12004V/PRO/04

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 4.Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0225 - 0246


4. PROTOKOLL DWAR L-ISTATUT TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BIX-XEWQA li jistabbilixxu l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew kif previst fl-Artikoli I-30 u III-187(2), tal-Kostituzzjoni,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

KAPITOLU I

IS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 1

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali

1. Skond l-Artikolu I-30(1) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Il-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkostitwixxu l-Ewrosistema.

2. Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom iwettqu dmirijiethom u jwettqu l-attivitajiet tagħhom skond il-Kostituzzjoni u ta' dan l-Istatut.

KAPITOLU II

MIRI U KOMPITI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 2

Miri

Skond l-Artikoli I-30(2) u III-185(1) tal-Kostituzzjoni, l-mira primarja tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun li tinżamm l-istabbilità tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal din il-mira, huma għandhom jagħtu s-sostenn tagħhom lill-politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ta' l-Unjoni kif previst fl-Artikolu I-3 tal-Kostituzzjoni. Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha taġixxi skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, li tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, u bi qbil mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu III-177 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 3

Kompiti

1. Skond l-Artikolu III-185(2) tal-Kostituzzjoni, l-kompiti fundamentali li għandhom jitwettqu permezz tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali huma:

a) li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja ta' l-Unjoni;

b) li jitwettqu operazzjonijiet ta' kambju konsistenti ma' l-Artikolu III-326 tal-Kostituzzjoni;

ċ) li jinżammu u jiġu amministrati r-riżervi uffiċjali barranin ta' l-Istati Membri;

d) li tiġi promossa l-operazzjoni bla xkiel ta' sistemi ta' pagament.

2. Skond l-Artikolu III-185(3) tal-Kostituzzjoni, l-paragrafu 1(ċ) ta' dan l-Artikolu ma jippreġudikax id-dritt tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li jżommu u jamministraw bilanċi operattivi fil-kambju internazzjonali.

3. Skond l-Artikolu III-185(5) tal-Kostituzzjoni, s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija tajba ta' linji politiċi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti f'dak li jirrigwarda is-sorveljanza prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.

Artikolu 4

Funzjonijiet konsultattivi

Skond l-Artikolu III-185(4) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat:

a) dwar kull att ta' l-Unjoni propost fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu;

b) mill-awtoritajiet nazzjonali dwar kull disposizzjoni leġislattiva abbozzata fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu, imma fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jissottometti opinjonijiet lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-aġenziji ta' l-Unjoni jew lil awtoritajiet nazzjonali dwar materji fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Artikolu 5

Ġbir ta' informazzjoni statistika

1. Sabiex iwettaq il-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, l-Bank Ċentrali Ewropew, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali, għandu jiġbor l-informazzjoni statistika meħtieġa jew mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand operaturi ekonomiċi. Għal dawn il-finijiet għandu jikkopera ma' l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni, u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

2. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom iwettqu, sa fejn ikunu jistgħu, l-kompiti previsti fil-paragrafu 1.

3. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jippromwovi l-armonizzazzjoni, fejn ikun meħtieġ, tan-normi u l-prattiċi li jirregolaw il-ġabra, l-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-istatistika fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

4. Il-Kunsill, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 41, għandu jiddefinixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom l-obbligu li jirrapportaw, ir-regoli ta' kunfidenzjalità u d-disposizzjonijiet adattati biex jinforza l-eżekuzzjoni.

Artikolu 6

Koperazzjoni internazzjonali

1. Fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali li tinvolvi l-kompiti fdati f'idejn is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiddeciedi kif is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun irrappreżentata.

2. Il-Bank Ċentrali Ewropew u, bl-approvazzjoni tiegħu, l-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jipparteċipaw f'istituzzjonijiet monetarji internazzjonali.

3. Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-196 tal-Kostituzzjoni.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 7

Indipendenza

Skond l-Artikolu III-188 tal-Kostituzzjoni, meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet fdati f'idejhom mill-Kostituzzjoni u minn dan l-Istatut, la l-Bank Ċentrali Ewropew, la xi bank ċentrali nazzjonali, u lanqas xi membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma għandu jfittex jew jaċċetta struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji ta' l-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tad-dmirijiet tagħħom.

Artikolu 8

Prinċipju ġenerali

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tkun iggvernata mill-organi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 9

Il-Bank Ċentrali Ewropew

1. Il-Bank Ċentrali Ewropew, li skond l-Artikolu I-30(3) tal-Kostituzzjoni għandu personalità ġuridika, jgawdi, f'kull wieħed mill-Istati Membri, l-kapaċità ġuridika l-iktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

2. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jassigura li l-kompiti mogħtija lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali taħt l-Artikolu III-185(2), (3) u (5) tal-Kostituzzjoni jiġu implimentati jew minnu stess skond dan l-Istatut jew mill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 14.

3. Skond l-Artikolu III-187(1) tal-Kostituzzjoni, l-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 10

Il-Kunsill Regolatorju

1. Skond l-Artikolu III-382(1) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Regolatorju għandu jkun kompost mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri mingħajr deroga kif previst fl-Artikolu III-197 tal-Kostituzzjoni.

2. Kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed. Mid-data meta n-numru tal-membri tal-Kunsill Regolatorju jaqbeż il-21, kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jkollu vot wieħed u n-numru ta' gvernaturi bid-dritt tal-vot ikun 15. Dan id-dritt tal-vot għandu jiġi mogħti u jgħaddi b'rotazzjoni kif ġej:

a) mid-data meta n-numru ta' gvernaturi jaqbeż il-15, sa ma jilħaq it-22, il-gvernaturi għandhom jiġu mdaħħla f'żewġ gruppi, skond il-grad tad-daqs tas-sehem ta' l-Istat Membru tal-bank ċentrali nazzjonali fil-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq u fil-karta tal-bilanċ totali ta' l-istituti finanzjarji monetarji ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ishma fil-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq u fil-karta tal-bilanċ totali ta' l-istituti finanzjarji monetarji għandhom jingħataw il-piż ta' 5/6 u 1/6 rispettivament. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u t-tieni grupp mill-gvernaturi l-oħra. Il-frekwenza tad-dritt tal-vot tal-gvernaturi allokati għall-ewwel grupp m'għandhiex tkun inqas mill-frekwenza tad-dritt tal-vot ta' dawk tat-tieni grupp. Bla ħsara għas-sentenza ta' qabel din, l-ewwel grupp għandu jiġi assenjat erba' voti u t-tieni grupp ħdax-il vot;

b) mid-data meta n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom jiġu allokati għal tliet gruppi skond il-grad bażat fuq il-kriterji stabbiliti fil-punt (a). L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u għandu jkollu erba' voti. It-tieni grupp għandu jkun kompost minn nofs it-total ta' gvernaturi, u kull frazzjoni għandha tiġi mqarrba ma' l-ogħla numru sħiħ li jmiss, u dan il-grupp għandu jkollu tmien voti. It-tielet grupp għandu jkun kompost mill-gvernaturi l-oħra u għandu jkollu tliet voti;

ċ) f'kull grupp, il-gvernaturi għandu jkollhom id-dritt tal-vot għall-istess tul ta' żmien;

d) għall-kalkolu ta' l-isħma fil-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq għandu japplika l-Artikolu 29(2). Il-karta tal-bilanċ totali ta' l-istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji għandha tiġi kkalkolata skond il-qafas statistiku applikat fl-Unjoni meta jsir il-kalkolu;

e) kull meta l-prodott gross domestiku totali bil-prezzijiet tas-suq jiġi aġġustat skond l-Artikolu 29(3), jew kull meta jiżdied in-numru tal-gvernaturi, d-daqs u/jew il-komposizzjoni tal-gruppi għandu jiġi aġġustat skond il-prinċipji stabbiliti f'dan il-paragrafu;

f) il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu, kemm dawk li għandhom kif ukoll dawk li m'għandhomx id-dritt tal-vot, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f'dan il-paragrafu u jista' jiddeċiedi li jiddifferixxi l-bidu tas-sistema tar-rotazzjoni sad-data meta n-numru tal-gvernaturi jaqbeż it-18.

Il-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat in persona. B'deroga minn din ir-regola, r-Regoli ta' Proċedura previsti fl-Artikolu 12(3) jistgħu jistabbilixxu li l-membri tal-Kunsill Regolatorju jistgħu jagħtu l-vot tagħhom permezz ta' telekonferenza. Dawn ir-regoli għandhom jipprovdu wkoll li membru tal-Kunsill Regolatorju li ma jkunx jista' jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju għal żmien twil ikun jista' jaħtar persuna oħra minfloku bħala membru tal-Kunsill Regolatorju.

Id-disposizzjonijiet tal-paragrafi (1) u (2) ta' qabel dan ma jippreġudikawx id-drittijiet tal-vot tal-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju, kemm dawk li għandhom kif ukoll dawk li m'għandhomx id-dritt tal-vot, taħt il-paragrafu 3, u l-Artikolu 40(2) u (3). Salv meta provdut mod ieħor f'dan l-Istatut, il-Kunsill Regolatorju għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President ikollu l-vot deċiżiv.

Biex jittieħed il-vot fil-Kunsill Regolatorju għandu jkun hemm quorum ta' żewġ terzi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk dan il-quorum ma jintlaħaqx, il-President jista' jlaqqa' seduta straordinarja li fiha jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet mingħajr il-ħtieġa ta' quorum.

3. Biex tittieħed kull deċiżjoni skond l-Artikoli 28, 29, 30, 32, 33 u 49, il-voti fil-Kunsill Regolatorju għandhom jiġu peżati skond kemm ikollhom ishma l-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-piż tal-voti tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun żero. Deċiżjoni li teħtieg maġġoranza kwalifikata għandha tiġi adottata jekk il-voti favur jirrappreżentaw mill-anqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew u jirrappreżentaw mill-anqas nofs l-azzjonisti. Jekk Gvernatur ma jkunx jista' jattendi, hu jista' jaħtar supplent biex jagħti l-vot peżat minfloku.

4. Il-proċeduri tal-laqgħat għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu.

5. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiltaqa' mill-anqas 10 darbiet fis-sena.

Artikolu 11

Il-Bord Eżekuttiv

1. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu III-382(2) tal-Kostituzzjoni, l-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President, il-Viċi-President u erba' membri oħra.

Il-membri għandhom jiddedikaw il-ħin tagħhom esklużivament għal dmirjiethom. L-ebda membru ma jista' jimpenja ruħu f'xi impjieg ieħor, sew bi ħlas sew bla ħlas, sakemm ma tkunx ingħatat eċċezzjonalment eżenzjoni mill-Kunsill Regolatorju.

2. Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-382(2) tal-Kostituzzjoni, l-President, il-Viċi-President u l-Membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Regolatorju, minn fost persuni ta' awtorità u ta' esperjenza professjonali rikonoxxuta f'materji monetarji jew bankarji.

Il-mandat tagħhom għandu jkun għal tmien snin u ma jistax jiġġedded.

Ċittadini ta' Stati Membri biss jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.

3. Il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, u b'mod partikolari s-salarji, l-pensjonijiet u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali tagħhom, għandhom isiru b'kuntratt mal-Bank Ċentrali Ewropew u għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju fuq proposta ta' Kumitat li jkun fih tliet membri maħtura mill-Kunsill Regolatorju u tliet membri maħtura mill-Kunsill. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv m' għandhomx id-dritt tal-vot fuq kwistjonijiet previsti f'dan il-paragrafu.

4. Jekk membru tal-Bord Eżekuttiv ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew ġieb ruħu ħażin b'mod serju, l-Qorti tal-Ġustizzja tista', wara rikors tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv, iġġiegħlu jirtira.

5. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv li jkun preżenti personalment għandu jkollu d-dritt tal-vot u jkollu għal dan l-iskop, vot wieħed. Salv kif provdut xort'oħra, l-Bord Eżekuttiv għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-voti. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv. L-arranġamenti għall-votazzjoni għandhom ikunu speċifikati fir-Regoli tal-Proċedura previsti fl-Artikolu 12(3).

6. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni kurrenti tal-Bank Ċentrali Ewropew.

7. Kull post vakanti fil-Bord Eżekuttiv għandu jimtela bil-ħatra ta' membru ġdid skond il-paragrafu 2.

Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-korpi deċiżjonali

1. Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta l-linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f'idejn is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut. Il-Kunsill Regolatorju għandu jifformula l-politika monetarja ta' l-Unjoni li tinkludi, kif xieraq, deċiżjonijiet marbutin ma' miri monetarji intermedji, rati indikattivi ta' imgħax u l-fornitura ta' riservi fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, u għandu jistabbilixxi l-linji gwida meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Bord Eżekuttiv għandu jimplimenta l-politika monetarja skond il-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. Waqt li jagħmel dan, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-banek ċentrali nazzjonali. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv jista' jkollu ċerti poteri delegati lilu meta l-Kunsill Regolatorju hekk jiddeċiedi.

Sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali biex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

2. Il-Bord Eżekuttiv għandu r-responsabbiltà li jipprepara laqgħat tal-Kunsill Regolatorju.

3. Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-korpi deċiżjonali tiegħu.

4. Il-Kunsill Regolatorju għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta' konsulenza previsti fl-Artikolu 4.

5. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 6.

Artikolu 13

Il-President

1. Il-President jew, fl-assenza tiegħu, l-Viċi-President għandu jippresiedi l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, il-President jew il-persuna nominata minnu, għandu jirrappreżenta lill-Bank Ċentrali Ewropew esternament.

Artikolu 14

Banek ċentrali nazzjonali

1. Skond l-Artikolu III-189 tal-Kostituzzjoni, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, jkunu kompatibbli mal-Kostituzzjoni u ma' dan l-Istatut.

2. L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b'mod partikolari, jipprovdu li l-mandat ta' Gvernatur ta' bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.

Gvernatur jista' biss jitneħħa mill-kariga tiegħu jekk ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella jekk ikun ġieb ruħu ħażin b'mod serju. Jista' jsir rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, għal ksur tal-Kostituzzjoni jew ta' xi regola tal-liġi marbuta ma' l-applikazzjoni tagħha. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu istitwiti fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta' dawn, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.

3. Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u għandhom jaġixxu skond il-linji gwida u l-istruzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura l-osservanza tal-linji gwida u l-istruzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew, u għandu jesiġi li jingħata kull informazzjoni meħtieġa.

4. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f'dan l-Istatut, kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li dawn ifixklu l-miri u l-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Dawn il-funzjonijiet għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà u għar-riskju tal-banek ċentrali nazzjonali u m'għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

Artikolu 15

Obbligu ta' preżentazzjoni ta' rapporti

1. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jfassal u jippubblika rapporti dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għall-inqas kull tliet xhur.

2. Dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali għandha tiġi ppubblikata kull ġimgħa.

3. Skond l-Artikolu III-383(3) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jibgħat rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u dwar il-politika monetarja kemm tas-sena preċedenti kif ukoll dik kurrenti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

4. Ir-rapporti u dikjarazzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet interessati mingħajr ħlas.

Artikolu 16

Karti tal-flus

Skond l-Artikolu III-186(1) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Regolatorju għandu jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Il Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti. Il-karti tal-flus maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu l-uniċi karti tal-flus bi status ta' valuta legali fi ħdan l-Unjoni.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jirrispetta kemm jista' jkun kull prattika eżistenti fejn għandhom x'jaqsmu l-ħruġ u d-disinn ta' karti tal-flus.

KAPITOLU IV

FUNZJONIJIET MONETARJI U OPERAZZJONIJIET TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 17

Kontijiet mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Banek Centrali Nazzjonali

Sabiex iwettqu l-operat tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiftħu kontijiet lil istituzzjonijiet ta' kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra fis-suq u jaċċettaw assi, inklużi titoli mniżżla fil-kotba bħala garanzija.

Artikolu 18

Suq miftuħ u Operazzjonijiet ta' kreditu

1. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u biex iwettqu l-kompiti tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

a) joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot u forward) jew taħt ftehim ta' rkupru u b'titoli ta' kreditu jew self, u li jkunu trasferibbli sew jekk fil-euro u sew f'muniti oħrajn, kif ukoll f'metalli prezzjużi;

b) imexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, meta is-self ikun ibbażat fuq garanziji adegwati.

2. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għal operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta' kreditu li jitwettqu minnu stess jew mill-banek ċentrali nazzjonali, inkluż il-mod kif jitħabbru l-kondizzjonijiet li taħthom dawn jkunu lesti li jidħlu f'negozji bħal dawn.

Artikolu 19

Riżervi minimi

1. Salv l-Artikolu 2, il-Bank Ċentrali Ewropew jista', biex jimxi mal-miri ta' linji politiċi monetarji, jeżiġi mingħand l-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri illi jkollhom minimu ta' riżerva fil-kontijiet tagħhom mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-banek ċentrali nazzjonali. Regoli dettaljati dwar il-metodi tal-kalkolu u d-determinazzjoni ta' l-ammont meħtieġ jistgħu jkunu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. F'każijiet ta' inadempjenza, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu l-jedd li jiġbor imgħax li jkun impost bħala piena u li jimponi sanzjonijiet oħra li jkollhom effett paragunabbli.

2. Biex jiġi applikat dan l-Artikolu, l-Kunsill għandu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-bażi għar-riżervi minimi u l-ogħla proporzjonijiet permissibbli bejn dawk ir-riżervi u l-bażi tagħhom, kif ukoll is-sanzjonijiet xierqa f'każijiet ta' inadempjenza.

Artikolu 20

Strumenti oħra ta' kontroll monetarju

Il-Kunsill Regolatorju jista', b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, jiddeċiedi fuq l-użu ta' metodi oħra ta' kontroll monetarju kif iqis xieraq, skond l-Artikolu 2.

Il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-limiti sa fejn dawk il-metodi jimponu obbligi fuq terzi.

Artikolu 21

Operazzjonijiet ma' entitajiet pubbliċi

1. Skond l-Artikolu III-181 tal-Kostituzzjoni, overdrafts jew tipi oħra ta' faċilità ta' kreditu mal-Bank Ċentrali Ewropew jew mal-banek ċentrali nazzjonali favur l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, korpi oħra rregolati bil-liġi amministrattiva, jew intrapriżi pubbliċi fi Stati Membri huma pprojbiti. Ix-xiri dirett ta' strumenti ta' kreditu mingħandhom mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali nazzjonali huwa wkoll pprojbit.

2. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmluha ta' aġenti fiskali għall-entitajiet previsti fil-paragrafu 1.

3. Il-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' proprjetà pubblika li, fil-kuntest tal-provvista ta' riżervi mill-banek ċentrali, għandhom jingħataw l-istess trattament mill-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew li jingħata lill-istituzzjonijiet ta' kreditu privati.

Artikolu 22

Sistemi ta' kumpensazzjoni u pagament

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek centrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-Bank Ċentrali Ewropew jista' jagħmel regolamenti, biex jiżgura li s-sistemi ta' kumpensazzjoni u pagament fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjizi oħra jkunu effiċjenti u sodi.

Artikolu 23

Operazzjonijiet esterni

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:

a) jistabbilixxu relazzjonijiet ma' banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi oħra u, fejn ikun xieraq, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

b) jakkwistaw u jbiegħu spot u forward kull tip ta' attiv ta' munita estera u metalli prezzjużi; il-frażi "attiv ta' munita estera" għandha tinkludi kull titolu u attiv ieħor fil-munita ta' kull pajjiż jew unitajiet ta' kontijiet u tkun xi tkun il-forma tagħhom;

ċ) jżommu in depożitu u jamministraw l-attiv previst f'dan l-Artikolu;

d) jagħmlu kull tip ta' transazzjoni bankarja f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi operazzjonijiet ta' self u prestiti.

Artikolu 24

Operazzjonijiet oħra

Minbarra l-operazzjonijiet li joriġinaw mill-kompiti tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jidħlu f'operazzjonijiet li jkollhom skopijiet amministrattivi għalihom jew għall-ħaddiema tagħhom.

KAPITOLU V

SORVELJANZA PRUDENZJALI

Artikolu 25

Sorveljanza prudenzjali

1. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' joffri parir lil u jiġi kkonsultat mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri dwar il-kamp ta' l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' atti li jorbtu legalment ta' l-Unjoni, li jirrigwardaw is-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

2. Skond kull liġi Ewropea adottata taħt l-Artikolu III-185(6) tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew jista' jwettaq kompiti speċifiċi dwar linji politiċi li jirrigwardaw s-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra, barra minn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 26

Kontabilità finanzjarja

1. Is-sena finanzjarja tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali tibda fl-ewwel jum ta' Jannar u tispiċċa fl-aħħar jum ta' Diċembru.

2. Il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jitlestew mill-Bord Eżekuttiv, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. Il-kontijiet għandhom jiġu approvati mill-Kunsill Regolatorju u għandhom wara dan jiġu ppubblikati.

3. Għall-finijiet analitiċi u operattivi, l-Bord Eżekuttiv għandu jlesti balance sheet ikkonsolidata tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, li tinkludi dak l-attiv u l-passiv tal-banek ċentrali nazzjonali li jaqgħu taħt is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

4. Sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, l-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi r-regoli neċessarji biex jiġu standardizzati l-kontijiet u r-rapporti ta' operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali.

Artikolu 27

Verifika

1. Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju u approvati mill-Kunsill. L-awdituri għandu jkollhom kull setgħa li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali u li jiksbu kull informazzjoni dwar it-transazzjonijiet tagħhom.

2. L-Artikolu III-384 tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw biss għal eżami ta' l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 28

Kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew

1. Il-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jkun ta' 5000 miljun euro. Il-kapital jista' jiżdied b'dawk l-ammonti li jistgħu jiġu stabbiliti b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Regolatorju waqt li jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata prevista fl-Artikolu 10(3), fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

2. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu l-uniċi sottoskriventi u detenturi tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew. Is-sottoskrizzjoni fil-kapital għandha ssir skond il-kjavi indikata fl-Artikolu 29.

3. Il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata skond l-Artikolu 10(3), għandu jiddeċiedi l-ammont tal-kapital li jiġi sottoskritt u l-modalità tal-ħlas.

4. Bla ħsara għall-paragrafu (5), l-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jistgħux jiġu trasferiti, mirhuna jew issekwestrati.

5. Jekk il-kjavi prevista fl-Artikolu 29 tiġi aġġustata, l-banek ċentrali nazzjonali għandhom jittrasferixxu bejniethom l-ishma mill-kapital sal-limitu meħtieġ biex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni ta' l-ishma tal-kapital tkun tikkorrispondi mal-kjavi aġġustata. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' dawk it-trasferimenti.

Artikolu 29

Kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital

1. Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew, iffissata għall-ewwel darba fl-1998 meta s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali ġiet stabbilita, għandha tiġi determinata billi kull bank ċentrali nazzjonali jingħata piż f'din il-kjavi ekwivalenti għas-somma ta':

- 50 % bħala s-sehem tal-popolazzjoni li kellu l-Istat Membru partikolari bħala parti mill-popolazzjoni ta' l-Unjoni fis-sena preċedenti għal dik meta ġiet stabbilita s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali;

- 50 % bħala s-sehem tal-prodott gross domestiku ta' l-Istat Membru partikolari bħala parti mill-prodott gross domestiku ta' l-Unjoni skond il-prezzijiet fis-suq kif kienu ġew reġistrati matul l-aħħar ħames snin li ppreċedew is-sena ta' qabel dik meta ġiet stabbilita s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

Il-perċentwali tiġi mqarrba mal-multiplu ta' 0.0001 % li jmiss 'l fuq jew l-isfel.

2. L-informazzjoni statistika li għandha tintuża fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni skond ir-regoli stabbiliti mill-Kunsill skond l-Artikolu 41.

3. Il-piżijiet assenjati lill-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu aġġustati kull ħames snin wara l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, b'analoġija mal-paragrafu 1. Il-kjavi kif aġġustata għandha tibda tapplika mill-ewwel ġurnata tas-sena ta' wara.

4. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu kull miżura oħra meħtieġa biex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 30

Trasferiment ta' attiv ta' riżervi barranin lill-Bank Ċentrali Ewropew

1. Salv l-Artikolu 28, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi pprovdut mill-banek ċentrali nazzjonali b'attiv ta' riżerva barranija, bl-esklużjoni ta' muniti ta' l-Istati Membri, tal-euro, tal-posizzjonijiet ta' riżerva fil-Fond Monetarju Internazzjonali u tad-drittijiet speċjali ta' preljev, sa ammont ekwivalenti għal 50000 miljun euro. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi dwar il-proporzjon li jrid jiġi miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu kull dritt li jżomm in depożitu r-riżervi barranin li jiġu ttrasferiti lilu kif ukoll li jużahom għall-bżonnijiet stabbiliti f'dan l-Istatut.

2. Il-kontribuzzjonijiet ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandhom jiġu ffissati skond il-proporzjon tas-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew.

3. Kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi akkreditat mill-Bank Ċentrali Ewropew bi dritt ta' preljev ekwivalenti għall-kontribuzzjoni tiegħu. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi d-denominazzjoni u l-ħlas mad-dritt tal-preljev.

4. Il- Bank Ċentrali Ewropew jista' jagħmel talbiet supplimentari għall-attiv ta' riżervi barranin skond il-paragrafu 2, lil hinn mill-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, bil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill u skond il-proċeduri indikati fl-Artikolu 41.

5. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jżomm u jamministra posizzjonijiet ta' riżerva tal-Fond Monetarju Internazzjonali u drittijiet speċjali ta' preljev u jilqa' t-talba illi dawn jitqiegħdu fil-fond komuni.

6. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu kull miżura oħra meħtieġa biex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 31

Attiv ta' riservi barranin miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali

1. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jagħmlu negozji biex iwettqu l-obbligi tagħhom lejn organizzazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 23.

2. L-operazzjonijiet l-oħra kollha f'attiv ta' riżervi barranin li jibqgħu għand il-banek ċentrali nazzjonali wara t-trasferimenti previsti fl-Artikolu 30, u n-negozji ta' l-Istati Membri bil-bilanċi bankarji tagħhom fir-rati tal-kambju għandhom, meta jaqbżu ċertu limitu li jkun definit fil-parametri tal-paragrafu 3, ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, u dan sabiex tiġi żgurata koerenza mar-rati tal-kambju u l-linji politiċi monetarji u ta' l-Unjoni.

3. Il-Kusill Regolatorju għandu jippubblika linji ta' gwida bl-iskop li jiffaċilita n-negozji bħal dawk.

Artikolu 32

Allokazzjoni ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali

1. L-introjtu li jakkumula għad-disposizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-funzjoni tal-politika monetarja tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (iżjed 'il quddiem imsejjaħ bħala "introjtu monetarju") għandu jiġi allokat fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja skond id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2. L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandu jkun daqs l-introjtu annwali tiegħu derivat mill-attiv tiegħu kontra l-flus fiċ-ċirkulazzjoni u l-passiv fid-depożiti għal istituzzjonijiet ta' kreditu. Dan l-attiv għandu jiġi riżervat mill-banek ċentrali nazzjonali skond linji ta' gwida li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

3. Jekk, wara l-bidu tat-tielet stadju, l-istruttura tal-karta tal-bilanċ tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju, ma tippermettix l-applikazzjoni tal-paragrafu 2, il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li, b'deroga mill-paragrafu 2, l-introjtu monetarju jrid jiġi kkalkolat skond metodu alternattiv għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.

4. L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi mnaqqas b'ammont ekwivalenti għal kull imgħax imħallas minn dak il-bank ċentrali fuq il-passiv fid-depożitu tiegħu f'istituzzjonijiet ta' kreditu skond l-Artikolu 19.

Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li l-banek ċentrali nazzjonali għandhom jingħataw indennizz għal kull ħlas li jkunu għamlu in konnessjoni mall-ħruġ tal-karti tal-flus jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali għal kull telf speċifiku li joriġina mill-operazzjonijiet ta' politika monetarja magħmula għas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. L-indennizz għandu jkun f'dik il-forma li tidher xierqa fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju. Dawn l-ammonti jistgħu jiġu paċuti kontra l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali monetarji.

5. Is-somma ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali għandha tiġi allokata lill-banek ċentrali nazzjonali fi proporzjon ma' l-ishma mħallsa fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew, salv kull deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju skond l-Artikolu 33(2).

6. It-tpaċija u s-saldu tal-bilanċi li joħorġu mill-allokazzjoni ta' dħul monetarju għandhom isiru mill-Bank Ċentrali Ewropew skond il-linji ta' gwida stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

7. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu kull miżura oħra meħtieġa biex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.

Artikolu 33

Allokazzjoni ta' profitt u telf nett tal-Bank Ċentrali Ewropew

1. Il-profitt nett tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi trasferit f'din l-ordni li ġejja:

a) ammont li jiġi stabbilit mill-Kunsill Regolatorju, li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-profitt nett, għandu jiġi trasferit fil-fond ta' riżerva ġenerali sal-limitu ekwivalenti ta' 100 % tal-kapital;

b) il-bqija tal-profitt nett għandu jitqassam bejn l-azzjonisti tal-Bank Ċentrali Ewropew fi proporzjon għall-ishma tagħhom imħallsa.

2. Jekk il-Bank Ċentrali Ewropew, jirreġistra telf dan jista' jiġi kopert mill-fond ta' riżerva ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju, jitħallas mill-introjtu monetarju tas-sena finanzjarja konċernata fi proporzjon u sa l-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 32(5).

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 34

Atti Ġuridiċi

1. Skond l-Artikolu III-190 tal-Kostituzzjoni, l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jadotta:

a) Regolamenti Ewropej sa fejn ikun neċessarju biex jiġu implimentati l-kompiti definiti fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), l-Artikolu 19(1), l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 25(2) ta' dan l-Istatut u f'każijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej previsti fl-Artikolu 41;

b) d-deċiżjonijiet Ewropej neċessarji għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut;

ċ) rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

2. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet Ewropej tiegħu.

3. Fil-limitu u skond il-kondizzjonijiet adottati mill-Kunsill permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu d-dritt li jimponi multi jew pagamenti penali perjodiċi fuq intrapriżi għal nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej tiegħu.

Artikolu 35

Kontroll ġudizzjarju u materji li għandhom x'jaqsmu

1. L-atti jew l-ommissjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu soġġetti għar-reviżjoni jew l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista' jibda proċeduri fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni.

2. Il-kwistjonijiet bejn il-Bank Ċentrali Ewropew min-naħa l-waħda, u l-kredituri jew id-debituri tiegħu jew kull persuna oħra, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, ħlief meta l-ġurisdizzjoni tkun ingħatat lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

3. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun suġġett għar-regoli dwar ir-responsabbiltà li hemm fl-Artikolu III-431 tal-Kostituzzjoni. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu responsabbli skond il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

4. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tagħti sentenza skond kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ f'kuntratt konkluż minn jew għan-nom tal-Bank Ċentrali Ewropew, kemm jekk dak il-kuntratt ikun irregolat bid-dritt pubbliku kemm bid-dritt privat.

5. Id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jagħmel rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha tittieħed mill-Kunsill Regolatorju.

6. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni li tisma' u tiddeċiedi kawżi dwar it-twettiq minn xi bank ċentrali nazzjonali ta' l-obbligi taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut. Jekk il-Bank Ċentrali Ewropew jikkunsidra li bank ċentrali nazzjonali jkun naqas milli jissodisfa obbligu taħt il-Kostituzzjoni u dan l-Istatut, huwa għandu jagħti opinjoni motivata dwar il-kwistjoni wara li jagħti lill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat ma jħarisx l-opinjoni fil-perjodu stabbilit mill-Bank Ċentrali Ewropew, dan ta' l-aħħar jista' jġib il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Persunal

1. Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kull kwistjoni bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-impjegati tiegħu fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-kondizzjonijiet tax-xogħol.

Artikolu 37

Sigriet professjonali

1. Membri tal-korpi regolatorji u l-impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom l-obbligu, anki wara li jkunu spiċċaw mill-funzjonijiet tagħhom, li ma jagħtux informazzjoni li tkun tax-xorta koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali.

2. Il-persuni li għandhom aċċess għal informazzjoni koperta b'att ta' l-Unjoni li jorbot legalment li jimponi obbligu ta' segretezza għandhom ikunu suġġetti għal dak l-obbligu.

Artikolu 38

Firmatarji

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jintrabat legalment ma' terzi, mill-President, jew minn żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv jew bil-firem ta' żewġ membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li jkunu ġew awtorizzati kif xieraq mill-President biex jiffirmaw f'isem il-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 39

Privileġġi u immunitajiet

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU VIII

EMENDA TA' L-ISTATUT U REGOLI KOMPLIMENTARI

Artikolu 40

Proċeduri simplifikati għall-emendi

1. Skond l-Artikolu III-187(5) tal-Kostituzzjoni, l-Artikolu 5(1), (2) u (3), l-Artikoli 17 u 18, l-Artikolu 19(1), 22, 23, 24 u 26, l-Artikolu 32(2), (3), (4) u (6), l-Artikolu 33(1)(a) u l-Artikolu 36 ta' dan l-Istatut jistgħu jiġu emendati b'liġi Ewropea:

a) jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew;

b) jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

2. L-Artikolu 10(2) jista' jiġi emendat b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-emendi m'għandhomx jibdew iseħħu sakemm ma jkunux approvati mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

3. Rakkomandazzjoni magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt dan l-Artikolu għandha teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 41

Regoli komplimentari

Skond l-Artikolu III-187(4) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill għandu jadotta regolamenti u deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri previsti fl-Artikolu 4, l-Artikolu 5(4), 19(2), l-Artikolu 20, l-Artikolu 28(1), l-Artikolu 29(2), l-Artikolu 30(4) u l-Artikolu 34(3) ta' dan l-Istatut. Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew:

a) jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew;

b) jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea.

KAPITOLU IX

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI U OĦRAJN GĦAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI

Artikolu 42

Disposizzjonijiet Ġenerali

1. Deroga kif inhi prevista fl-Artikolu III-197(1) tal-Kostituzzjoni għandha tfisser li l-Artikoli li ġejjin f'dan l-Istatut ma għandhom jagħtu l-ebda dritt u lanqas ma jimponu xi obbligu fuq l-Istat Membru involut: l-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 12(1), l-Artikolu 14(3), l-Artikoli 16, 18, 19, 20, 22 u 23, l-Artikolu 26(2), l-Artikoli 27, 30, 31, 32, 33, 34 u 50.

2. Il-banek ċentrali ta' l-Istati Membri b'deroga kif indikat fl-Artikolu III-197(1) tal-Kostituzzjoni jikkonservaw il-poteri tagħhom fil-qasam tal-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.

3. Skond l-Artikolu III-197 (2), l-aħħar sub-paragrafu, tal-Kostituzzjoni, "Stati Membri" għandha tinftiehem bħala "Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro" fl-Artikolu 3, l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 19 ta' dan l-Istatut.

4. Fl-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(2) u (3), l-Artikolu 12(1), l-Artikoli 16, 17, 18, 22, 23, 27, 30, 31 u 32, l-Artikolu 33(2) u l-Artikolu 50 ta' dan l-Istatut, "banek ċentrali nazzjonali" għandha tinftiehem bħala banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

5. Fl-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 33(1), "l-azzjonisti" għandha tinftiehem bħala banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

6. Fl-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(2), "kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew" għandha tinftiehem bħala kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew sottoskritt mill-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 43

Kompiti Transitorji tal-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jassumi l-funzjonijiet li kellu qabel l-Istitut Monetarju Ewropew previsti fl-Artikolu III-199(2) tal-Kostituzzjoni li, minħabba d-derogi ta' xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri, jkunu għad iridu jiġu mwettqa wara l-introduzzjoni tal-euro.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jagħti pariri fil-preparattivi għall-abrogazzjoni tad-derogi indikati fl-Artikolu III-198 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 44

Il-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-187(1) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Ġenerali għandu jiġi kkostitwit bħala t-tielet korp deċiżjonjali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Il-Kunsill Ġenerali għandu jkun magħmul mill-President u l-Viċi-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

3. Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali huma elenkati fid-dettal fl-Artikolu 46.

Artikolu 45

Funzjonament tal-Kunsill Ġenerali

1. Il-President jew, fl-assenza tiegħu, l-Viċi-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jippresjedi l-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

3. Il-President għandu jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.

4. B'deroga mill-Artikolu 12(3), il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

5. Is-Segretarjat tal-Kunsill Ġenerali għandu jiġi pprovdut mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 46

Responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali

1. Il-Kunsill Ġenerali għandu:

a) jwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 43;

b) jikkontribwixxi għall-funzjonijiet konsultattivi kif previsti fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 25(1).

2. Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi:

a) għall-ġbir ta' informazzjoni statistika kif previst fl-Artikolu 5;

b) għall-attivitajiet ta' rappurtaġġ tal-Bank Ċentrali Ewropew kif previsti fl-Artikolu 15;

ċ) għall-istabbiliment tar-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 26 kif previst fl-Artikolu 26(4);

d) għat-teħid tal-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 29 kif previst fl-Artikolu 29(4);

e) għall-istabbiliment tal-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema tal-Bank Ċentrali Ewropew kif previst fl-Artikolu 36.

3. Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi għall-preparattivi neċessarji biex jiġu ffissati irrevokabbilment ir-rati tal-kambju tal-muniti ta' l-Istati Membri li għandhom deroga fil-konfront tal-euro kif previst fl-Artikolu III-198(3) tal-Kostituzzjoni.

4. Il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi mgħarraf mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Regolatorju.

Artikolu 47

Disposizzjonijiet transitorji dwar il-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew

Skond l-Artikolu 29 kull bank ċentrali nazzjonali għandu jingħata piż fil-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew. B'deroga mill-Artikolu 28(3), il-banek ċentrali ta' Stati Membri b'deroga ma għandhomx iħallsu l-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali, li jaġixxi b'maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew u mill-inqas nofs l-azzjonisti, ma jiddeċiedix li għandha titħallas perċentwali minima bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' l-operat tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 48

Ħlas differit tal-kapital, ta' riservi u ta' provvista tal-Bank Ċentrali Ewropew

1. Il-bank ċentrali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata, għandu jħallas is-sehem sottoskritt tiegħu mill-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-istess livell bħall-banek ċentrali ta' Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro, u għandu jittrasferixxi lill-Bank Ċentrali Ewropew attiv f'riservi barranin skond l-Artikolu 30(1). Is-somma li tiġi trasferita għandha tiġi ffissata billi jiġi moltiplikat il-valur tal-euro skond ir-rati ta' kambju kurrenti ta' l-attiv tar-riservi barranin li kienu diġà ġew ittrasferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew skond l-Artikolu 30(1), fil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat u l-għadd ta' ishma diġà mħallsa mill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra.

2. B'żieda mal-ħlas li għandu jsir skond il-paragrafu (1), il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat għandu jikkontribwixxi għar-riservi tal-Bank Ċentrali Ewropew, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riservi, u għall-ammont li jkun għad irid jiġi allokat lir-riservi u l-provvisti li jikkorrispondu għall-bilanċ tal-kont ta' profitt u telf kif jidher sal-31 ta' Diċembru tas-sena qabel l-abrogazzjoni tad-deroga. L-ammont li jitħallas għandu jiġi stabbilit billi jiġi moltiplikat l-ammont tar-riservi, kif previst hawn qabel u kif muri fil-karta tal-bilanċ approvata tal-Bank Ċentrali Ewropew, fil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali involut u l-għadd ta' ishma diġà mħallsa mill-banek ċentrali l-oħra.

3. Meta pajjiż wieħed jew aktar isiru Stati Membri u l-banek ċentrali nazzjonali rispettivi tagħhom isiru parti mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, l-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-limitu fuq l-ammont ta' assi ta' riserva barranin li jistgħu jiġu trasferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiżdiedu awtomatikament. Iż-żieda għandha tiġi ffissata billi jiġu moltiplikati l-ammonti rispettivi kurrenti f'dak iż-żmien fil-proporzjon, fil-kwadru tal-kapital estiż, bejn l-ippeżar tal-banek ċentrali nazzjonali kkonċernati li jkunu se jidħlu u l-ippeżar tal-banek ċentrali nazzjonali li jkunu diġà membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. L-ippeżar ta' kull bank ċentrali nazzjonali fil-kjavi tal-kapital għandu jiġi maħdum b'analoġija ma' l-Artikolu 29(1) u skond l-Artikolu 29(2). Il-perjodi ta' referenza li għandhom jintużaw għall-informazzjoni statistika għandhom ikunu identiċi ma' dawk applikati fl-aħħar aġġustament kwinkwennali ta' l-ippeżar taħt l-Artikolu 29(3).

Artikolu 49

Deroga mill-Artikolu 32

1. Jekk, wara l-bidu tat-tielet stadju, l-Kunsill Regolatorju jiddeċiedi li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32 timmodifika b'mod sinjifikanti il-posizzjonijiet relattivi ta' introjtu tal-banek ċentrali nazzjonali, l-ammont ta' introjtu li għandu jiġi allokat skond l-Artikolu 32 għandu jitnaqqas b'perċentwali uniformi li m'għandhiex taqbeż is-60 % fl-ewwel sena finanzjarja wara l-bidu tat-tielet stadju u għandu jonqos b'mill-inqas 12-il punt perċentwali f'kull sena finanzjarja sussegwenti.

2. Il-paragrafu (1) għandu japplika għal mhux iktar minn ħames snin finanzjarji wara l-bidu tat-tielet stadju.

Artikolu 50

Il-bdil ta' karti ta' flus bankarji fil-munita ta' l-Istati Membri

Wara li r-rati tal-kambju jiġu ffissati irrevokabbilment skond l-Artikolu III-198(3) tal-Kostituzzjoni, l-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-karti ta' flus bankarji denominati f'muniti ta' l-Istati Membri b'rati tal-kambju li jkunu ġew iffissati irrevokabbilment, jinbidlu mill-banek ċentrali nazzjonali bil-valur pari tagħhom rispettiv.

Artikolu 51

Applikabbiltà tad-disposizzjonijiet transitorji

Jekk Stati Membri jkollhom deroga u sakemm ikun hemm Stati Membri li jkollhom din id-deroga, l-Artikoli 42 sa 47 għandhom japplikaw.

--------------------------------------------------