1985L0337 — MT — 25.06.2003 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Ġunju 1985

dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

(85/337/KEE)

(ĠU L 175, 5.7.1985, p.40)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 97/11/KE tat-3 ta' Marzu 1997

  L 73

5

14.3.1997

►M2

ID-DIRETTIVA 2003/35/KE TAL-PALAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Mejju 2003

  L 156

17

25.6.2003




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Ġunju 1985

dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

(85/337/KEE)



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi l-programmi ta’ azzjoni ta’ l-1973 ( 4 ) u l-1977 ( 5 ) tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent, kif ukoll il-programm ta’ azzjoni ta’ l-1983 ( 6 ), li l-punti prinċipali tagħhom kienu approvati mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej u mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, jenfasizzaw li l-aħjar politika ambjentali tikkonsisti fil-prevenzjoni minn ras il-għajn tal-ħolqien ta’ tniġġis jew inkonvenjenzi, milli f’li wara tipprova tieħu azzjoni kontra l-effetti tagħhom; billi jaffermaw il-bżonn li effetti fuq l-ambjent għandhom jitqiesu kemm jista’ jkun kmieni fil-proċessi ta’ l-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; billi għal dak il-għan, jipprovdu għall-implimentazzjoni tal-proċeduri biex jistmaw effetti tali;

Billi d-differenzi bejn il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri varji fir-rigward ta’ l-effetti ambjentali ta’ proġetti pubbliċi u privati jistgħu joħolqu kondizzjonijiet kompetittivi sfavorevoli u b’hekk jolqtu direttament l-iffunzjonar tas-suq komuni; billi, għalhekk, huwa meħtieġ li l-liġijiet nazzjonali jitqarrbu lejn xulxin f’dan il-qasam skond l-Artikolu 100 tat-Trattat;

Billi, iktar minn hekk, huwa meħtieġ li jinkiseb wieħed mill-għanijiet tal-Komunita ’fl-isfera tal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-kwalita tal-ħajja;

Billi, ladarba t-Trattat ma pprovdiex is-setgħat rekwiżiti għal dan il-għan, għandu jkun hemm appell għal l-Artikolu 235 tat-Trattat;

Billi prinċipji ġenerali għall-istima ta’ effetti ambjentali għandhom ikunu introdotti bil-ħsieb li jikkompletaw u jikkordinaw proċeduri ta’ kunsens għal żvilupp li jirregolaw proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett qawwi fuq l-ambjent;

Billi kunsens għal żvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li stima minn qabel tkun saret ta’ l-effetti sinifikanti probabbli ambjentali ta’ dawn il-proġetti; billi din l-istima għandha titmexxa fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni xierqa mogħtija mill-iżviluppatur, li tista’ tkun kompletata mill-awtoritajiet u n-nies li jistgħu jkunu mħassba bil-proġett in kwestjoni;

Billi l-prinċipji ta’ l-istima ta’ effetti ambjentali għandhom ikunu armonizzati, b’mod partikolari sa fejn jirrefferu mal-proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal stima, l-obbligazzjonijiet prinċipali ta’ l-iżviluppaturi u l-kontenut ta’ l-istima;

Billi proġetti li jappartienu lil ċerti tipi għandhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent u dawn il-proġetti għandhom bħala regola jkunu suġġetti għal stima sistematika;

Billi proġetti ta’ tipi oħra jista’ ma jkollomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent f’kull każ u billi dawn il-proġetti għandhom ikunu stmati fejn l-Istati Membri jaħsbu li l-karatteristiċi tagħhom jirrikjedu hekk;

Billi, għal proġetti li huma suġġetti għal stima, ċertu ammont minimu ta’ informazzjoni għandu jingħata, dwar il-proġetti u l-effetti tiegħu;

Billi l-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent għandhom ikunu stmati biex iqisu l-ansjetajiet għall-ħarsien tas-saħħa umana, issir kontribuzzjoni permezz ta’ ambjent aħjar għall-kwalita’ ta’ ħajja, tkun żgurata żamma tad-diversita ta’ speċji u tinżamm il-kapaċita reproduttiva ta’ l-ekosistema bħala riżors bażiku għal ħajja;

Billi, madankollu, din id-Direttiva m’għandhiex tkun applikata għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz tal-proċess leġislattiv;

Billi, barra min hekk, jista’ jkun xieraq f’każijiet eċċezzjonali li proġett speċifiku jkun eżentat mill-proċeduri ta’ stima preskritti b’din id-Direttiva, suġġett għal forniment ta’ informazzjoni xierqa lill-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

2.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

“proġett” tfisser:

— l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

— interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

“żviluppatur” tfisser:

l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorita pubblika li tibda proġett;

“kunsens għal żvilupp” tfisser:

id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

▼M2

“il-pubbliku” ifisser:

persuna jew iktar naturali jew legali, u, skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

“il-pubbliku interessat” ifisser:

il-pubbliku affettwat jew x’altarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom; għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent u jissodisfaw kull ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.

▼B

3.  L-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti għandha tkun dik jew għandhom ikunu dawk li l-Istati Membri jaħtru bħala responsabbli li jagħmlu d-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva.

▼M2

4.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk hekk ipprovvdut taħt il-liġijiet nazzjonali, li ma japplikawx din id-Direttiva għall-proġetti li jaqdu l-għanijiet tad-difiża nazzjonali, jekk jidhrilhom li din l-applikazzjoni jkollha effett negattiv fuq dawn il-għanijiet.

▼B

5.  Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv.

Artikolu 2

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x'aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

▼B

2.  L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

▼M1

2a.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu proċedura waħdiena sabiex iwettqu l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva u l-ħtiġijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż ( 7 ).

▼M1

3.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f'każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f'parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f'din id-Direttiva.

▼B

F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom:

▼M2

(a) jikkunsidraw jekk għamla oħra ta’ stima tkunx approprjata;

(b) jagħmlu disponibbli għall-pubbliku interessat it-tagħrif miksub taħt għamla jew oħra ta’ l-istima riferita fil-punt (a), it-tagħrif li jkollu x’jaqsam mad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni u r-raġunijiet għaliex tkun ġiet mogħti;

▼B

(ċ) jinformaw lill-Kummissjoni, qabel ma jingħata kunsens, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni mogħtija, u jipprovduha bl-informazzjoni li jkunu għamlu disponibbli, fejn xieraq, liċ-ċittadini tagħhom stess.

Il-Kummissjoni għandha immedjatament tibgħat id-dokumenti li tkun irċeviet lill-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta ta’ kull sena lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

▼M1

Artikolu 3

L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b'manjiera xierqa, fid-dawl ta' kull każ individwali u b'mod konformi ma' l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta' proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

— il-bniedem, il-fawna u l-flora;

— il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

— il-beni materjali u l-wirt kulturali;

— l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.

Artikolu 4

1.  Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.

2.  Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta':

(a) eżami każ b'każ,

jew

(b) l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3.  Meta jiġi mwettaq eżami każ b'każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 5

1.  Fil-każ ta' proġetti li, skond l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iżviluppatur iforni f'għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV billi:

(a) l-Istati Membri jikkunsidraw illi t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju mogħti tal-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni u għall-karatteristiċi speċifiċi ta' proġett partikolari jew ta' tip ta' proġett partikolari u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x'aktarx jiġu affettwati;

(b) l-Istati Membri jikkunsidraw illi żviluppatur jista' raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif billi jqis, fost ħwejjeġ oħra, l-għarfien u l-metodi korrenti ta' l-istima.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, jekk l-iżviluppatur hekk jitlob qabel jissottometti applikazzjoni għall-kunsens/approvazzjoni dwar l-iżvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tagħti parir dwar it-tagħrif li għandu jiġi fornit mill-iżviluppatur b'mod konformi mal-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta ma' l-iżviluppatur u ma' l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) qabel ma tagħti l-parir tagħha. Il-fatt illi l-awtorità tkun tat parir skond dan il-paragrafu, ma jipprekludihiex milli sussegwentement teħtieġ li l-iżviluppatur jissottometti iktar tagħrif.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jagħtuhom tali opinjoni, irrispettivament minn jekk l-iżviluppatur jitlobx dan.

3.  It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b'mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

— deskrizzjoni tal-proġett li jikkomprendi tagħrif dwar il-lokazzjoni, id-disinn u d-daqs tal-proġett,

— deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti avversi sinifikanti,

— il-fatti magħrufa (“data”) meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewliena li l-proġett x'aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent,

— il-punti prinċipali (“outline”) ta' l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali tal-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent,

— sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fl-inċiżi ta' qabel.

4.  L-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiżguraw illi kull awtorità li jkollha f'idejha t-tagħrif rilevanti b'riferenza partikolari għall-Artikolu 3, għandha tagħmel dan it-tagħrif disponibbli lill-iżviluppatur.

▼B

Artikolu 6

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-awtoritajiet li x'aktarx ikunu sejrin ikollhom x'jaqsmu mal-proġett minħabba r-responsabbilitajiet speċifiċi tagħhom jiġu mogħtija l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornit mill-iżviluppatur u fuq it-talba ta' kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati, jew f'termini ġenerali jew fuq il-bażi ta' każ b'każ. It-tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5 għandu jintbagħat lil dawn l-awtoritajiet. Għandhom jiġu preskritti arranġamenti dettaljati mill-Istati Membri dwar il-konsultazzjoni.

▼M2

2.  Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovvdut b’mod raġjonevoli:

(a) fuq it-talba għall-kunsens dwar l-iżvilupp;

(b) il-fatt illi l-proġett huwa bla ħsara għal proċedura ta’ l-istima ta’ l-impatt ambjentali u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;

(ċ) id-dettalji ta’ l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet, dawk li minnhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu ssottomessi kummenti jew mistioqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trasmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

(d) in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

(e) indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5;

(f) indikazzjoni dwar iż-żmenijiet jew il-posijiet meta u li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

(g) id-dettalji ta’ l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skond il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fi kwadri raġjonevoli taż-żmien, dan li ġej għandu jintgħamel disponibbli lill-pubbliku interesat:

(a) kull tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5;

(b) skond il-leġislazzjoni nazzjonali, ir-rapporti prinċipali u l-pariri mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku interessat skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(ċ) skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2002/4/KE tal-Parlamewnt Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent ( 8 ), it-tagħrif għajr dak riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skond l-Artikolu 8 u li jintgħamel disponibbli biss wara ż-żmien li l-pubbliku interessat ikun ġie mgħarraf skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.  Il-pubbliku interessat għandu jingħata opportunitajiet minn kmienu u effettivi għalbiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens fl-iżvilupp.

5.  L-arranġamenti ddettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (per eżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku interessat jiġi kkonsultat (per eżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

6.  Għandhom jiġu pprovvduti kwdari raġjonevoli taż-żmien għall-fażijiet differenti, billi jiġi permess żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf u sabiex il-pubbliku interessat iħejji ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fit-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

▼M1

Artikolu 7

▼M2

1.  Meta Stat Membru isir ikun jaf illi proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew meta Stat Membru li x’aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikatament jitlob hekk, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu jibgħat lill-Istat Membru affettwat malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn meta jgħarraf lill-pubbliku tiegħu, fost ħwejjeġ oħra, bi:

(a) deskrizjoni tal-proġett, flimkien ma’ kull tagħrif disponibbli dwar l-impatt possibbli tiegħu meta dan jaqsam il-fruntieri;

(b) tagħrif dwar in-natura tad-deċiżjoni li tista’ tittieħed,

u għandu jagħti lill-Istat Membru l-ieħor żmien raġjonevoli għalbiex jindika jekk jixtieqx jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), u jista’ jinkludi t-tagħrif riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.  Jekk Stat Membru li jirċievi t-tagħrif skond il-paragrafu 1 jindika illi jkun beħsiebu jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu, jekk ma jkunx diġà għamel hekk, jibgħat lill-Istat Membru affettwat it-tagħrif meħtieġ skond l-Artikolu 6(20 u li jagħmel disponibbli skond l-Artikolu 6(3)(a) u (b).

▼M1

3.  L-Istati Membri interessati, kull wieħed safejn jirrigwarda lilu, għandhom ukoll:

(a) jirranġaw biex it-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ikunu magħmula disponibbli, fi żmien raġjonevoli, lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u lill-pubbliku interessat fit-territorju ta' l-Istat Membru li x'aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikament; u

(b) jiżguraw illi dawn l-awtoritajiet u l-pubbliku interessat jingħataw opportunità, qabel ma jiġi konċess il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp, li jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien raġjonevoli dwar it-tagħrif fornit lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun maħsub li jitwettaq il-proġett.

4.  L-Istati Membri interessati għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet rigward, fost ħwejjeġ oħra, l-effetti potenzjali li jaqsmu l-fruntiera dwar il-proġett u l-miżuri previsti li jnaqqsu jew jeliminaw dawn l-effetti u għandhom jiftiehmu fil-qafas ta' żmien raġjonevoli dwar it-tul tal-perjodu taż-żmien tal-kunsultazzjoni.

▼M2

5.  L-arranġamenti ddettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri interessati u għandhom ikunu hekk li jgħinu lill-pubbiku interessat fit-territorju ta’ l-Istat membru affettwat li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(2) għall-proġett.

▼M1

Artikolu 8

Iridu jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp.

Artikolu 9

▼M2

1.  Meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu konċessi jew irrifjutati kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku bihom skond il-proċeduri xierqa u għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku t-tagħrif li ġej:

— il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjoni mehmuża magħha,

— wara li jkunu eżaminaw it-tħassib u l-opinjonijiet espressi mill-publiku interesst, ir-raġunijiet ewliena u l-konsiderazzjonijiet lifuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni, inkluż it-tagħrif dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku,

— deskrizzjoni, fejn meħtieġa, tal-miżuri ewliena sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti negattivi maġġuri.

2.  L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lil kull Stat Membru li jkun ġie kkonsultat skond l-Artikolu 7, billi jibagħtulu t-tagħrif riferit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri kkonsultati għandhom jiżguraw illi dan it-tagħrif jiġi magħmul disponibbli f’manjiera approprjata lill-pubbliku interessat fit-territorju tagħhom.

▼M1

Artikolu 10

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti li jirrispettaw il-limitazzjonijiet imposti bir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rigward il-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali, inklużi l-proprjetà intellettwali, u s-salvagward ta' l-interess pubbliku.

Fejn japplika l-Artikolu 7, it-trasmissjoni tat-tagħrif lil Stat Membru ieħor u r-riċeviment tat-tagħrif minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu bla ħsara għal-limitazzzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fejn jiġi propost il-proġett.

▼M2

Artikolu 10a

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

(a) li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament,

(b) li jżommu l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

Dak li jikkostiwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafi (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-orgnizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet kapaċi li jiġu indebboliti għall-għan tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-Artikolu.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja, meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-efettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħif prattiku disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduiri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista.

▼B

Artikolu 11

1.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħddu lil xulxin informazzjoni dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

▼M1

2.  B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'kull kriterju u/jew għatba adottati għall-għażla tal-proġett fil-kwistjoni, b'mod konformi ma' l-Artikolu 4(2).

▼B

3.  Ħames snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni u l-effiċenza tagħha. Ir-rapport għandu jkun bażat fuq l-bdil ta’ informazzjoni msemmi iktar ’il fuq.

4.  Fuq il-bażi ta’ dan l-bdil ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill proposti addizzjonali, jekk dan ikun meħtieġ, bil-ħsieb li din id-Direttiva tkun applikata b’manjiera kordinata b’mod suffiċjenti.

Artikolu 12

1.  Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien tliet snin tan-notifika tagħha ( 9 ).

2.  L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

▼M1




L-ANNESS I

PROĠETTI SOĠĠETTI GĦALL-ARTIKOLU 4(1)

1.

Raffineriji taż-żejt mhux maħdum (għajr l-impriżi li jiffabbrikaw biss lubrikanti miż-żejt mhux maħdum) u stallazjonijiet għall-gassifikazzjoni u l-likwefazzjoni ta' 500 tunnellata metrika kuljum jew iktar ta' faħam jew blat tafli (“shale”) bituminuż.

2.

— Stazzjonijiet tal-qawwa termali u stallazzjonijiet oħra ta' kombustjoni bi ħruġ ta' sħana ta' 300 megawatt jew iktar, u

— stazzjonijiet tal-qawwa nukleari u reatturi oħra nukleari inklużi l-iżmantellament jew it-twaqqif mix-xogħol/għeluq ta' dawn l-istazzjonijiet jew ta' reatturi nukleari ( 10 ) (għajr l-istallazzjonijiet tar-riċerka għall-produzzjoni u l-qlib ta' materjali fissili u fertili, li l-qawwa massima tagħhom ma taqbiżx il-kilowatt 1 ta' tagħbija kontinwa termali).

3.

(a) Stallazzjonijiet għall-iproċessar mill-ġdid ta' karburant nukleari irradjat.

(b) Stallazzjonijiet intiżi:

— għall-produzzjoni jew l-arrikkament tal-karburant nukleari,

— għall-proċessar tal-karburant nukleari irradjat jew ta' skart radjoattiv ta' livell għoli,

— għar-rimi finali ta' karburant nukleari irradjat,

— għar-rimi finali ta' l-iskart radjo-attiv biss,

— għall-ħażna (ppjanata għal iktar minn 10 snin) tal-karburanti nukleari irradjati jew ta' skart radjoattiv biss f'lokazzjoni differenti mil-lokazzjoni tal-produzzjoni.

4.

— Xogħlijiet integrati għat-tidwib tal-bidu tal-ħadid fondut u ta' l-azzar;

— Stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta' metalli mhux tal-ħadid mhux maħduma minn metalli, kkonċentrati jew matżoni prima sekondarji bi proċessi metallurġiċi, kimiċi jew elettrolitiċi.

5.

Stallazzjonijiet għall-estrazzjoni ta' l-asbestos u għall-ipproċessar u t-trasformazzjoni ta' l-asbestos u prodotti li jkun fihom l-asbestos: għall-prodotti tas-siment ta' l-asbestos, bi produzzjoni annwali ta' iktar minn 20 000 tunnellata metrika ta' prodotti lesti, għall-materjal tal-għorik (frizzjoni), bi produzzjoni annwali ta' iktar minn 50 tunnellata metrika ta' prodotti lesti, u għal użi oħra ta' l-asbestos, b'utilizzazzjoni ta' iktar minn 200 tunnellata metrika fis-sena.

6.

Stallazzjonijiet kimiċi integrati, jiġifieri dawk l-istallazzjonijiet għall-manifattura fuq skala industrijali tas-sustanzi li jużaw proċessi kimiċi, li fihom numru ta' unitajiet jiġu mqiegħda ħdejn xulxin biex jidher il-kuntrast ta' bejniethom u huma funzjonalment marbuta ma' xulxin u li huma:

(i) għall-produzzjoni ta' kimiċi bażiċi organiċi;

(ii) għall-produzzjoni ta' kimiċi bażiċi inorganiċi;

(iii) għall-produzzjoni ta' demel artifiċjali bbażat fuq il-fosfru, in-nitroġenu jew il-putassju (demel artifiċjali sempliċi jew kompost);

(iv) għall-produzzjoni ta' prodotti bażiċi għas-saħħa tal-pjanti u tal-bijoċidi;

(v) għall-produzzjoni ta' prodotti bażiċi farmaċewtiċi li jużaw proċess kimiku jew bijoloġiku;

(vi) għall-produzzjoni ta' l-isplussivi.

7.

(a) Il-bini ta' linji tal-ferrovija għat-traffiku fuq distanzi twal u ta' ajruporti ( 11 ) b'tul bażiku tar- runway ta' 2 100 m jew iktar;

(b) Il-bini ta' toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (“motorways”) u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (“express”) ( 12 );

(ċ) Il-bini ta' triq ġdida ta' erba' linji ta' traffiku jew iktar, l-allinjament mill-ġdid u/jew it-twessigħ ta' triq eżistenti ta' żewġ linji tat-traffiku jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tat-triq tkun iktar min 10 km jew iktar ma taqta' xejn fit-tul.

8.

(a) Toroq ta' l-ibħra interni u postijiet tat-traffiku bil-baħar intern li jippermettu l-passaġġ ta' bastimenti ta' 'l fuq minn 1 350 tunnellata metrika;

(b) Portijiet kummerċjali, mollijiet għat-tagħbija u l-ħatt, imgħaqqda ma' l-art u l barra mill-portijiet (minbarra mollijiet tal-laneċ) li jistgħu jieħdu bastimenti ta' iktar minn 1 350 tunnellata metrika.

9.

Stallazzjoni tar-rimi ta' l-iskart għall-ħruq/inċinerazzjoni, it-trattament kimiku definit fl-Anness IIA mad-Direttiva 75/442/KEE ( 13 ) taħt l-intestatura D9, jew radam (“landfill”) għall-iskart perikoluż (p.e. l-iskart li għalih tapplika d-Direttiva 91/689/KEE ( 14 ).

10.

Stallazzjonijiet għar-rimi ta' l-iskart għall-ħruq/inċinerazzjoni jew it-trattament kimiku definit fl-Anness IIA mad-Direttiva 75/442/KEE taħt l-intestatura D9 ta' l-iskart mhux perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum.

11.

L-estrazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art jew skemi biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid lill-ilma tax-xorb/ta' taħt l-art artifiċjali fejn il-volum ta' ilma estratt jew enerġizzat mill-ġdid huwa ekwivalenti għal jew jaqbeż il-10 miljun metru kubu.

12.

(a) Xogħlijiet għat-trasferiment tar-risorsi ta' l-ilma bejn il-baċini tax-xmajjar fejn dan it-trasferiment jimmira li jipprevjeni nuqqasijiet possibbli ta' l-ilma u fejn l-ammont ta' ilma ttrasferit jaqbeż il-100 miljun metru kubu fis-sena;

(b) Fil-każi l-oħra kollha, ix-xogħlijiet għat-trasferiment tar-riżorsi ta' l-ilma ta' bejn il-baċini tax-xmajjar fejn il-mixi (“flow”) medju fuq ħafna snin tal-baċin minn fejn l-ilma jiġi estratt jaqbeż il-2 000 miljun metru kubu fis-sena u fejn l-ammont ta' l-ilma ttrasferit jaqbeż il-5 % ta' dan il-mixi.

Fiż-żewġ każi huma esklużi t-trasferimenti ta' l-ilma tax-xorb bil-pajpijiet.

13.

Impjanti għat-trattament ta' l-ilma għall-iskart b'kapaċità li taqbeż l-ekwivalenti għal popolazzjoni ta' 150 000 kif definit fil-punt 6 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/271/KEE ( 15 ).

14.

L-estrazzjoni tal-petrolju (“petroleum”) u tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali fejn l-ammont estratt jaqbeż il-500 tunnellata metrika kuljum fil-każ tal-petrolju (“petroleum”) u l-500 000 m3 kuljum fil-każ tal-gass.

15.

Digi u stallazzjonijiet oħra maħsuba biex iżommu lura jew jaħżnu l-ilma permanentement, fejn l-ammont ta' l-ilma ġdid jew addizzjonali miżmum lura jew maħżun jaqbeż il-10 miljuni metru kubu.

16.

Linji tal-pajpijiet għat-trasport tal-gass, taż-żejt jew tal-kimiċi b'dijametru ta' iktar minn 800 mm u tul ta' iktar minn 40 km.

17.

Stallazzjoni għat-tkabbir intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer b'iktar minn:

(a) 85 000 post għall-kapuċċelli, 60 000 post għat-tiġieġ;

(b) 3 000 post għall-produzzjoni tal-ħnieżer (ta' iktar minn 30 kg); jew

(ċ) 900 post għall-majjaliet.

18.

Impjanti industrijali għall-

(a) produzzjoni tal-polpa mill-injam tas-siġar jew ta' materjali fibrużi simili;

(b) produzzjoni tal-karta u tal-kartun/bordijiet b'kapaċità ta' produzzjoni li taqbeż il-200 tunnellata metrika kuljum.

19.

Il-barrieri u x-xogħol fil-minjieri miftuħa fejn il-wiċċ ta' l-art jaqbeż il-25 ettaru, jew l-estrazzjoni tal-pit (“peat”), fejn il-wiċċ ta' l-art fuq il-post jaqbeż il-150 ettaru.

20.

Il-bini ta' kejblijiet ta' l-elettriku fil-għoli b'voltaġġ ta' 220 kV jew iktar u tul ta' iktar minn 15-il km.

21.

Stallazzjonijiet għall-ħażna tal-prodotti tal-petrolju (“petroleum”), tal-petrokimika jew tal-kimiċi b'kapaċità ta' 200 000 tunnellata metrika jew iktar.

▼M2

22.

Kull bidla jew estensjoni tal-proġetti elenkati f’dan l-Anness meta din il-bidla jew estensjoni fihom infushom jilħqu l-għetiebi, jekk ikun hemm minnhom, iddikjarati f’dan l-Anness.

▼M1




L-ANNESS II

IL-PROĠETTI SOĠĠETTI GĦALL-ARTIKOLU 4(2)

1.   Il-biedja, il-kultura tal-foresti (silvikultura) u l-akkwakultura

(a) Proġetti għall-bini mill-ġdid ta' oqsma rurali;

(b) Proġetti għall-użu ta' raba' mhux ikkultivat jew ta' żoni semi-naturali bil-għan ta' biedja intensiva;

(ċ) Proġetti għall-immaniġġjar ta' l-ilma għall-biedja, inklużi t-tisqija u proġetti għat-tnixxif ta' artijiet mistgħadra;

(d) L-afforestazzjoni u d-deforestazzjoni tal-bidu bil-għan ta' qlib għal użu ieħor ta' l-art;

(e) Stallazzjonijiet għat-tkabbir b'mod intensiv ta' l-annimali ta' l-irziezet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(f) Tkabbir tal-ħut b'mod intensiv;

(g) Riklamazzjoni ta' l-art mill-baħar.

2.   L-industrija ta' l-estrazzjoni

(a) Barrieri, minjieri miftuħa u l-estrazzjoni tal-pit (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(b) Minjieri taħt l-art;

(ċ) L-estrazzjoni tal-minerali bit-taħmil mill-baħar jew mix-xmajjar;

(d) Tħaffir fil-fond bil-berrini, b'mod partikolari:

— tħaffir ġeotermiku,

— tħaffir għall-ħażna ta' materjal ta' skart nukleari,

— tħaffir għall-provvisti ta' l-ilma,

minbarra tħaffir sabiex tiġi investigata l-istabbilità tal-ħamrija;

(e) Stallazzjonijiet industrijali fuq il-wiċċ ta' l-art għall-estrazzjoni tal-faħam, tal-petrolju (“petroleum”), tal-gass naturali u tal-minerali, kif ukoll tal-blat tafli bituminuż.

3.   L-industrija ta' l-enerġija

(a) Stallazzjnijiet industrijali għall-produzzjoni ta' l-elettriku, il-fwar u l-misħun (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(b) Stallazzjonijiet industrijali għall-ġarr tal-gass, il-fwar u l-misħun; it-trasmissjoni ta' l-enerġija elettrika permezz ta' kejblijiet fil-għoli (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(ċ) Il-ħażna fuq l-art tal-gass naturali;

(d) Il-ħażna taħt l-art ta' gassijiet kombustibbli;

(e) Il-ħażna fuq l-art tal-karburanti fossili;

(f) Il-bini industrijali ta' blokki/briksijiet tal-faħam u tal-linjit;

(g) Stallazzjonijiet għall-ipproċessar u l-ħażna ta' skart radjo-attiv (għajr jekk inkluż fl-Anness I);

(h) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-enerġija idro-elettrika;

(i) Stallazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni ta' l-enerġija (oqsma ta' mtieħen tar-riħ).

4.   Il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-metalli

(a) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħadid fondut u ta' l-azzar (fużjoni primarja u sekondarja) inkluż it-tidwib kontinwu;

(b) Stallazzjonijiet għall-ipproċessar tal-metalli tal-ħadid;

(i) fabbriki tar-rumblar bis-sħana;

(ii) postijiet tax-xogħol tal-ħadid bil-mazez;

(iii) l-applikazzjoni ta' kisjiet protettivi bil-metall fużjonat;

(ċ) Funderiji tal-metalli tal-ħadid;

(d) Stallazzjonijiet għat-tidwib, inkluż l-għemil ta' l-illiġi ta' metalli mhux tal-ħadid, minbarra l-metalli prezzjużi, inklużi prodotti rkuprati (raffinazzjoni, titwib bil-forġa, eċċ.);

(e) Stallazzjonijiet għat-trattament fuq l-art tal-metalli u ta' materjali tal-plastika li jużaw proċessi kimiċi jew ta' l-elettrolisi;

(f) Il-manifattura u l-muntar ta' vetturi tal-mutur u l-manifattura tal-magni tal-vetturi tal-mutur;

(g) Tarznari;

(h) Stallazzjonijiet għall-bini u t-tiswija ta' vetturi ta' l-ajru;

(i) Il-manifattura ta' tagħmir tal-ferroviji;

(j) It-tagħwiġ tal-metall (“swaging”) bl-isplussivi;

(k) Stallazzjonijiet għall-infurnar u s-sinterizzazzjoni ta' minerali metalliċi.

5.   L-industrija minerarja

(a) Fran tal-kokk (distillazzjoni bin-niexef tal-faħam);

(b) Stallazzjonijiet għall-manifattura tas-siment;

(ċ) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-asbestos u l-manifattura ta' prodotti ta' l-asbestos (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(d) Stallazzjonijiet għall-manifattura tal-ħġieġ inkluża l-fibra tal-ħġieġ (“glass fibre”);

(e) Stallazzjonijiet għat-tidwib ta' sustanzi minerali inkluża l-produzzjoni tal-fibra tal-ħġieġ;

(f) Il-manifattura ta' prodotti tal-fuħħar/ċeramika, b'mod partikolari madum tal-bjut, blokok, madum/briksijiet reżistenti għas-sħana (refrattorji), madum, xogħol tal-fuħħar u porċellana.

6.   L-industrija kimika (Proġetti mhux inklużi fl-Anness I)

(a) It-trattament ta' prodotti intermedji u l-produzzjoni ta' oġġetti tal-kimika;

(b) Il-produzzjoni tal-pestiċidi u ta' prodotti farmaċewtiċi, żebgħa u verniċ, elastomeri u perossidi;

(ċ) Faċilitajiet għall-ħażna tal-petrolju (“petroleum”), ta' prodotti petrokimiċi u kimiċi.

7.   L-industrija ta' l-ikel

(a) Il-manifattura ta' żjut u xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel u mill-annimali;

(b) L-imballaġġ u t-tqegħid fil-landi ta' prodotti mill-annimli u mill-ħxejjex ta' l-ikel;

(ċ) Il-manifattura ta' prodotti tal-ħalib;

(d) Il-manifattura tal-birra u tal-maltu (“malt”);

(e) Il-manifattura tal-ħelu u x-xiroppi;

(f) Stallazzjonijiet għall-qtil ta' l-annimali;

(g) Stallazzjonijiet għall-manifattura tal-lamtu artifiċjali;

(g) Fabbriki ta' l-ikel tal-ħut u taż-żejt tal-ħut;

(h) Fabbriki taz-zokkor.

8.   L-industriji tat-tessuti, ta' l-injam u tal-karta

(a) Impjanti industrijali għall-produzzjoni tal-karta u l-kartun/bordijiet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(b) Impjanti għat-trattament minn qabel (xogħlijiet bħall-ħasil, il-bliċjar, il-għoti tal-lostru lid-drappijiet (merċerizzazzjoni)) jew għall-għoti tal-kulur lill-ħjut (fibri) jew lit-tessuti;

(ċ) Impjanti għall-ikkunzar tal-ġlud;

(d) L-ipproċessar taċ-ċellulosi u stallazzjonijiet tal-produzzjoni (ta' dan).

9.   L-industrija tal-lastiku

Il-manifattura u t-trattament ta' prodotti bbażati fuq l-elastomeri.

10.   Proġetti ta' infrastruttura

(a) Proġetti ta' żvilupp ta' oqsma industrijali:

(b) Proġetti ta' żvilupp urban, inkluż il-bini ta' ċentri kummerċjali u ta' parkeġġi għall-karozzi;

(ċ) Il-bini ta' ferroviji u ta' faċilitajiet għat-trasbord intermodali, u ta' terminusijiet intermodali (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(d) Il-bini ta' ajrudromi (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(e) Il-bini ta' toroq, portijiet u stallazjonijiet tal-portijiet, inklużi menqiet għall-bastimenti tas-sajd (proġett mhux inklużi fl-Anness I);

(f) Il-bini ta' toroq ta' ibħra interni mhux inklużi fl-Anness I, il-bini ta' kanali u xogħlijiet għal-lqugħ ta' l-ilma mill-ħamliet;

(g) Digi u stallazzjonijiet oħra ddisinjati bil-ħsieb li jżommu l-ilma jew jaħżnuh fuq bażi fit-tul (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(h) Linji tat-tramm, ferroviji fil-għoli jew taħt l-art, linji tal-kejblijiet fil-għoli jew linji simili ta' tip partikolari, użati esklussivament jew fil-biċċa l-kbira għat-trasport tal-passiġġieri;

(i) Stallazzjonijiet ta' linji tal-pajpijiet taż-żejt u tal-gass (proġetti hux inklużi fl-Anness I);

(j) Stallazzjonijiet ta' akkwedotti fuq distanzi twal;

(k) Xogħol kostali biex jikkumbatti t-tagħwir/erożjoni u xogħlijiet marittimi kapaċi li jibdlu l-kosta permezz tal-bini ta', per eżempju, digi, mollijiet, pontijiet u xogħlijiet oħra ta' difiża kontra l-baħar, għajr il-manutenzjoni u l-bini mill-ġdid ta' xogħlijiet minn dawn;

(l) L-estrazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art u skemi biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid artifiċjalment lill-ilma tax-xorb mhux inklużi fl-Anness I;

(m) Xogħlijiet għat-trasferiment tar-riżorsi ta' l-ilma bejn il-baċini tax-xmajjar mhux inklużi fl-Anness I.

11.   Proġetti oħra

(a) Korsi permanenti tat-tiġrija tal-vetturi tal-mutur u tal-prova tagħhom;

(b) Stallazzjonijiet għar-rimi ta' l-iskart (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(ċ) Impjanti għat-trattament ta' l-ilma għall-iskart (mhux inklużi fl-Anness I);

(d) Siti għad-depożitu tat-tjun;

(e) Il-ħażna tal-ħadid għall-iskart (“scrap”), inklużi l-vetturi skartati;

(f) Bankijiet tax-xogħol għall-magni, it-turbini u r-reatturi;

(g) Stallazzjonijiet għall-manifattura ta' fibri minerali artifiċjali;

(h) Stallazzjonijiet għall-irkupru jew il-qerda ta' sustanzi splussivi;

(i) Postijiet tan-negozju tal-ġebel mill-bini maħtut (“knackers” yards).

12.   It-turiżmu u l-ħin liberu

(a) Toroq/korsi għall-ġiri bl-iski, seġġjoviji u funikulari u żviluppi assoċjati;

(b) Xtut u mollijiet (għad-dgħajjes, jottijiet, eċċ.);

(ċ) Villaġġi għall-vaganzi u kumplessi ta' lukandi' il barra miż-żoni urbani u l-iżviluppi assoċjati magħhom;

(d) Lokazzjonijiet permanenti għall-kampeġġ u lokazzjonijiet għall-karavanijiet (“caravans”);

(e) Theme parks (Ġonna ta' divertiment mibnija dwar temi kulturali).

13.

— Kull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista' jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent ►M2  (bidla jew estensjoni mhux inklużi fl-Anness I) ◄ ;

— Il-proġetti fl-Anness I, magħmula esklussivament jew fil-biċċa l-kbira tagħhom għall-iżvilupp u l-eżami ta' metodi jew prodotti ġodda u li ma jkunux ilhom użati għal iktar minn sentejn.




L-ANNESS III

IL-KRITERJI TA' L-GĦAŻLA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(3)

1.   Karatteristiċi tal-proġetti

Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b'mod partikolari:

— id-daqs tal-proġett,

— il-kumulazzjoni ma' proġetti oħra,

— l-użu tar-riżorsi naturali,

— il-produzzjoni ta' l-iskart,

— it-tniġġis u l-irritazzjonijiet,

— ir-riskju ta' inċidenti, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari s-sustanzi u l-metodi ta' teknika użati.

2.   Il-lokazzjoni tal-proġetti

Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta' ż-żoni ġeografiċi li x'aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari:

— l-użu eżistenti ta' l-art,

— l-abbundanza relattiva, il-kwalità u l-ħila tar-riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali fiż-żona;

— il-kapaċità dwar kemm jixrob l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni li ġejjin:

— 

(a) l-artijiet mistgħadra;

(b) iż-żoni kostali;

(ċ) il-firxiet ta' art muntanjuża u miksija bil-foresti;

(d) ir-riservi naturali u ġonna kbar;

(e) iż-żoni kklassifikati jew protetti skond il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri; żoni ta' protezzjoni speċjali ddisinjati mill-Istati Membri skond id-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE;

(f) iż-żoni li fihom il-livelli stabbiliti ambjentali ta' kwalità preskritti mil-liġijiet Komunitarji jkunu diġà ġew maqbuża;

(g) iż-żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni;

(g) il-pajsaġġi ta' sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku.

3.   Il-karatteristiċi ta' l-impatt potenzjali

L-effetti sinifikanti potenzjali tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati f'relazzjoni mal-kriterji ddikjarati taħt l-1 u t-2 ta' hawn fuq, u billi jitqiesu b'mod partikolari:

— il-kobor ta' l-impatt (iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni affettwata),

— in-natura li taqsam il-fruntieri ta' l-impatt,

— il-kobor u l-kumplessità ta' l-impatt,

— il-probabbilità ta' l-impatt,

— it-tul taż-żmien, il-frekwenza u r-riversibbilità ta' l-impatt (kemm jista' jitreġġa' lura).




L-ANNESS IV

IT-TAGĦRIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5(1)

1. Id-deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b'mod partikolari:

— id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu u tal-ħtiġijiet ta' l-użu ta' l-art matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tax-xogħlijiet,

— id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewliena tal-proċessi tal-produzzjoni, per eżempju, in-natura u l-kwalità tal-materjali użati,

— l-estimu, skond it-tip u l-kwantità, tal-fdalijiet u l-emissjonijiet mistennija (ilma, arja u ħamrija, tinġis, ħoss, vibrazzjoni, dawl, sħana, radjazzjoni, eċċ.) li jirriżultaw mix-xogħlijiet tal-proġett propost.

2. Il-punti prinċipali (“outline”) ta' l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent.

3. Id-deskrizzjoni ta' l-aspetti fl-ambjent li x'aktarx jiġu affettwati sinifikament mill-proġett propost, inklużi, b'mod partikolari, il-popolazzjoni, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-fatturi klimatiċi, il-beni materjali, inklużi l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku, il-pajsaġġ u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq.

4. Id-deskrizzjoni ( 16 ) ta' l-effetti x'aktarx sinifikanti tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn:

— l-eżistenza tal-proġett,

— l-użu tar-riżorsi naturali,

— l-emissjoni ta' oġġetti ta' tniġġis, il-ħolqien ta' irritazzjonijiet u l-eliminazzjoni ta' l-iskart,

u d-deskrizzjoni mill-iżviluppatur dwar il-metodi tat-tbassir użati biex jiġu stmati l-effetti fuq l-ambjent.

5. Id-deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jipprevjenu, inaqqsu u fejn possibbli jikkontrobilanċjaw kull effett avvers sinifikanti fuq l-ambjent.

6. Sommarju mhux tekniku tat-tagħrif ipprovvdut skond l-intestaturi ta' hawn fuq.

7. Indikazzjoni ta' kull diffikultà (defiċjenzi tekniċi jew nuqqas ta' kompetenza fis-sengħa) li jiltaqa' magħha l-iżviluppatur fil-ġbir tat-tagħrif meħtieġ.”



( 1 ) ĠU C 169, tad-9.7.1980, p. 14.

( 2 ) ĠU C 66, tal-15.3.1982, p. 89.

( 3 ) ĠU C 185, tas-27.7.1981, p. 8.

( 4 ) ĠU C 112, tal-20.12.1973, p. 1.

( 5 ) ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 1.

( 6 ) ĠU C 46, tas-17.2.1983, p. 1.

( 7 ) ĠU L 257, tal-10.10.1996, p. 26.

( 8 ) ĠU L 41, ta’ l-14.2.2003, p. 26.

( 9 ) Din id-Direttiva kienet notifikata fit-3 ta’ Lulju 1985.

( 10 ) Stazzjonijiet tal-qawwa nukleari u reatturi nukleari oħra ma jibqgħux jissejħu stallazzjonijiet minn dawn meta jkunu ġew imwarrba permanentement minn fuq il-lokazzjoni ta' l-istallazzjoni l-karburant nukleari kollu u elementi oħra kkontaminati bir-radjo-attività.

( 11 ) Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, “ajruport” ifisser l-ajruporti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Chigago (1944) li waqqfet l-Organizzazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili (L-Anness 14).

( 12 ) Għall-għanijiet tad-Direttiva. 'triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa' (“express”) tfisser triq li tikkonforma mad-definizzjoni fil-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali tal-15 ta' Novembru 1975.

( 13 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/3/KE (ĠU L 5, tas-7.1.1994, p. 15).

( 14 ) ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 20. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/31/KE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p. 28).

( 15 ) ĠU L 135, tat-30.5.1991, p. 40. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni (1994).

( 16 ) Din id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, ta' skond qasir, medju jew fit-tul, permanenti u temporanju u negattiv tal-proġett.