. Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
6 |
AAA, trasportatur tal-ajru li jipproponi titjiriet charter, ikkonkluda ma’ BBB sp. z o.o., operatur tat-tours, kuntratt, li fil-kuntest tiegħu AAA pprovdiet lil din tal-aħħar titjiriet speċifiċi f’dati speċifiċi, li għalihom BBB sussegwentement biegħet biljetti lil passiġġieri tal-ajru. BBB ħallas il-prezz tat-titjiriet lil AAA. |
|
7 |
Il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu fi vjaġġ kollox kompriż, li kien jinkludi titjira bi tluq minn Tenerife (Spanja) u b’destinazzjoni Varsavja (il-Polonja), li saret fl‑20 ta’ Mejju 2021 u li ġiet operata minn AAA. Il-kuntratt relatat mal-vjaġġ kollox kompriż kien ġie konkluż bejn CCC sp. z o.o., f’isem dawn il-passiġġieri, u BBB. Din it-titjira ġarrbet dewmien fil-wasla ta’ iktar minn 22 siegħa. |
|
8 |
Sabiex tiġi stabbilita l-locus standi tagħhom għal kumpens minħabba dewmien tat-titjira inkwistjoni, il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreżentaw kopji tal-karti tal-imbark għal din it-titjira. Madankollu, AAA irrifjutat li tikkumpensa lil dawn il-passiġġieri minħabba li ma kinux stabbilixxew li kienu fil-pussess ta’ riżervazzjoni kkonfermata u mħallsa għall-imsemmija titjira. Fil-fatt, skont AAA, il-vjaġġ kollox kompriż tal-imsemmija passiġġieri tħallas minn CCC taħt kundizzjonijiet preferenzjali, fejn għalhekk l-istess passiġġieri vvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jeskludi d-dritt għal kumpens taħt dan ir-regolament. |
|
9 |
Il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqisu li, billi ppreżentaw il-karti tal-imbark sabiex jiksbu tali kumpens, huma wrew li kellhom riżervazzjoni kkonfermata, peress fil-każ kuntrarju dawn il-karti ma kinux jinħarġulhom. Barra minn hekk, hija l-AAA li għandha tistabbilixxi li dawn il-passiġġieri vvjaġġaw mingħajr ħlas, u mhux dawn li għandhom jipprovaw li kienu ħallsu l-prezz tat-titjira operata minnha. Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-AAA rċeviet ħlas minn BBB għat-twettiq ta’ din it-titjira u li din tal-aħħar kisbet minn CCC, li ffinanzjat il-vjaġġ kollox kompriż tal-imsemmija passiġġieri, ħlas għal dan il-vjaġġ, li kien jinkludi l-imsemmija titjira, il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma vvjaġġawx mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, ftit jimporta, fid-dawl tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jekk l-istess titjira tkunx tħallset minn dawn il-passiġġieri jew minn terz, sakemm dan it-terz ma jkunx it-trasportatur tal-ajru. |
|
10 |
Is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, għandha dubji dwar jekk il-preżentazzjoni ta’ karta tal-imbark minn passiġġier tikkostitwixxix “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li tindika li r-riżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru jew mill-operatur tat-tours. |
|
11 |
Din il-qorti tindika, f’dan ir-rigward, li t-tagħlim mislut mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Azurair et (C‑146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20, EU:C:2021:1038), ma jippermettix li tiġi mwieġba l-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jawtorizzax, f’sitwazzjoni bħal dik li biha hija adita, il-produzzjoni ta’ “prova oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tindika li passiġġier għandu riżervazzjoni kkonfermata għal titjira, meta l-karta tal-imbark ippreżentata minn dan il-passiġġier ma tinkludix l-elementi kollha msemmija f’din is-sentenza, bħall-ħin tal-wasla tat-titjira. |
|
12 |
Barra minn hekk, anki jekk AAA u ċerti kulleġġi ġudikanti ta’ qrati tal-appell Pollakki huma tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, il-qorti tar-rinviju tqis li karta tal-imbark ma tinħariġx lil persuna b’mod aleatorju, iżda lil passiġġier li għandu riżervazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata, u dan wara ċ-check-in ta’ dan il-passiġġier għal din it-titjira, fejn in-numru tal-biljett jew tar-riżervazzjoni għandu jiġi indikat waqt dan iċ-check-in. Issa, minbarra ċerti sitwazzjonijiet straordinarji, ma hemmx mod ieħor razzjonali sabiex jiġi spjegat kif tali passiġġier jista’ jikseb din il-karta mingħajr ma jkollu tali riżervazzjoni. |
|
13 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal AAA u għal ċerti kulleġġi ġudikanti ta’ qrati tal-appell Pollakki, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa t-trasportatur tal-ajru li għandu jipprova li t-titjira inkwistjoni kienet mingħajr ħlas, u mhux li jillimita ruħu jiddeduċi effetti legali favorevoli għalih minn sempliċi affermazzjoni f’dan is-sens. |
|
14 |
Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “[vjaġġ] mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas li mhux qiegħed għad-dispożizzjoni direttament jew indirettment għall-pubbliku”, prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Hija tal-fehma li, fil-każ ta’ tours kollox kompriż, jekk vjaġġ li jkun tħallas lill-operatur tat-tours, jew direttament mill-passiġġieri, jew minn entità oħra f’isimhom, jinkludi titjira mħallsa minn dan l-operatur lit-trasportatur tal-ajru, dawn il-passiġġieri ma jkunux qegħdin jivvjaġġaw “mingħajr ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
15 |
B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kunċett ta’ “prezz imnaqqas”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan għandux jiġi interpretat fis-sens li dan huwa tnaqqis offrut lill-passiġġier mit-trasportatur tal-ajru jew inkella jekk ikoprix ukoll sitwazzjoni li fiha dan it-trasportatur jirċievi remunerazzjoni konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq mingħand l-operatur tat-tours, iżda li dan tal-aħħar jew entità oħra tippermetti lill-passiġġieri jipparteċipaw fi vjaġġ kollox kompriż taħt kundizzjonijiet preferenzjali. Għal din il-qorti, din l-aħħar interpretazzjoni tidher li tmur kontra l-għan ta’ dan ir-regolament u hija diffiċilment applikabbli fid-dawl tal-assenza ta’ kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi kundizzjonijiet preferenzjali ta’ parteċipazzjoni fi vjaġġ kollox kompriż. |
|
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
17 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(g) u l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li karta tal-imbark tista’ tikkostitwixxi “prova oħra”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li tindika li r-riżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru jew mill-operatur tat-tours, b’tali mod li passiġġier li għandu tali karta jitqies li għandu “reżervazzjoni kkonfermata”, fis-sens tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet għat-titjira kkonċernata, f’sitwazzjoni fejn ebda ċirkustanza straordinarja partikolari ma hija pprovata. |
|
18 |
Mill-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan ir-regolament japplika biss bil-kundizzjoni, l-ewwel nett, li l-passiġġieri jkollhom riżervazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata u, it-tieni nett, li jippreżentaw ruħhom fil-ħin għaċ-check-in, ħlief fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, il-preżenza ta’ passiġġier għaċ-check-in ma tistax tiġi preżunta mill-fatt li dan il-passiġġier ikollu riżervazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Laudamotion (Rinunzja għal titjira tardiva),C‑474/22, EU:C:2024:73, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
19 |
Ir-Regolament Nru 261/2004 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “riżervazzjoni kkonfermata”. Madankollu, il-kunċett ta’ “riżervazzjoni” huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament bħala l-“fatt li l-passiġġier għandu biljett, jew prova oħra, li tindika li r-reżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata, mil-trasportatur ta’ l-ajru jew mill-operatur tat-tour”. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “biljett”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-imsemmi regolament, jinkludi kull element materjali jew immaterjali li jagħti lill-passiġġier dritt għat-trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2022, flightright (Trasport bl-ajru minn Stuttgart sa Kansas City),C‑436/21, EU:C:2022:762, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Azurair et, C‑146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20, EU:C:2021:1038, punt 40). |
|
20 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, jekk il-passiġġier tal-ajru jkun fil-pussess ta’ tali prova maħruġa mit-trasportatur tal-ajru jew mill-operatur tat-tours, din il-prova l-oħra tkun ekwivalenti għal “riżervazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Azurair et, C‑146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20, EU:C:2021:1038, punt 42). |
|
21 |
Dawn il-kunċetti għandhom, fl-interess ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, imsemmi fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, flightright (Trasport bl-ajru minn Stuttgart sa Kansas City),C‑436/21, EU:C:2022:762, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom karti tal-imbark maħruġa mit-trasportatur tal-ajru, li ppermettielhom iwettqu titjira minn Tenerife lejn Varsavja, operata minn dan it-trasportatur, billi jippreżentaw ruħhom minn qabel għaċ-check-in. |
|
23 |
Kif sostnew il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, karta tal-imbark tinħareġ lil passiġġier għal titjira speċifika, tagħtih dritt għat-trasport, tawtorizzah jimbarka fl-ajruplan u jaqbad din it-titjira ladarba ċ-check-in tkun saret minn dan il-passiġġier billi jindika, b’mod partikolari, in-numru tal-biljett jew tar-riżervazzjoni. |
|
24 |
Minn dan isegwi li karta tal-imbark tista’ tikkostitwixxi “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li tindika li r-riżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru jew mill-operatur tat-tours għat-titjira kkonċernata. |
|
25 |
Tali konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt invokat mill-qorti tar-rinviju li s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Azurair et (C‑146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20, EU:C:2021:1038), ma tippermettix li tiġi mwieġba l-kwistjoni dwar jekk karta tal-imbark tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “prova oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, sa fejn din il-karta ma tinkludix l-elementi kollha msemmija f’din is-sentenza, bħal, b’mod partikolari, il-ħin tal-wasla tat-titjira kkonċernata. |
|
26 |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, li l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-passiġġier għandu “reżervazzjoni kkonfermata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-operatur tat-tours jibgħat lil dan il-passiġġier, li miegħu huwa marbut kuntrattwalment, “prova oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament, li tinkludi wegħda li jiġi ttrasportat fuq titjira preċiża, individwalizzata bl-indikazzjoni tal-postijiet u l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, u dan anki fl-ipoteżi fejn dan l-operatur tat-tours ma jkunx irċieva konferma mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat dwar il-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla ta’ din it-titjira. |
|
27 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal din il-kawża, fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Azurair et (C‑146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20, EU:C:2021:1038), l-operatur tat-tours kien bagħat lill-passiġġieri informazzjoni dwar il-ħinijiet tat-titjiriet, differenti minn dik li t-trasportatur tal-ajru kien ittrażmetta, fl-aħħar lok, lill-operatur, fejn din l-aħħar informazzjoni ma ġietx trażmessa lil dawn il-passiġġieri b’tali mod li huma kellhom biss informazzjoni li kienet tinsab fid-dokument mibgħut mill-operatur tat-tours. |
|
28 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sa fejn trasportatur tal-ajru speċifiku jimbarka l-passiġġieri fil-pussess ta’ riżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira kkonċernata u jittrasportahom lejn id-destinazzjoni tagħhom, għandu jitqies li dawn ikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit li jippreżentaw ruħhom għaċ-check‑in qabel din it-titjira (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, easyJet Airline,C‑756/18, EU:C:2019:902, punt 28). |
|
29 |
Minn perspettiva oħra, sa fejn passiġġieri, bħall-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, issodisfaw korrettament ir-rekwiżit li jippreżentaw ruħhom għaċ-check-in u imbarkaw fit-titjira kkonċernata billi kellhom karta tal-imbark għaliha, għandu jiġi kkunsidrat li huma kkonformaw ruħhom mar-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ riżervazzjoni kkonfermata fuq din it-titjira. |
|
30 |
Tali konklużjoni hija kkorroborata mill-għan, iddikjarat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. |
|
31 |
Fil-fatt, il-passiġġieri li jġarrbu dewmien twil tat-titjira tagħhom għandhom għalhekk il-possibbiltà li jibbenefikaw mid-dritt tagħhom għal kumpens mingħajr ma jkunu suġġetti għar-rekwiżit, mhux adattat għas-sitwazzjoni tagħhom, li jikkonsisti f’li jkollhom, meta jressqu t-talba tagħhom għal kumpens, jipproduċu l-prova ulterjuri li kienu fil-pussess ta’ riżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira mdewma li fiha huma, fi kwalunkwe każ, ġew ittrasportati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, easyJet Airline,C‑756/18, EU:C:2019:902, punt 32). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, u fir-rigward tal-ipoteżi, imsemmija minn AAA, li karta tal-imbark tista’ tintuża, fil-każ ta’ telf minn persuna detentriċi tagħha, minn persuna oħra li għandha data simili, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, dan jippermetti lit-trasportatur tal-ajru li jirrifjuta l-imbark, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar mhux xierqa. |
|
33 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(g) u l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li karta tal-imbark tista’ tikkostitwixxi “prova oħra”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li tindika li r-riżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru jew mill-operatur tat-tours, b’tali mod li passiġġier li għandu tali karta jitqies li għandu “reżervazzjoni kkonfermata”, fis-sens tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet għat-titjira kkonċernata, f’sitwazzjoni fejn ebda ċirkustanza straordinarja partikolari ma hija pprovata. |
Fuq it-tielet sal‑ħames domanda
|
34 |
Permezz tat-tielet sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li passiġġier ma jitqiesx li qed jivvjaġġa mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, minn naħa, l-operatur tat-tours iħallas il-prezz tat-titjira lit-trasportatur tal-ajru li jopera konformement mal-kundizzjonijiet tas-suq u, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż jitħallas lil dan l-organizzatur mhux minn dan il-passiġġier iżda minn terz. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk huwiex dan it-trasportatur tal-ajru li għandu jipprova li l-imsemmi passiġġier ivvjaġġa mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas, jew inkella jekk huwiex dan tal-aħħar li għandu jipprova li huwa ħallas il-prezz tat-titjira. |
|
35 |
Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, dan ir-regolament ma japplikax għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-inapplikabbiltà tal-imsemmi regolament prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li dan l-istess regolament japplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tiegħu, minn naħa, għall-passiġġieri bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u, min-naħa l-oħra, għall-passiġġieri bi tluq minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u b’destinazzjoni lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sakemm dawn il-passiġġieri ma jirċevux benefiċċji jew kumpens u assistenza f’dan il-pajjiż terz, jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera li jwettaq it-titjira jkun trasportatur stabbilit fl-Unjoni Ewropea, taħt il-kundizzjonijiet iddikjarati fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 3. |
|
37 |
Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004, imsemmi fil-premessa 1 tiegħu u li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Qatar Airways,C‑516/23, EU:C:2025:21, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Barra minn hekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2024, Mesto Rimavská Sobota,C‑370/23, EU:C:2024:972, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Huwa minnu li l-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom huwa biss it-trasportatur tal-ajru li jopera li joffri lill-passiġġieri l-possibbiltà li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku. |
|
40 |
Fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol l-imsemmija dispożizzjoni, mill-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta, b’mod partikolari, li l-passiġġieri li jivvjaġġaw permezz ta’ biljetti maħruġa mingħajr ħlas minn trasportatur tal-ajru ma jaqgħux taħt dan ir-regolament, sakemm dawn il-biljetti ma jkunux inħarġu fil-kuntest ta’ programm ta’ fedeltà jew ta’ programmi kummerċjali oħra (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-26 ta’ Novembru 2020, SATA International – Azores Airlines, C‑316/20, EU:C:2020:966, punt 15). |
|
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma japplikax għal passiġġier li jivvjaġġa permezz ta’ biljett b’rata preferenzjali maħruġ minn trasportatur tal-ajru fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ sponsorizzazzjoni ta’ avveniment, li l-benefiċċju tiegħu huwa ristrett għal ċerti persuni speċifiċi u li l-ħruġ tiegħu jippreżupponi l-awtorizzazzjoni minn qabel u individwalizzata ta’ dan it-trasportatur tal-ajru (digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, SATA International – Azores Airlines, C‑316/20, EU:C:2020:966, punt 19). |
|
42 |
Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar japplika għal kull trasportatur tal-ajru li jopera li jiżgura t-trasport tal-passiġġieri minn jew lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. L-istess dispożizzjoni tispeċifika li, meta trasportatur tal-ajru li jopera li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-istess regolament, huwa jitqies li qiegħed jaġixxi f’isem il-persuna li kkonkludiet il-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li passiġġier ta’ titjira mdewma bi tliet sigħat jew iktar jista’ jippreżenta rikors għal kumpens taħt l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera, anki jekk dan il-passiġġier u dan it-trasportatur tal-ajru ma jkunux ikkonkludew kuntratt bejniethom u t-titjira inkwistjoni tkun tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 38). |
|
44 |
Għaldaqstant, fid-dawl tar-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jikkumpensa, mal-wasla, lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira, għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 tkopri biss is-sitwazzjonijiet li fihom huwa t-trasportatur tal-ajru li jopera li jawtorizza lill-passiġġieri jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku. |
|
45 |
Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, skont il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, din il-protezzjoni għandha tapplika mhux biss għal passiġġieri fuq titjiriet skedati iżda wkoll fuq titjiriet mhux skedati, inklużi dawk li jagħmlu parti minn package tours. |
|
47 |
Fil-fatt, mix-xogħlijiet preparatorji tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi lill-passiġġieri, li t-titjira tagħhom kienet tagħmel parti minn vjaġġ kollox kompriż, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament, iżda, għall-kuntrarju, kellu l-intenzjoni li jitgawdew id-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 36). |
|
48 |
F’dan il-każ, sa fejn l-operatur tat-tours kiseb il-korrispettiv għall-vjaġġ kollox kompriż imwettaq mill-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ħallas il-prezz tat-titjira lit-trasportatur tal-ajru li jopera u sa fejn dan tal-aħħar irċieva remunerazzjoni konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-passiġġieri ma vvjaġġawx mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004. |
|
49 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, sabiex il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinvokaw drittijiet kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera, il-fatt li l-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż ma tħallasx minnhom, li ma kinux f’relazzjoni kuntrattwali ma’ dan it-trasportatur, iżda minn terz, lill-operatur tat-tours li min-naħa tiegħu ħallas il-prezz tat-titjira lill-imsemmi trasportatur, huwa irrilevanti. |
|
50 |
Fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-fatt li passiġġier ikun ivvjaġġa mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, mingħajr ma tirregola espressament l-attribuzzjoni ta’ dan l-oneru, tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri, billi teskludi tali passiġġier mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
|
51 |
Għaldaqstant, sabiex jinħeles mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lil dan il-passiġġier, huwa t-trasportatur tal-ajru li jopera li għandu juri, skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali, li l-imsemmi passiġġier ivvjaġġa mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament, u, għaldaqstant, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
|
52 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni li tikkonsisti fit-tqegħid fuq il-passiġġieri tal-oneru tal-prova mhux biss tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, iżda wkoll diffiċli li tiġi implimentata, b’mod partikolari fil-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża, fejn il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali rriżervaw vjaġġ kollox kompriż mingħand operatur tat-tours. |
|
53 |
Fil-fatt, kif sostnew, essenzjalment, il-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, meta passiġġier jirriżerva l-vjaġġ kollox kompriż tiegħu, mhux direttament mat-trasportatur tal-ajru li jopera, iżda permezz ta’ operatur tat-tours, huwa ġeneralment dan tal-aħħar, bħal f’dan il-każ, li jħallas il-prezz tat-titjira lil dan it-trasportatur, filwaqt li dan il-passiġġier iħallas prezz għall-pakkett sħiħ tal-vjaġġ kollox kompriż, inkluż dak tat-titjira. Minbarra ċ-ċirkustanza li l-imsemmi passiġġier ma jkunx jaf il-prezz eżatt tat-titjira mħallsa minn dan l-operatur, l-istess passiġġier ikollu possibbiltajiet limitati sabiex jipproduċi l-prova li ħallas il-prezz ta’ din it-titjira. |
|
54 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet sal-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier ma jitqiesx li qed jivvjaġġa mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, minn naħa, l-operatur tat-tours iħallas il-prezz tat-titjira lit-trasportatur tal-ajru li jopera konformement mal-kundizzjonijiet tas-suq u, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż jitħallas lil dan l-organizzatur mhux minn dan il-passiġġier iżda minn terz. Huwa dan it-trasportatur tal-ajru li għandu juri, skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali, li l-imsemmi passiġġier ivvjaġġa mingħajr ħlas jew b’tali prezz imnaqqas. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.