|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1836 |
3.7.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1836
tal-25 ta’ Ġunju 2024
li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-4 ta’ Marzu 2022, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (2) li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, il-protezzjoni temporanja l-ewwel applikat għal perjodu inizjali ta’ sena, sat-4 ta’ Marzu 2023, u mbagħad ġiet estiża awtomatikament għal sena addizzjonali sal-4 ta’ Marzu 2024. |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Ottubru 2023, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55/KE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 (3) li testendi l-protezzjoni temporanja introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 sal-4 ta’ Marzu 2025. |
|
(4) |
Fil-kuntest tal-attivazzjoni tad-Direttiva 2001/55/KE, fl-4 ta’ Marzu 2022, l-Istati Membri qablu unanimament f’dikjarazzjoni li ma japplikawx l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/55/KE fir-rigward ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stat Membru partikolari f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, u li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm fuq bażi bilaterali l-Istati Membri ma jaqblux mod ieħor. |
|
(5) |
Minħabba li persuna tista’ tibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja fi Stat Membru wieħed biss kull darba, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor biex igawdu minn protezzjoni temporanja jenħtieġ li ma jibbenefikawx mill-assistenza soċjali f’żewġ Stati Membri simultanjament. |
|
(6) |
Hemm madwar 4,19 miljun persuna spostata mill-Ukrajna li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni. L-għadd kumplessiv ta’ reġistrazzjonijiet ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja baqa’ stabbli għal madwar 4,19 miljun, b’xejra kemxejn kostanti ’l fuq, u bi ftit persuni li jirrapportaw li jmorru lura lejn l-Ukrajna fuq bażi permanenti. Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tippermettix ir-ritorn tal-persuni spostati lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tistma li, minn Marzu 2024, 3,6 miljun persuna huma spostati internament fl-Ukrajna. Tmenin fil-mija tal-persuni kollha spostati internament rrapportaw li ġew spostati għal sena jew aktar. L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji stima li aktar minn 14,6 miljun persuna fl-Ukrajna jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti fl-2024. |
|
(7) |
Barra minn hekk, ma jistgħux jiġu esklużi aktar wasliet fuq skala kbira minħabba l-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli, volatilità usa’ u l-inċertezza tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, inkluż attakki ripetuti intensifikati mill-ajru kontra ċ-ċivili madwar il-pajjiż. Ir-riskju ta’ eskalazzjoni jippersisti. Fl-istess ħin, ir-riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil jippersistu wkoll; li jekk il-protezzjoni temporanja tieqaf dalwaqt, il-benefiċjarji kollha ser japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin. |
|
(8) |
Peress li l-għadd kbir ta’ persuni spostati fl-Unjoni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja x’aktarx li ma jonqosx sakemm tkompli l-gwerra kontra l-Ukrajna, l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja hija meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-persuni li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni, jew li se jeħtieġu tali protezzjoni mill-5 ta’ Marzu 2025. Protezzjoni temporanja tipprevedi protezzjoni immedjata u aċċess għal sett armonizzat ta’ drittijiet, filwaqt li tnaqqas il-formalitajiet għal minimu f’sitwazzjoni ta’ influss bil-massa lejn l-Unjoni. L-estensjoni tal-protezzjoni temporanja se tgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija b’żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja sal-4 ta’ Marzu 2025, li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf sa dak iż-żmien, jew minn persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u li jaslu fl-Unjoni wara dik id-data jew qabel l-4 ta’ Marzu 2026. |
|
(9) |
Għalhekk, meta jitqies li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu, jenħtieġ li l-protezzjoni temporanja għall-kategoriji ta’ persuni spostati msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 tiġi estiża sal-4 ta’ Marzu 2026. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva 2001/55/KE u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, u estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409, hija estiża għal perjodu ieħor ta’ sena, sal-4 ta’ Marzu 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/382/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2023/2409, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2409/oj)
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1836/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)