3.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/139


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/885

tat-3 ta’ Ġunju 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiġu introdotti għażliet ulterjuri ta’ deroga mill-iffriżar ta’ assi u mill-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jkunu disponibbli għal persuni u għal entitajiet iddeżinjati.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/145/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“13.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma strettament meħtieġa għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika minn operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni, għall-forniment ta' faċilitajiet u servizzi assoċjati meħtieġa għall-operat, il-manutenzjoni u s-sigurtà ta’ tali servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, fir-Russja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn ir-Russja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta’ ċentri ta’ data fl-Unjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

C. COLONNA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).