|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/644 |
10.2.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Jannar 2025
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Iżvezja
(C/2025/644)
Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
|
(1) |
Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli. |
|
(2) |
Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan huwa li jiġi spjegat kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(3) |
Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(4) |
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali. |
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-IŻVEZJA
|
(5) |
Fil-11 ta' Ottubru 2024, l-Iżvezja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mill-Iżvezja. |
Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan
|
(6) |
Qabel is-sottomissjoni tal-pjan tagħha, l-Iżvezja talbet informazzjoni teknika (5), li l-Kummissjoni pprovdiet fil-21 ta' Ġunju 2024 u ppubblikat fil-11 ta' Ottubru 2024 (6). L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-gvern estiż jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fit-terminu medju u li d-dejn tal-gvern estiża jibqa' taħt is-60 % tal-PDG fit-terminu medju, fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istati Membri fil-qafas ta' żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, (7) f'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għall-Iżvezja tistabbilixxi li, għal konformità mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas-1,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028; xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella 1 li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas -0,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhix rekwiżit għall-Iżvezja, li hija eliġibbli għal informazzjoni teknika. Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lill-Iżvezja
|
||||||||
|
(7) |
F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-Iżvezja u l-Kummissjoni daħlu fi djalogu tekniku f'Awwissu 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Iżvezja bħala livell massimu li l-Iżvezja timpenja ruħha li ma teċċedix u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b'mod partikolari l-pożizzjoni inizjali fl-2024 u t-tkabbir tal-PDG potenzjali fuq it-terminu medju), kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża. |
|
(8) |
Il-pjan ippreżentat mill-Iżvezja ma jirrapportax dwar proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati domestiċi li sar qabel is-sottomissjoni. |
|
(9) |
Il-pjan ġie ppreżentat lill-parlament nazzjonali fl-1 ta' Ottubru 2024. Dan ġie adottat sussegwentement mill-gvern fl-10 ta' Ottubru 2024. |
Proċessi oħra relatati
|
(10) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, l-Iżvezja qed tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati mas-suq tal-proprjetà immobbli tagħha u dejn privat għoli, li għadhom rilevanti u l-azzjoni politika biex tindirizzahom kienet limitata (8). |
|
(11) |
Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Iżvezja sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (9). |
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI
|
(12) |
F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej: |
Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali
|
(13) |
L-attività ekonomika fl-Iżvezja naqset b'0,3 % fl-2023, xprunata minn tnaqqis sinifikanti fil-konsum privat u l-formazzjoni ta' kapital fiss. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber b'0,3 % fl-2024, bis-saħħa ta' rkupru fid-domanda domestika mirfud minn inflazzjoni li qed tonqos u rati tal-imgħax aktar baxxi. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b' 1,8 %, hekk kif l-irkupru fid-domanda domestika huwa mistenni li jiżdied. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,6 %, hekk kif it-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jkollu bażi wiesgħa. Matul il-perjodu tat-tbassir, it-tkabbir tal-PDG potenzjali huwa mistenni li jibqa' ġeneralment stabbli b'tendenza żgħira 'l fuq. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 7,7 % fl-2023 u l-Kummissjoni tipproġettaha għal 8,5 % għall-2024, 8,4 % fl-2025 u 7,8 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 6,1 % fl-2023 għal 2,3 % fl-2024, u li tilħaq 1,4 % fl-2025 u 1,3 % fl-2026. |
|
(14) |
Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Iżvezja kien ta' 0,6 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, id-defiċit huwa mistenni li jilħaq 1,9 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 1,4 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, għal 0,3 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tal-Iżvezja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 31,5 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 32,8 % tal-PDG fi tmiem l-2024 qabel ma jistabbilizza ruħu b'mod ġenerali għal 32,7 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u jonqos għal 31,7 % tal-PDG fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed. |
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
|
(15) |
Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Iżvezja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin. |
|
(16) |
Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni dwar il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati domestiċi qabel is-sottomissjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 13(g)(vi) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(17) |
Il-pjan jispeċifika li l-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2 jiddefinixxi limitu massimu għat-tkabbir tan-nefqa netta ta' 4,4 % matul is-snin 2025-2028 li l-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom li ma jeċċedux. L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta' aġġustament lineari) hija konsistenti ma' tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 4,5 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025-2028). Il-limitu massimu għall-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrappurtat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta' -1,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Dan huwa ugwali għal-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta' -1,8 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-21 ta' Ġunju 2024 (10). Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali jibqa' pjuttost stabbli matul il-perjodu tal-pjan, b'madwar 1,7 %. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 2,8 % fl-2024 għal 1,4 % fl-2025 qabel ma tiżdied gradwalment għal 1,8 % sal-2028. Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Iżvezja
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
|
(18) |
Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 33 % tal-PDG fl-2024 għal 36,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament fl-2028, skont it-tabella 3 li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq it-terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jiżdied, skont il-pjan, biex jilħaq 51,3 % tal-PDG sal-2038. Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Iżvezja
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbiliti fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
|
(19) |
Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jiżdied progressivament fuq il-perjodu ta' aġġustament minn 1,5 % fl-2025 għal 2,2 % tal-PDG fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament fl-2028. Barra minn hekk, fl-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx 3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
|
(20) |
Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Iżvezja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal sitt varjabbli, jiġifieri l-pożizzjoni inizjali fl-2024, it-tkabbir tal-PDG potenzjali, id-deflatur tal-PDG, ir-rata tal-imgħax nominali impliċita, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi u l-introjtu mill-proprjetà. Valutazzjoni ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.
Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa aktar baxx mit-tkabbir tan-nefqa netta medja implikata mill-informazzjoni teknika. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta. |
Strateġija fiskali tal-pjan
|
(21) |
Il-pjan ma jinkludix strateġija fiskali indikattiva biex jiġi implimentat il-perkors tan-nefqa netta tal-pjan, peress li dak il-perkors huwa stabbilit biss bħala limitu massimu tekniku li l-Iżvezja timpenja ruħha li ma teċċedix. L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta' politika rilevanti trid tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. |
Intenzjonijiet ta' riformi u investimenti fil-pjan li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
|
(22) |
Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, inkluż dawk li jappartjenu għall-MIP, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi sett ta' riformi u investimenti, mingħajr ma jikkwantifika liema huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. |
|
(23) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi inizjattivi ta' politika li għandhom l-għan li jindirizzaw din il-prijorità komuni u s-CSRs relatati riċevuti fl-2019, l-2020, l-2022, l-2023 u l-2024. B'mod partikolari, il-pjan ikopri miżuri li jappoġġaw in-newtralità klimatika sal-2050, inkluż permezz ta' miżuri klimatiċi u sussidji u primjums għall-investiment u l-innovazzjoni (is-CSRs kollha relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika); riżorsi biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika fit-tramuntana tal-Iżvezja (CSRs riċevuti fl-2020 u fl-2021), u proċeduri simplifikati għall-għoti ta' permessi għal proġetti ta' investiment ekoloġiku (CSRs riċevuti fl-2022 u l-2023). L-investimenti biex tiġi żgurata l-konnettività tal-broadband fl-Iżvezja kollha, sistema unifikata ta' governanza pubblika għall-infrastruttura diġitali, u l-iżvilupp ta' ID diġitali uffiċjali huma maħsuba biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali. |
|
(24) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi inizjattivi ta' politika li għandhom l-għan li jindirizzaw din il-prijorità komuni u CSRs relatati, inkluż is-CSR relatata mal-MIP dwar id-dejn privat u s-suq tal-akkomodazzjoni, riċevuti fl-2019, l-2020, l-2022, l-2023 u l-2024. Dawn l-inizjattivi jinkludu l-għoti ta' inċentivi għall-edukazzjoni mill-ġdid; l-għoti ta' appoġġ immirat lill-persuni qiegħda fit-tul; ir-riformi fl-edukazzjoni biex jittejjeb l-iżvilupp tal-karriera tal-għalliema u tal-maniġers tal-iskejjel; it-titjib tal-eżiti edukattivi għal gruppi vulnerabbli; l-appoġġ għall-edukazzjoni għall-adulti, u t-taħriġ tal-għalliema; il-miżuri li jipprovdu lill-muniċipalitajiet b'sussidji u garanziji ta' kreditu biex jappoġġaw il-kostruzzjoni tad-djar u l-konverżjoni ta' bini mhux residenzjali għal skopijiet ta' akkomodazzjoni. |
|
(25) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi inizjattivi ta' politika li għandhom l-għan li jindirizzaw din il-prijorità komuni u CSRs relatati riċevuti fl-2020, l-2022, l-2023, l-2024, b'mod partikolari investimenti fil-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija. |
|
(26) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jinkludi inizjattivi biex jiżdiedu b'mod sinifikanti r-riżorsi għad-difiża militari u ċivili għall-perjodu sal-2035. |
|
(27) |
Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u mal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Iżvezja. Il-miżuri ewlenin inklużi fl-RRP huma l-qabża klimatika u l-qabża tal-industrija, l-espansjoni tal-broadband kif ukoll il-miżuri relatati ma' REPowerEU li jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li huma komplementari għall-miżuri ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni elenkati li jorbtu mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi informazzjoni dwar l-objettivi tal-fondi differenti tal-politika ta' koeżjoni u eżempji tal-azzjonijiet tagħhom f'setturi u reġjuni differenti, inkluż iż-Żoni Skarsament Popolati tat-Tramuntana. |
|
(28) |
Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tal-Iżvezja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijoritajiet komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, u l-ħtiġijiet ta' investiment fis-sigurtà tal-enerġija fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jissarrfu f'nefqa addizzjonali matul il-perjodu tal-pjan, u jiżdiedu gradwalment minn SEK 1,5 biljun fl-2025 għal SEK 6,5 biljun fl-2028 u lil hinn. Il-ħtiġijiet ta' investiment relatati mar-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u tranżizzjoni ekoloġika ġusta huma identifikati aktar għall-infrastruttura tat-trasport u għall-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku. Il-ħtiġijiet ta' investiment għall-produzzjoni tal-enerġija huma stmati għal bejn SEK 10 u 140 biljun għal kull perjodu ta' ħames snin għas-snin bejn l-2020 u l-2040. Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tal-Iżvezja fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija b'investiment fin-network tal-elettriku li huwa previst li jammonta għal SEK 170 biljun matul il-perjodu 2020–2031. Fir-rigward tal-prijoritajiet komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika u tranżizzjoni ekoloġika ġusta, il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku li jappartjenu għall-infrastruttura tat-trasport b'nefqa ta' SEK 1 171 biljun matul il-perjodu 2026-2037. Il-pjan jagħti aktar dettalji dwar żidiet sostanzjali fin-nefqa prevista għad-difiża, li tiżdied minn SEK 126 biljun fl-2024 għal SEK 225 biljun fl-2035, b'sehem kbir li jikkonsisti fi nfiq ta' investiment. |
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
|
(29) |
B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Iżvezja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL
|
(30) |
Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Iżvezja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u biex tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv. |
|
(31) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. |
|
(32) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. Il-Kunsill jilqa' l-fatt li l-pjan ġie ppreżentat lill-Parlament. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża. |
|
(33) |
Il-Kunsill jistenna li l-Iżvezja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan. |
|
(34) |
Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali. |
|
(35) |
Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew. |
|
(36) |
Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mill-Iżvezja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi aktar wiesgħa u investimenti fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(37) |
Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Iżvezja. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja:
|
1. |
Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(4) In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(5) Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi informazzjoni teknika i) mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament), u ii) mingħajr u bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).
(6) https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#sweden.
(7) Is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tistabbilixxi li t-titjib annwali fil-bilanċ strutturali primarju huwa ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG (jew 0,25 punti perċentwali tal-PDG f'każ ta' estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament) sakemm id-defiċit strutturali jkun inqas minn 1,5 % tal-PDG.
(8) “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment”, COM (2024) 600 final, Appendiċi 4.
(9) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Iżvezja.
(10) Fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.
ANNESS I
Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)
L-Iżvezja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta' tkabbir (%) |
Annwali |
4,0 |
4,4 |
4,4 |
4,6 |
|
Kumulattiv (*1) |
10,7 |
15,5 |
20,6 |
26,1 |
|
(*1) Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/644/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)