KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑13 ta’ Mejju 2025 ( 1 )
Kawża C‑602/22 P
ABLV Bank AS, fi stralċ
vs
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)
“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Artikoli 7 u 18 – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni li ma tinbediex il-proċedura ta’ riżoluzzjoni – Kompetenza tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Setgħa diskrezzjonali – Estensjoni tal-istħarriġ tal-qorti”
I. Daħla
|
1. |
Is-suġġett prinċipali ta’ dan l-appell huwa d-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi u tal-prerogattivi tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“Single Resolution Board”, iktar ’il quddiem is-“SRB”). B’mod partikolari, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi tikkonċerna l-kompetenza tas-SRB sabiex jadotta deċiżjoni formali negattiva dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-kuntest tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (“Single Resolution Mechanism” iktar ’il quddiem is-“SRM”) ( 2 ). |
|
2. |
Fl-appell ineżami, ABLV Bank AS (iktar ’il quddiem “ABLV Bank”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Lulju 2022, ABLV Bank vs SRB (T‑280/18, EU:T:2022:429, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha ppreżentat kontra żewġ deċiżjonijiet tas-SRB ( 3 ). Fil-qosor ( 4 ), f’dawn id-deċiżjonijiet, is-SRB iddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ ABLV Bank u tas-sussidjarja tagħha ABLV Luxembourg SA (iktar ’il quddiem l-“ABLV Bank Luxembourg”). Is-SRB qies li, fil-kawża ineżami, iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament SRM għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – jiġifieri l-falliment jew ir-riskju ta’ falliment tal-entità kkonċernata u l-assenza ta’ miżuri alternattivi għar-riżoluzzjoni – kienu ssodisfatti. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, is-SRB adotta deċiżjoni negattiva billi qies li t-tielet kundizzjoni, prevista fil-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri n-neċessità ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku, ma kinitx issodisfatta fil-kawża ineżami. |
|
3. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat minn ABLV Bank sa fejn kien dirett kontra d-deċiżjoni tas-SRB dwar is-sussidjarja tagħha ABLV Bank Luxembourg u ċaħdet fil-mertu l-motivi kollha mqajma insostenn tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tas-SRB dwar ABLV Bank. |
II. Fuq l-appell
|
4. |
ABLV Bank titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi, tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi u, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar ir-rikors fl-ewwel istanza, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
5. |
Is-SRB u l-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”), intervenjenti fl-ewwel istanza, jitolbu, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil ABLV Bank għall-ispejjeż. |
|
6. |
Insostenn tal-appell tagħha, ABLV Bank tinvoka erba’ aggravji, li kollha huma kkontestati mis-SRB u mill-BĊE. Dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw prinċipalment fuq l-ewwel aggravju, li fih hemm il-kwistjoni prinċipali ta’ liġi, esposta fil-qosor fil-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Preliminarjament, għandha, madankollu, tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell imqajma mis-SRB. |
A. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
|
7. |
Is-SRB isostni li l-appell huwa inammissibbli. Huwa għandu natura vaga u inkoerenti, ma jipprovdix espożizzjoni sommarja tal-aggravji invokati u, f’diversi każijiet, ma jidentifikax il-punti kkontestati tas-sentenza appellata u ma jindikax l-argumenti legali insostenn tal-aggravji invokati. Għalhekk huwa diffiċli li jiġu identifikati l-iżbalji li wettqet il-Qorti Ġenerali. |
|
8. |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali invokati sabiex isostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell ( 5 ). |
|
9. |
Fil-kawża ineżami, l-appell ma huwiex dejjem ċar u koerenti u ma jindikax b’mod eżawrjenti l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata. Madankollu, huwa jinkludi indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-punti kkontestati tas-sentenza fil-kuntest ta’ kull wieħed mill-aggravji u espożizzjoni suffiċjentement preċiża tal-parti l-kbira tal-argumenti invokati. Minn dan isegwi li, fil-fehma tiegħi, l-appell ma huwiex inammissibbli fl-intier tiegħu. Madankollu, ċerti argumenti speċifiċi ta’ ABLV Bank ser jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħhom. |
B. Fuq il-mertu tal-appell
1. Fuq l-ewwel aggravju
|
10. |
Permezz tal-ewwel aggravju, ABLV Bank tikkontesta l-punti 73 sa 86 tas-sentenza appellata. ABLV Bank issostni interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM u diversi żbalji oħra relatati. |
|
11. |
F’dawn il-punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok (punti 73 sa 78), ċaħdet il-motiv ta’ ABLV Bank ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jiddeċiedi dwar l-istralċ tagħha, billi kkonkludiet li, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, is-SRB ma kienx ordna l-istralċ ta’ ABLV Bank. Fit-tieni lok, (punti 79 sa 86), il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ta’ ABLV Bank ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jadotta deċiżjonijiet formali negattivi bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-SRB huwa kompetenti sabiex jadotta dawn it-tipi ta’ deċiżjonijiet billi bbażat ruħha fuq tliet elementi: (a) il-ħtieġa li tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-falliment jew tar-riskju ta’ falliment imwettqa mill-BĊE (punt 82 tas-sentenza appellata); (b) il-kuntest normattiv li fih jinsab l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/59 ( 6 ) (punt 83 tas-sentenza appellata); (c) ir-riskju li tiġi ppreġudikata l-istabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata u potenzjalment tas-swieq finanzjarji fil-każ ta’ assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jadotta deċiżjoni formali negattiva (punt 84 tas-sentenza appellata). |
|
12. |
L-analiżi ġuridika tal-ewwel aggravju ser tinqasam, fi tliet partijiet: (a) l-ewwel waħda, dwar l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tas-SRB sabiex jadotta deċiżjonijiet formali negattivi bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi; (b) it-tieni waħda, dwar l-ilment ibbażat fuq il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali mal-ġurisprudenza fil-qasam tad-delega tas-setgħat lill-aġenziji; (C) it-tielet waħda, dwar l-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tal-ewwel aggravju. |
a) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar il-kompetenza tas-SRB sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi
1) L-argumenti ta’ ABLV Bank
|
13. |
ABLV Bank issostni li, fil-punti 79 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM meta kkonkludiet li s-SRB kien kompetenti sabiex jadotta deċiżjoni formali negattiva dwar (in-nuqqas ta’) adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. |
|
14. |
Skont ABLV Bank, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tagħti lis-SRB setgħat mhux previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament SRM u ma għandha ebda bażi fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Din hija bbażata fuq applikazzjoni impliċita b’analoġija tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. |
|
15. |
L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tagħti lis-SRB is-setgħa li jadotta deċiżjoni li tipproduċi effetti legali esternament anki jekk ikunu ssodisfatti biss tnejn mit-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u għalhekk ma tiġi adottata l-ebda skema ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, skont ABLV Bank, jekk is-SRB jasal għall-konklużjoni li miżura ta’ riżoluzzjoni ma hijiex neċessarja fl-interess pubbliku, huwa għandu jastjeni milli jadotta deċiżjoni. |
|
16. |
Is-sentenza reċenti tal-Awla Manja fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs SRB ( 7 ), ikkonfermat li l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM ma jagħtix lis-SRB is-setgħa li jadotta atti li jipproduċu effetti legali awtonomi. |
|
17. |
ABLV Bank tikkontesta mbagħad, il-punt 83 tas-sentenza appellata: l-ewwel nett l-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/59, li huwa msemmi fih, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet negattivi fir-rigward tar-riżoluzzjoni, jikkonċerna biss l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u għalhekk ma jistax japplika għas-SRB; fit-tieni lok, l-assenza fir-Regolament SRM ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għal dik prevista fid-dispożizzjoni ċċitata iktar’ il fuq ma hijiex ommissjoni involontarja tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. Sussegwentement, ABLV Bank tikkontesta l-punt 84 tas-sentenza appellata li huwa bbażat fuq loġika mhux prevista fir-Regolament SRM. |
2) Analiżi
|
18. |
Sabiex tingħata risposta għall-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata skont il-kriterji ermenewtiċi użati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
19. |
Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha ( 8 ). |
|
20. |
Għalhekk, iktar ’il quddiem ser nipproċedi għal analiżi letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM sabiex nivverifika jekk, kif tallega ABLV Bank, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, billi rrikonoxxiet il-kompetenza tas-SRB sabiex jadotta deċiżjonijiet formali negattivi dwar (in-nuqqas ta’) l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, interpretatx din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat. |
|
21. |
Preliminarjament, nirrileva li, għalkemm ABLV Bank tibbaża l-ilment tagħha esklużivament fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, dispożizzjoni oħra tar-regolament hija rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kompetenza tas-SRB sabiex jadotta deċiżjonijiet bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi hijiex korretta. Nirreferi għall-Artikolu 7(2) li jipprevedi li s-SRU għandu jkun responsabbli biex “jadotta d-deċiżjonijiet kollha relatati mar-riżoluzzjoni” għall-entitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu ( 9 ). Fil-fatt, hija din id-dispożizzjoni li, fil-fehma tiegħi, tattribwixxi b’mod espliċitu s-setgħa deċiżjonali lis-SRB fil-kuntest tat-tqassim tal-kompiti stabbilit mir-Regolament SRM. |
|
22. |
Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilment imqajjem minn ABLV Bank, jeħtieġ għalhekk, li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jiġu interpretati flimkien skont il-kriterji ermenewtiċi msemmija iktar ’il fuq. |
|
23. |
F’dan ir-rigward, minn perspettiva letterali, il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament SRM bl-użu tal-kliem ġenerali “kollha” u deċiżjonijiet “relatati mar-riżoluzzjoni” ( 10 ) tiżvela, l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jipprevedi formula globali li tattribwixxi lis-SRB il-kompetenza sabiex jadotta kwalunkwe deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-entitajiet suġġetti għas-setgħat ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni ( 11 ). |
|
24. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM jipprevedi l-kompetenza tas-SRB sabiex jadotta skema ta’ riżoluzzjoni meta t-tliet kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) ikunu ssodisfatti. |
|
25. |
Deċiżjonijiet (bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi) li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni ma humiex issodisfatti jikkostitwixxu deċiżjonijiet “relatati mar-riżoluzzjoni”, li, għalhekk, jaqgħu, taħt il-formulazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament SRM. |
|
26. |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament SRM, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, tikkorrobora għalhekk l-interpretazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet fis-sens li s-SRB għandu l-kompetenza sabiex jadotta deċiżjoni formali negattiva dwar it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
27. |
Dan huwa kkonfermat mill-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
28. |
F’dak li jirrigwarda l-kuntest legali u, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament SRM, l-għoti tas-setgħa lis-SRB sabiex jadotta deċiżjoni formali negattiva dwar ir-riżoluzzjoni huwa neċessarju fis-sistema tat-tqassim tal-kompiti fi ħdan l-SRM, prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament. Fil-fatt, id-deċiżjoni tas-SRB li ma jibdiex il-miżura ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni timplika l-adozzjoni ta’ miżuri minn awtoritajiet nazzjonali. Huwa għalhekk meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu informati li s-SRB temm il-proċedura fil-livell tal-Unjoni u li dan ma għandux l-intenzjoni li jeżerċita s-setgħat ta’ riżoluzzjoni tiegħu. Interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti toħloq sitwazzjoni ta’ impreċiżjoni fil-kuntest tal-SRM inkompatibbli mas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi prevista mir-Regolament SRM. |
|
29. |
Dejjem minn perspettiva kuntestwali, l-għoti tas-setgħa lis-SRB sabiex jadotta deċiżjoni formali negattiva dwar ir-riżoluzzjoni huwa wkoll konsistenti mal-ħtieġa li tiġi evitata lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-entità kkonċernata. ( 12 )Fil-fatt, kieku s-SRB ma jkunx jista’ jadotta deċiżjoni formali negattiva li tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni, allura ma jkunx jista’ jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju dwar l-evalwazzjoni, mill-BĊE, tal-falliment jew tar-riskju ta’ falliment ta’ entità – fis-sens tal-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 18(1) evalwazzjoni li, – bħala att preparatorju fil-kuntest tal-proċedura, ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat ( 13 ). |
|
30. |
Mill-perspettiva teleoloġika, fl-aħħar mill-aħħar, l-interpretazzjoni proposta hija koerenti mal-għan tar-regolament SRM li jiżgura l-effikaċja tal-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-effikaċja tal-SRM stess imsemmi fil-premessi 89 u 123 tar-Regolament SRM ( 14 ). Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, ir-rapidità tal-intervent spiss tkun deċiżiva ( 15 ). Fl-assenza ta’ deċiżjoni formali li tiċċara li l-Unjoni mhix se teżerċita s-setgħat ta’ riżoluzzjoni tagħha, is-sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tal-eżerċizzju (jew l-assenza tiegħu) ta’ tali setgħat tal-Unjoni fir-rigward ta’ entità, jirriskja li jikkomprometti l-adozzjoni rapida ta’ miżuri u għalhekk l-effikaċja tagħhom. |
|
31. |
F’dan is-sens, din l-interpretazzjoni hija koerenti wkoll mal-għanijiet tar-Regolament SRM li jżomm l-istabbiltà finanzjarja, li jiżgura l-kontinwità tas-servizzi finanzjarji essenzjali u li jipproteġi lid-depożitanti msemmija fil-premessa 58 tar-Regolament SRM ( 16 ). Is-sitwazzjoni ta’ indeterminatezza li tirriżulta mill-assenza ta’ deċiżjoni formali negattiva, li tirriżulta f’dubji dwar id-deċiżjonijiet u dwar il-miżuri li ser jiġu adottati fil-konfront ta’ entità wara evalwazzjoni ta’ falliment jew tar-riskju ta’ falliment imwettqa mill-BĊE fir-rigward tagħha, iżżid ir-riskji għal tali entità u konsegwentement anki r-riskji ta’ kontaġju ( 17 ). |
|
32. |
Sussegwentement, l-interpretazzjoni li s-SRB huwa kompetenti sabiex jadotta deċiżjonijiet formali negattivi dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM ma hijiex, ikkontestata mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, tali skema ma tikkostitwixxix ir-riżultat finali tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, li tikkonkretizza ruħha biss bl-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni Ewropea ( 18 ). B’mod partikolari, fil-punt 83 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm l-Artikoli 7 u 18 ta’ dan ir-regolament jipprevedu li s-SRB huwa inkarigat li jfassal u jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, “dawn madankollu ma jagħtuhx is-setgħa li jadotta att li jipproduċi effetti legali awtonomi”. |
|
33. |
Madankollu, mis-suġġett tat-tilwima li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet esklużivament għall-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata, jiġifieri għal deċiżjoni formali pożittiva tas-SRB li ma tipproduċix effetti legali awtonomi. Id-deċiżjoni formali negattiva li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni hija, min-naħa l-oħra, l-att finali tal-proċedura quddiem is-SRB. Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi għalhekk att li neċessarjament jipproduċi effetti legali awtonomi u li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE. |
|
34. |
Fl-aħħar nett, l-argumenti ta’ ABLV Bank intiżi li jikkontestaw il-punt 83 tas-sentenza appellata ma jikkontestawx il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-għoti lis-SRB tal-kompetenza sabiex jadotta deċiżjoni formali negattiva dwar ir-riżoluzzjoni. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/59 japplika għal din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali rreferiet għal din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ analiżi tal-kuntest leġiżlattiv usa’ li fih jaqa’ l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM. |
|
35. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda. |
b) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju dwar il-ġurisprudenza dwar id-delega ta’ setgħat lill-aġenziji
1) L-argumenti ta’ ABLV Bank
|
36. |
ABLV Bank issostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza dwar id-delega ta’ setgħat lill-aġenziji li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja ( 19 ). ABLV Bank tenfasizza li s-SRB huwa aġenzija li s-setgħat tagħha għandhom jiġu ddefiniti b’mod strett. Hija ssostni li r-Regolament SRM jirrikonoxxi espressament il-ħtieġa li jiġu limitati s-setgħat tas-SRB billi jsir riferiment, fil-premessa 26, għal din il-ġurisprudenza. Madankollu, kuntrarjament għal dan ir-rekwiżit, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tagħti lis-SRB setgħa wiesgħa ħafna li jiddetermina d-destin ta’ bank ikkonċernat b’mod permanenti, mingħajr l-intervent tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u mingħajr ebda limitu ta’ natura la proċedurali jew sostantiva. |
2) Analiżi
|
37. |
Preliminarjament, nirrileva li, fis-sentenza reċenti Il‑Kummissjoni vs SRB, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà tas-setgħat mogħtija lis-SRB mill-Artikolu 18 tar-Regolament SRM fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja, fir-rigward tas-sitwazzjoni kuntrarja għal dik tal-kawża ineżami, jiġifieri l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu li jippermettu lis-SRB jadotta skema ta’ riżoluzzjoni huma ta’ natura li jevitaw “spostament ta’ responsabbiltà”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza ( 20 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li, filwaqt li jagħtu lis-SRB is-setgħa li jevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni humiex issodisfatti – u dik li jiddetermina l-istrumenti neċessarji għall-finijiet ta’ din l-iskema – dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill ir-responsabbiltà għall-evalwazzjoni finali tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li jaqgħu taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 21 ). |
|
38. |
L-ilment imqajjem minn ABLV Bank fit-tieni parti tal-ewwel aggravju huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li jtendi li jassimila żewġ xenarji totalment differenti. Fil-fatt, dan iwassal, essenzjalment, sabiex jiġi sostnut li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB dwar is-setgħa tas-SRB li jadotta skema ta’ riżoluzzjoni għandu japplika wkoll għas-setgħa tiegħu li jadotta deċiżjoni negattiva. Fl-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet fil-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan it-tip ta’ deċiżjonijiet, l-għoti lis-SRB tas-setgħa li jadotta tali deċiżjonijiet ikun għalhekk inkompatibbli mal-ġurisprudenza fil-qasam tad-delega ta’ setgħat lill-aġenziji ( 22 ). |
|
39. |
Is-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet negattivi fir-rigward tal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, inkwistjoni fil-kawża ineżami, hija madankollu ferm differenti mis-setgħa eżerċitata fil-każ invers tal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, inkwistjoni fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB. |
|
40. |
Meta jadotta deċiżjoni negattiva, is-SRB jiddeċiedi li l-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, li jiġġustifikaw l-eżerċizzju mill-Unjoni tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni tagħha ma jkunux issodisfatti. Deċiżjoni negattiva twassal għall-għeluq tal-proċess tar-riżoluzzjoni fil-livell tal-Unjoni. Il-miżuri eventwali jittieħdu, fejn xieraq, fil-livell nazzjonali, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
|
41. |
Deċiżjoni negattiva tikkostitwixxi għalhekk deċiżjoni li ma jiġux eżerċitati s-setgħat li jaqgħu taħt il-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, deċiżjoni (pożittiva) ta’ adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni timplika l-bidu tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni vera u proprja u l-eżerċizzju sħiħ tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni li jaqgħu taħt il-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni, li huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jwettqu ( 23 ). |
|
42. |
F’dan il-kuntest, anki l-portata tal-evalwazzjonijiet li s-SRB huwa obbligat iwettaq għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva hija ħafna iktar limitata. Fil-każ tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva, l-evalwazzjonijiet li għandhom jitwettqu mis-SRB sempliċement jistabbilixxu li t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRB ma humiex issodisfatti. Min-naħa l-oħra, dawn ma jestendux, bħal fil-każ tal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, għad-determinazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni jew għall-ħtieġa tal-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 18(6)(c) tar-Regolament SRM. |
|
43. |
Fir-rigward tan-natura tal-evalwazzjoni tal-issodisfar tat-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-SRB għandu setgħa diskrezzjonali ( 24 ) u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-analiżi twassalx għal deċiżjoni pożittiva jew negattiva ( 25 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li din is-setgħa hija rregolata, skont l-Artikolu 18(1), (4) u (5) tar-Regolament SRM, minn kriterji u kundizzjonijiet oġġettivi li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni tas-SRB ( 26 ). |
|
44. |
L-evalwazzjoni dwar jekk it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRB humiex issodisfatti tippreżupponi għażliet ta’ natura teknika u evalwazzjonijiet kumplessi ( 27 ) ta’ natura teknika u ta’ natura ekonomika/prudenzjali ( 28 ). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija evalwazzjoni ma timplikax għażla ta’ natura “politika” fdata esklużivament lill-korpi politiċi tal-Unjoni. |
|
45. |
Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, is-SRB jeżerċita għalhekk “diskrezzjoni teknika” u mhux “diskrezzjoni politika” ( 29 ). |
|
46. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva, id-delega ta’ setgħat lis-SRB, sa fejn hija limitata għas-setgħa li jiġi ddeterminat, fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura essenzjalment teknika, l-assenza ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-miżura ta’ riżoluzzjoni mill-Unjoni, għandha portata ħafna iktar limitata milli fil-każ tal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Id-delega u d-diskrezzjoni eżerċitata li tirriżulta għandhom portata differenti minn dik tal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni: peress li ma humiex eżerċizzju ta’ diskrezzjoni politika, ma hijiex neċessarja li jipparteċipaw l-istituzzjonijiet “politiċi” fl-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet negattivi. |
|
47. |
Barra minn hekk, ir-raġunijiet, indikati fil-premessi 24 u 26 tar-Regolament SRM, li fuqhom hija bbażata n-neċessità tal-intervent tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-każ ta’ adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni ma jiġġustifikawx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva. |
|
48. |
B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva, fl-assenza ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni min-naħa tal-Unjoni, lanqas ma jista’ jkun hemm stħarriġ tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ( 30 ). |
|
49. |
Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kunsill, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, peress li l-Fond ma jintużax, ma huwiex meħtieġ li jiġi mistħarreġ l-ammont ta’ riżorsi li għandhom jintużaw, u lanqas l-eżerċizzju ta’ stħarriġ fuq l-impatt li r-riżoluzzjoni jkollha fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u tal-Unjoni kollha kemm hi, kif ukoll fuq is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri. Fl-assenza ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni, l-ibbilanċjar tad-diversi għanijiet u interessi inkwistjoni jsir għalhekk, jekk ikun il-każ, fuq livell nazzjonali, kif previst mis-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi prevista mir-Regolament. |
|
50. |
Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għoti lis-SRB tas-setgħa li jadotta deċiżjonijiet negattivi dwar l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM ma jiddelegax lis-SRB is-setgħa li jadotta att dwar il-politika ekonomika, espressjoni tal-Unjoni, iżda biss setgħa li jesprimi evalwazzjonijiet li huma l-espressjoni ta’ marġni ta’ diskrezzjoni teknika; għaldaqstant, dan ma jwassalx għal “spostament reali ta’ responsabbiltà” inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-delega ta’ setgħat lill-aġenziji li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. |
|
51. |
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, anki t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. |
c) Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju dwar l-ilmenti l-oħra
|
52. |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ABLV Bank tqajjem sensiela ta’ lmenti oħra kontra l-punti 73 sa 86 tas-sentenza appellata. |
|
53. |
Fl-ewwel lok, ABLV Bank issostni li l-prassi sussegwenti segwita mis-SRB turi li huwa stess ma jaqbilx mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM adottata mill-Qorti Ġenerali. |
|
54. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa qabelxejn inammissibbli, għaliex bl-ebda mod ma jidentifika l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata li huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi ( 31 ). Fi kwalunkwe każ, fuq il-mertu, huwa wkoll ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li s-SRB biddel il-prattika tiegħu, xi ħaġa kkontestata mis-SRB innifsu, tali emenda tkun irrilevanti għall-finijiet tal-kawża ineżami, peress li ma għandha ebda effett fuq il-legalità tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM adottata mill-Qorti Ġenerali. |
|
55. |
Fit-tieni lok, ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddetermina korrettament l-effetti legali tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Dawn id-deċiżjonijiet, li jinkludu determinazzjonijiet vinkolanti għal tnejn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, biddlu s-sitwazzjoni legali ta’ ABLV Bank f’sens negattiv, mingħajr madankollu ma wasslu għal stralċ dirett tagħha. Il-Qorti Ġenerali kellha tifhem in-natura ta’ dawn id-deċiżjonijiet u l-effetti legali tagħhom qabel ma analizzat il-legalità tagħhom. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-SRB jista’ jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni mingħajr madankollu ma jispeċifika t-tip ta’ istruzzjonijiet. |
|
56. |
Għandi dubji serji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment ukoll. Fil-fatt, anki fil-kawża ineżami, ABLV Bank ma tidentifikax il-partijiet ikkontestati tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, dan l-ilment lanqas ma huwa fondat. Fil-punti 34 u 49 tas-sentenza appellata il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet espressament li d-deċiżjoni kontenzjuża tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ ABLV Bank. Din hija r-raġuni għaliex dan il-bank huwa direttament ikkonċernat fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni u għandu, għalhekk, locus standi sabiex jikkontestaha, minkejja li ma huwiex id-destinatarju tagħha. Il-Qorti Ġenerali għalhekk analizzat u fehmet in-natura tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-effetti legali tagħhom. Barra minn hekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li s-SRB jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali. |
|
57. |
Fit-tielet lok, ABLV Bank issostni li, billi naqset milli tirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jimponu l-istralċ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tagħhom. Minn naħa, il-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni li jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet u ma tħalli ebda dubju dwar in-neċessità tal-istralċ. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat assimilat il-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ma’ dokument materjali speċifiku. Dan il-kunċett jikkonċerna l-kontenut tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Għalhekk, fid-dawl tal-istqarrija għall-istampa maħruġa mis-SRB fl‑24 ta’ Frar 2018 ( 32 ), il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu imponew l-istralċ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg. |
|
58. |
F’dan ir-rigward, l-argumenti dwar l-allegata impożizzjoni tal-istralċ fid-deċiżjonijiet kontenzjużi ma humiex fondati. Fil-fatt, kif jirriżulta espliċitament mis-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Bernis et vs SRB (C‑364/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:115) li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma imopnewx l-istralċ taż-żewġ enitajiet inkwistjoni ( 33 ). Barra minn hekk, kif irrilevat mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, jirriżulta mill-punt 49 tas-sentenza ABLV Bank li l-istralċ ta’ dan il-bank irriżultat minn deċiżjoni adottata mill-azzjonisti ta’ din is-soċjetà. |
|
59. |
L-argumenti dwar l-istqarrija għall-istampa maħruġa mis-SRB fl‑24 ta’ Frar 2018 huma wkoll infondati. Anki jekk jiġi aċċettat li teżisti inkoerenza bejn il-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-istqarrija għall-istampa, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li att ta’ informazzjoni bħal stqarrija għall-istampa ma jistax ibiddel il-kontenut ta’ deċiżjoni formali. |
|
60. |
Fir-raba’ lok, ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali impliċitament żnaturat il-kunċett ta’ “destinatarju” ta’ att fis-sens tal-Artikoli 263 u 297(2) TFUE. Hija kellha tikkunsidra li d-destinatarju ta’ att jindika l-persuna li s-sitwazzjoni legali tagħha tkun inbidlet u mhux l-awtorità responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu. Minn dan isegwi li ABLV Bank u ABLV Bank Luxembourg kellhom jitqiesu bħala d-destinatarji tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
61. |
Din il-kritika hija infondata. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ destinatarju tal-att fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem formalment, bħala li jirreferi għall-persuna indikata fl-att bħala d-destinatarja tiegħu. Il-fatt li persuna li ma hijiex id-destinatarju formali ta’ att tista’ tiġi affettwata mill-kontenut tiegħu jista’ ċertament joħloq locus standi fil-konfront tagħha, iżda ma jagħtihiex il-kwalità ta’ destinatarja tal-att inkwistjoni ( 34 ). |
|
62. |
Fil-ħames lok, id-deċiżjonijiet kontenzjużi huma vvizzjati b’difetti proċedurali serji, li kellhom jitqajmu ex officio. Id-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl ta’ ABLV Bank ma ġewx osservati fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma ġietx ikkomunikata b’mod korrett lil ABLV Bank u ma ġiet prodotta ebda motivazzjoni. |
|
63. |
Fil-fehma tiegħi, l-ilmenti dwar l-allegati difetti proċedurali huma wkoll inammissibbli. ABLV Bank bl-ebda mod ma tindika mill-ġdid l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwa bbażat fuq ebda argument. |
|
64. |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
2. Fuq it-tieni aggravju
|
65. |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ABLV Bank tikkontesta l-parti tas-sentenza appellata ( 35 ) li fiha l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi tiegħu relatati mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ riskju ta’ falliment fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM. Is-SRB u l-BĊE jikkontestaw l-ilmenti kollha mqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju. |
|
66. |
Preliminarjament, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tas-SRB li tgħid li dan l-aggravju huwa inammissibbli fl-intier tiegħu. Fil-fatt, huwa minnu li, f’ċerti punti, l-espożizzjoni tal-argumenti ta’ ABLV Bank ma hijiex ċara. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-appell jippermetti li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata u li jinftiehmu l-argumenti ta’ ABLV Bank, li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. |
a) Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju
|
67. |
ABLV Bank issostni li, fil-punti 90 sa 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali adottat kunċett eċċessivament restrittiv tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu fuq l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ falliment jew ta’ riskju ta’ falliment, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM. Il-Qorti Ġenerali għalhekk kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti EDB. Hija kkunsidrat b’mod żbaljat li dan l-istħarriġ għandu jkun iktar limitat minn dak imwettaq mill-qrati nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza. |
|
68. |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, sabiex jevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM humiex issodisfatti, is-SRB għandu setgħa diskrezzjonali. B’mod iktar speċifiku, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ falliment ta’ risku ta’ falliment fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, is-SRB huwa mitlub jagħmel għażliet ta’ natura teknika u jwettaq previżjonijiet u evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. |
|
69. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq il-fondatezza tar-raġunijiet għal deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – li jinkludi l-analiżi rigward l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ falliment jew ta’ riskju ta’ falliment – ma għandux iwassalha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-SRB bl-evalwazzjoni tagħha, iżda huwa intiż li jivverifika li din id-deċiżjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti sostantivament ineżatti u li ma tkunx ivvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter ( 36 ). |
|
70. |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fis-sentenza appellata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-qrati tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ falliment jew ta’ riskju ta’ falliment. |
|
71. |
F’dan ir-rigward, nirrileva madankollu li proprju minħabba r-rikonoxximent tas-setgħa diskrezzjonali teknika li għandu s-SRB fid-determinazzjoni tal-eżistenza tal-kriterji tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, stħarriġ ġudizzjarju rigoruż, anki jekk fil-limiti indikati iktar ’il fuq, għandu importanza partikolari ( 37 ). |
|
72. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-preżenza tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali teknika, hija ta’ importanza fundamentali l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li fosthom hemm l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jeżaminaw, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni suġġetta għall-evalwazzjoni. F’tali sitwazzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom ( 38 ). |
|
73. |
B’mod speċifiku, in-natura kumplessa tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi mwettqa mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex twaqqaf lill-qrati milli jeżaminaw jekk l-evidenza invokata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni hijiex preċiża, affidabbli u kkonsistenti, jekk fihiex l-informazzjoni rilevanti li għandha titqies sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk hijiex kapaċi tikkonferma l-konklużjonijiet misluta minnha ( 39 ). Is-SRB għalhekk huwa obbligat jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-bażi ta’ elementi solidi, preċiżi, affidabbli u koerenti, kif ukoll biex jimmotiva b’mod sħiħ id-deċiżjoni tiegħu b’mod li juri l-mogħdijiet loġiċi differenti li hija bbażata fuqhom ( 40 ). Dawn l-elementi u l-motivazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ rigoruż mill-qorti tal-Unjoni. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li r-Regolament SRM ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġu appellati d-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 18 tar-Regolament SRM quddiem il-Bord tal-Appell stabbilit skont l-Artikolu 85 ta’ dan ir-regolament ( 41 ). |
b) Fuq l-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju
|
74. |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju, ABLV Bank tqajjem sensiela ta’ lmenti oħra kontra l-punti 97 sa 146 tas-sentenza appellata. |
|
75. |
Fl-ewwel lok, ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-proċess billi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża dwar ABLV Bank kienet tinkludi evalwazzjoni impliċita tal-falliment jew tar-riskju ta’ falliment ta’ dan il-bank mis-SRB, filwaqt li dan tal-aħħar kien indika, fir-risposta tiegħu, li l-BĊE kien wettaq din l-evalwazzjoni waħdu u li s-SRB kien ġie kkonsultat biss. |
|
76. |
Dan l-ilment huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tal-punti 103 sa 108 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatat l-eżistenza ta’ ebda evalwazzjoni impliċita. Hija llimitat ruħha li tikkonstata mingħajr żball li, skont il-ġurisprudenza, is-SRB seta’ jagħmel tiegħu u jibbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM hijiex issodisfatta. |
|
77. |
Fit-tieni lok, ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti b’ommissjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) tad‑9 ta’ Marzu 2018 kif ukoll avvenimenti sussegwenti oħra li kkontestaw l-evalwazzjonijiet tas-SRB li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
78. |
F’dan ir-rigward, is-sentenza tal-qorti Lussemburgiża hija manifestament irrilevanti f’dan il-kuntest, peress li ma tikkonċernax lil ABLV Bank, iżda lil ABLV Bank Luxembourg li għaliha r-rikors ta’ ABLV Bank ġie ddikjarat inammissibbli. Fir-rigward tar-riferiment għall-elementi l-oħra sussegwenti, qabelxejn, ABLV Bank bl-ebda mod ma tikkontesta r-raġunament li jinsab fil-punti 97 sa 99 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument dwar avvenimenti sussegwenti li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fil-qasam tal-likwidità ta’ ABLV Bank. Fi kwalunkwe każ, ir-riferiment fl-appell għal dawn l-avvenimenti sussegwenti ma huwa sostnut minn ebda prova. |
|
79. |
Fit-tielet lok, ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx b’mod xieraq għal ċerti argumenti mressqa fl-ewwel istanza. ABLV Bank tirreferi għall-elementi segwenti: il-moratorju, il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tad-depożiti u t-talba għall-konverżjoni tal-likwidità Euroclear tagħha fi flus fil-Bank Ċentrali tal-Latvja. |
|
80. |
F’dan ir-rigward, fil-każ li dan l-ilment għandu jinftiehem bħala li jikkontesta fil-mertu l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar dawn l-elementi, huwa manifestament inammissibbli sa fejn ABLV Bank bl-ebda mod ma tindika b’liema żbalji s-sentenza appellata hija vvizzjata. Sa fejn dan l-ilment għandu jinftiehem fis-sens li ABLV Bank tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sentenza appellata fir-rigward tal-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, dan ma huwiex fondat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għal dawn l-argumenti fil-punti 125 sa 144 tas-sentenza appellata. |
|
81. |
Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, ABLV Bank issostni li s-sentenza appellata hija bbażata fuq perċezzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ likwidità tal-banek, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li s-sistema ta’ likwidità prevista mid-dritt tal-Unjoni tiġi żnaturata jekk jiġu imposti rekwiżiti ta’ likwidità addizzjonali fuq istituzzjoni ta’ kreditu f’każ ta’ kriżi. |
|
82. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li, sabiex issostni l-argument tagħha dwar il-kunċett ta’ “likwidità”, ABLV Bank sempliċement issostni li r-riżervi ta’ likwidità jinħolqu fi żmien xieraq u jintużaw u jitnaqqsu deliberatament f’xenarju ta’ kriżi. Madankollu, hija bl-ebda mod ma tikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 111 sa 115 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ likwidità addizzjonali ma hija sostnuta minn ebda element. |
|
83. |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud ukoll. |
3. Fuq it-tielet aggravju
|
84. |
Permezz tat-tielet aggravju, ABLV Bank issostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat u/jew żnaturat jew ittrattat b’mod mhux xieraq diversi argumenti mqajma fl-ewwel istanza. ABLV Bank tirreferi: fl-ewwel lok, għall-argument tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza mill-BĊE u mis-SRB tal-kompetenza tal-awtoritajiet Latvjani fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-eżistenza ta’ deċiżjoni f’dan ir-rigward; fit-tieni lok, għall-argument ibbażat fuq il-parir tal-Financial Crime Enforcement Network (FinCEN) Amerikan, li kkostitwixxa tentattiv ta’ pajjiż terz li jeżerċita pressjoni fuq ir-Repubblika tal-Latvja sabiex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni tagħha; fit-tielet lok, għall-argument ibbażat fuq dubji dwar l-imparzjalità tas-SRB u tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti diversi provi prodotti minn ABLV Bank. |
|
85. |
F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-ewwel żewġ argumenti, jirriżulta mill-ġurisprudenza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kawżi tal-falliment jew tar-riskju ta’ falliment ta’ bank skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM ma hijiex prevista minn din id-dispożizzjoni u hija anki inkompatibbli mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament ( 42 ). Minn dan isegwi li, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad mingħajr żball l-argumenti kollha relatati ma’ dawn il-kawżi, inklużi dawn iż-żewġ argumenti, billi qisithom irrilevanti għall-fini tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża rigward ABLV Bank. |
|
86. |
Fir-rigward tat-tielet argument, sa fejn għandu jinftiehem fis-sens li ABLV Bank għandha l-intenzjoni tikkontesta l-ksur tad-dritt tagħha li l-kwistjonijiet tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mis-SRB, imqajjem fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali wieġbet fil-punti 179 sa 186 tas-sentenza appellata. ABLV Bank ma tistax għalhekk issostni li l-Qorti Ġenerali injorat dan l-argument. Barra minn hekk, fl-appell tagħha, hija bl-ebda mod ma tikkontesta r-raġunament li jinsab f’din il-parti tas-sentenza appellata. |
|
87. |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti dwar l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 43 ). Dawn l-argumenti huma għalhekk inammissibbli. |
|
88. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud ukoll. |
4. Fuq ir-raba’ aggravju
|
89. |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ABLV Bank issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ċertu numru ta’ żbalji fl-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni dwar ABLV Bank Luxembourg. |
|
90. |
Fl-ewwel lok, id-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jiġu interpretati skont l-istqarrija għall-istampa maħruġa mis-SRB fl‑24 ta’ Frar 2018. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tagħhom billi ċaħdet li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jimponu l-istralċ ta’ ABLV Bank u ta’ ABLV Bank Luxembourg. Fit-tielet lok, filwaqt li tirreferi għal deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni adottati mis-SRB fir-rigward ta’ entitajiet oħra, ABLV Bank issostni li deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tista’ tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti. Minn dan hija tiddeduċi li l-istess japplika fir-rigward ta’ deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni. |
|
91. |
F’dan ir-rigward, inqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 40 sa 45 tas-sentenza appellata ma fihx żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza ( 44 ) billi qieset li ABLV Bank, bħala azzjonista ta’ ABLV Bank Luxembourg, ma kinitx direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża dwar din tal-aħħar peress li d-dritt tagħha li tirċievi dividendi u li tipparteċipa fil-ġestjoni ta’ ABLV Bank Luxembourg ma kienx ġie ppreġudikat mid-deċiżjoni li din l-entità ma tiġix suġġetta għal riżoluzzjoni. |
|
92. |
L-argumenti mressqa minn ABLV Bank ma jikkontestawx din il-konstatazzjoni. L-ewwel u t-tieni argumenti msemmija fil-punt 90 supra diġà ġew miċħuda fil-punti 58 u 59 preċedenti. It-tielet argument dwar deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni adottati mis-SRB fir-rigward ta’ entitajiet oħra għandu wkoll jiġi miċħud peress li dawn id-deċiżjonijiet huma irrilevanti sabiex jiġi stabbilit l-interess dirett ta’ ABLV Bank fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar is-sussidjarja tagħha. |
|
93. |
Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud u li, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
III. Fuq l-ispejjeż
|
94. |
Peress li ABLV Bank tilfet l-appell tagħha u kemm is-SRB kif ukoll il-BĊE talbu dan, inqis li ABLV Bank għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu. |
IV. Konklużjoni
|
95. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Is-SRM ġie stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”)
( 3 ) Rispettivament, id-deċiżjonijiet SRB/EES/2018/09 u SRB/EES/2018/10 tat‑23 ta’ Frar 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).
( 4 ) Għal spjegazzjoni iktar dettaljata tal-kuntest fattwali tal-kawża ineżami, nirreferi għall-punti 2 sa 20 tas-sentenza appellata.
( 5 ) Skont l-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 168(1)(d) u l-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, ex multis, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE (C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).
( 7 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB”, ara b’mod partikolari, punt 83).
( 8 ) Ara, ex multis., sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Communes de Schaerbeek et de Linkebeek (C‑627/23, EU:C:2025:9, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Jiġifieri l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-gruppi meqjusa bħala sinjifikattivi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni kif ukoll għal gruppi transkonfinali oħra. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB, punt 75.
( 10 ) Analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni turi li l-formulazzjoni użata bit-Taljan tintuża wkoll fil-parti l-kbira tal-lingwi l-oħra (pereżempju, bl-Ingliż “all decisions relating to resolution”, bil-Ġermaniż “alle Beschlüsse im Zusammenhang mit einer Abwicklung”, u bl-Ispanjol “todas las decisiones relacionadas con la resolución”). Formulazzjonijiet simili jinsabu fil-verżjoni Portugiża, Griega, Latvjana, Ungeriża, Rumena, Daniża, Svediża u Finlandiża, Bulgara. Verżjonijiet lingwistiċi oħra fihom formulazzjoni kemxejn differenti li tuża l-kliem “id-deċiżjonijiet kollha ta’ riżoluzzjoni” (pereżempju, il-verżjoni Franċiża “les décisions de résolution” u l-verżjoni Olandiża “alle afwikkelingsbesluiten”). Madankollu, din il-formulazzjoni, li barra minn hekk tidher li tintuża f’numru iżgħar ta’ verżjonijiet lingwistiċi, hija wkoll kompatibbli mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni proposta fil-punti segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) L-unika limitazzjoni hija l-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-Awtorità ta' Riżoluzzjoni Nazzjonali skont l-Artikolu 31(1) tal-istess regolament.
( 12 ) Kif ġie ġustament irrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 82 tas-sentenza appellata.
( 13 ) Il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank vs Il‑BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, iktar ’il quddiem is-“sentenza ABLV Bank”; ara, b’mod partikolari, il-punti 56 u 73).
( 14 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-premessi 1 u 120 tad-Direttiva 2014/59.
( 15 ) Dwar ir-rekwiżiti ta’ intervent rapidu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, ara l-premessi 10, 16, 26 u 31 tar-Regolament SRM u l-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2014/59
( 16 ) Ara wkoll is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u Is‑SRB (C‑535/22 P, EU:C:2024:819, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aeris Invest”, punt 164), u García Fernández et vs Il‑Kummissjoni u Is‑SRB (C‑541/22 P, EU:C:2024:820, iktar ’il quddiem is-“sentenza García Fernández”, punt 190).
( 17 ) Il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat dan fil-punt 84 tas-sentenza appellata. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-pożizzjoni sostnuta minn ABLV Bank li, meta s-SRB jasal għall-konklużjoni li miżura ta’ riżoluzzjoni ma hijiex neċessarja fl-interess pubbliku, huwa għandu jastjeni tout court milli jadotta deċiżjoni, ma tistax tintlaqa’.
( 18 ) Ara l-Artikolu 18(1), (6) u (7) tar-Regolament SRM. Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB, punt 94.
( 19 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).
( 20 ) Ara s-sentenzi Meroni vs L‑Awtorità Għolja, punt 41, tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, iktar ’il quddiem is-“sentenza ESMA”, punt 42) u Il‑Kummissjoni vs SRB, punt 71.
( 21 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB, punt 81.
( 22 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li, fl-appell tagħha, ABLV Bank sempliċement tikkontesta l-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali ma’ din il-ġurisprudenza mingħajr ma tqajjem espressament eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra ebda dispożizzjoni tar-Regolament SRM.
( 23 ) Premessa 24 tar-Regolament SRM u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB, punt 69.
( 24 ) Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs SRB, punti 75 u 77 u Aeris punt 266.
( 25 ) Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-argument imqajjem waqt is-seduta mis-SRB li, jekk jieħu deċiżjoni negattiva dwar il-kriterji tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM, kuntrarjament għall-każ tad-deċiżjoni pożittiva, huwa ma jkollu l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-argument tas-SRB ma jistax jiġi difiż loġikament. Fil-fatt, ma huwiex loġikament konċepibbli li s-setgħa li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ċerti kundizzjonijiet tvarja, f’dak li jirrigwarda s-setgħa diskrezzjonali eżerċitata, skont ir-riżultat (pożittiv jew negattiv) tal-analiżi. L-element tal-marġni ta’ diskrezzjoni jikkonċerna l-analiżi nnifisha u ma jistax jiddependi mir-riżultat tagħha.
( 26 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB, punt 77.
( 27 ) Sentenzi Aeris Invest, punt 266, u ss García Fernández, punt 275. Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000).
( 28 ) Fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma evalwazzjonijiet fattwali kumplessi paragunabbli ma’ dawk magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ESMA. Ara, b’mod partikolari, il-punt 52 ta’ din is-sentenza. L-analiżi tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet tippreżupponi evalwazzjonijiet purament tekniċi. It-tielet kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-interess pubbliku teħtieġ evalwazzjonijiet diskrezzjonali ta’ portata ġenerali dwar it-twettiq tal-għanijiet tar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM. B’mod partikolari, l-analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ riżoluzzjoni mat-twettiq ta’ wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet timplika marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv. Madankollu, waqt l-eżami ta’ din il-kundizzjoni, filwaqt li huwa obbligat iwettaq analiżijiet prospettivi bbażati fuq ġudizzji ta’ valur u previżjonijiet spekulattivi, is-SRB dejjem iwettaq evalwazzjonijiet ibbażati fuq kriterji ta’ natura teknika. Is-SRB ma għandux il-possibbiltà li jiddeċiedi fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi li jmorru lil hinn mid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dawn il-kriterji tekniċi.
( 29 ) Dwar id-distinzjoni bejn dawn il-kategoriji ta’ setgħa diskrezzjonali, ara, qabelxejn, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża Rica Foods vs Il‑Kummissjoni (C‑40/03 P, EU:C:2005:93, punt 46). F’dan ir-rigward, ara wkoll, iktar reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Il‑BĊE vs Crédit Lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2022:844).
( 30 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li r-Regolament SRM jipprevedi involviment tal-Kummissjoni fix-xogħol tas-SRB, u għalhekk ukoll fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet negattivi bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi (ara l-Artikolu 43(3) tar-Regolament SRM u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs SRB, punt 78).
( 31 ) Ara, ex multis, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA (C‑419/17 P, EU:C:2019:52, punti 93 u 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara l-punt 17 tas-sentenza appellata.
( 33 ) Ara l-punti 50 et seq. ta’ din is-sentenza.
( 34 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, SACBO vs Il‑Kummissjoni u INEA (C‑281/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:46, punt 34).
( 35 ) Punti 90 sa 146 tas-sentenza appellata.
( 36 ) Ara s-sentenzi Aeris Invest, punt 266, u García Fernández, punt 275 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Roemer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9-56, ECLI:EU:C:1958:4, p. 108).
( 38 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Il‑BĊE vs Crédit Lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 89 tad-Direttiva 2014/59.
( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2004:318, punti 87 u 88).
( 41 ) Ara, inter alia, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għar-rikorsi fil-Kawżi 3/17, 7/17, 27/17, 28/17 u 5/22. Dwar ir-rekwiżiti ta’ stħarriġ rigoruż tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika, ara, b’analoġija, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind (C‑46/21 P, EU:C:2023:182, punti 53 sa 75) dwar l-intensità tal-istħarriġ tal-Kummissjoni tar-rikorsi tal-ACER. Fl-assenza ta’ stħarriġ minn Bord tal-Appell, dawn ir-rekwiżiti jaffettwaw l-istħarriġ ġudizzjarju.
( 42 ) Sentenza Aeris Invest, punti 163 u 164.
( 43 ) Sentenza García Fernández, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 44 ) Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 110 u 111). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Bernis et vs SRB (C‑364/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:115, punti 69 u 80).