5.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 233/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Awwissu 2007

li timplimenta d-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ linji gwida strateġiċi mill-2007 sa l-2013

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3925)

(it-testi fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż biss huma awtentiċi)

(2007/599/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond tal-Fruntieri Esterni għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 bħala parti mill-programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-flussi Migratorji” (1), u partikolarment l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida stateġiċi li jistabbilixxu qafas għall-intervent tal-fond b’rabta mal-perjodu ta’ pprogrammar multi-annwali bejn l-2007 u l-2013.

(2)

Il-linji gwida għandom ifissru l-prijoritajiet u, skond l-Artikolu 16(4) tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE, il-prijoritajiet speċifiċi li jippermettu lill-Istati Membri li m’humiex koperti mill-Fond ta’ Koeżjoni sabiex iżidu l-kofinanzjament tal-kontribuzzjoni Komunitarja għal 75 % għal proġetti kofinanzjati mill-Fond.

(3)

Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix marbuta mad-Deċiżjoni preżenti u lanqas mhi soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi d-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi fi żmien perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni jekk hix ser timplimentha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(4)

Fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (2), li jaqgħu taħt l-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, punti A u B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika ta’ l-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen.

(5)

Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-Iżvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen li jaqgħu taħt l-oqsma msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

(6)

Id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, li ma japplikawx għar-Renju Unit, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jipparteċipa f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE sussegwenti tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dħul fis-seħħ ta’ partijiet mill-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (4). Għalhekk ir-Renju Unit mhux marbut minnha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Din id-deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li ma japplikawx għall-Irlanda, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda sabiex tipparteċipa f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (5). Għalhekk l-Irlanda mhix marbuta jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat komuni “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji” stabbilita mill-Artikolu 56 tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida li jistabbilixxu l-prijoritajiet u l-prijoiritajiet speċifiċi għall-ipprogrammar multi-annwali għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 huma mfassla fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika ta’ l-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran-Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika ta’ l-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju ta’ l-Olanda, lir-Repubblika ta’ l-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika ta’ Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju ta’ l-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Franco FRATTINI

Viċi President


(1)   ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.

(2)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(3)   ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(4)   ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70.

(5)   ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.


ANNESS

Għall-għanijiet a), b) u ċ) elenkati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 574/2007/KE l-linji gwida strateġiċi stabbiliti iktar ’l isfel wieħed għandu jarahom fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni (1) kif imfassl fil-Programm ta’ l-Aja (2). Il-linji gwida għandhom partikolarment jimplimentaw il-prijoritajiet tal-Komunità bil-għan ta’ l-istabbiliment gradwali ulterjuri tas-sistema komuni u integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni u t-tisħiħ tal-kontrolli u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri.

Għall-iskop d) ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE, il-linji gwida għandhom partikolarment jimplimentaw il-prijoritajiet Komunitarji għall-iżvilupp ulterjuri ta’ politika komuni dwar il-viża bħala, fuq in-naħa l-waħda, parti minn sistema b’ħafna livelli mmirata għat-trattament ta’ l-immigrazzjoni illegali permezz tat-titjib tat-trattament fil-missjonijiet konsulari lokali u, fuq in-naħa l-oħra, l-iffaċilitar ta’ l-ivvjaġġar leġittimu.

L-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ l-Iskema ta’ Tranżitu Speċjali msemmija fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE għandha tiġi stabbilita fil-qafas tal-programm multi-annwali tar-Repubblika tal-Litwanja b’konformità ma’ dawn il-linji gwida.

L-Istati Membri għandhom jiddetterminaw l-iktar tqassim effettiv tar-riżorsi finanzjarji allokati lilhom skond ħtiġijitethom. Madanakollu, waqt it-tħejjija tal-programmi multi-annwali tagħhom għall-2007-2013, l-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi Komunitarji disponibbli taħt dan il-Fond għal mill-inqas tlieta mill-ħames prijoritajiet elenkati hawn taħt.

Il-prijoritajiet speċifiċi elenkati hawn taħt jirreferu għal azzjonijiet nazzjonali li jew iżidu l-valur ta’ strumenti u għodod komuni għall-prattikanti jew jolqtu b’mod dirett il-kapaċità ta’ l-Istati Membri l-oħra jew lill-Komunità fl-intier tagħha sabiex jiżguraw il-fruntieri esterni.

Barra minn hekk, meta jabbozzaw il-programmi multi-annwali tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw is-sinerġiji mal-ħidma mwettqa mill-Aġenzija FRONTEX dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni.

IL-PRIJORITÀ 1:   Appoġġ għat-twaqqif gradwali ulterjuri tas-sistema komuni u integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri fir-rigward tal-verifiki fuq persuni fil-fruntieri esterni u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni.

Dan jista’ jinvolvi investiment fl-infrastruttura, fis-sistemi, u fit-tagħmir fi ħdan il-qafas tar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-Fond. Dawn l-investimenti għandhom jimmiraw partikolarment lejn l-iżgurar ta’ konverġenza fil-ġestjoni ta’ l-informazzjoni għall-iffaċilitar tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll għat-titjib ta’ l-arkitettura u tal-proċessi għat-titjib ulterjuri tas-sigurtà fil-fruntieri, inkluża l-proviżjoni ta’ tagħmir li jikxef l-iffalsifikar.

F’din il-prijorità, il-kontribut Komunitarju jista’ jiżdied b’75 % għal proġetti li jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

(1)

L-aġġornar tas-sistemi nazzjonali ta’ komunikazzjoni sabiex jagħmilhom interoperabbli ma’ Stati Membri oħra;

(2)

Ix-xiri u/jew l-aġġornar ta’ tagħmir operattiv għall-kontroll tal-fruntieri esterni li jkun interoperabbli ma’ Stati Membri oħra u li jikkunisdra r-riżultati ta’ analiżi tar-riskju integrata u komuni.

(3)

Ix-xiri u/jew l-aġġornar ta’ tagħmir operattiv għaż-żieda tal-kapaċità ta’ l-Istati Membri sabiex jipparteċipaw u/jew jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri kif ikkoordinat mill-Aġenzija FRONTEX.

IL-PRIJORITÀ 2:   Appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-komponenti nazzjonali ta’ Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza għall-fruntieri esterni u ta’ Netwerk Ewropew ta’ Għassa permanenti fil-fruntieri marittimi tan-nofsinhar ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE.

Din tista’ tinkludi l-aġġornar ta’ sistemi ta’ sorveljanza sabiex jillokalizzaw u jidentifikaw vetturi, dgħajjes u ajruplani b’mod korrett.

F’din il-prijorità, il-kontribut Komunitarju jista’ jiżdied b’75 % għal proġetti li jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

(1)

Investimenti għall-ħolqien jew l-aġġornar ta’ ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni uniku, li jikkoordina 24/7 l-attivitajiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kollha li jwettqu ħidma ta’ kontroll tal-fruntieri esterni (il-kxif, l-identifikar, l-intervent) li jkun jista’ jiskambja informazzjoni maċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni fi Stati Membri oħra;

(2)

Investimenti fil-ħolqien jew l-aġġornar ta’ sistema nazzjonali ta’ sorveljanza unika, li tkopri l-partijiet kollha, jew partijiet partikolari, tal-fruntieri esterni u li tippermetti 24/7 it-tixrid ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fil-kontroll tal-fruntieri esterni;

(3)

Ix-xiri u/jew l-aġġornar ta’ tagħmir għall-kxif, l-identifikar u l-intervent fil-fruntieri (eż. vetturi, dgħajjes, ajruplani, ħelikopters, sensors, u kameras eċċ.), sakemm il-ħtieġa għal dan it-tagħmir tkun identifikata b’mod ċar fuq livell Ewropew.

IL-PRIJORITÀ 3:   Appoġġ għall-ħruġ ta’ viżi u t-trattament ta’ l-immigrazzjoni illegali, inkluż il-kxif ta’ dokumenti foloz jew iffalsifikati permezz tat-tisħiħ ta’ l-attivitajiet organizzati mis-servizzi konsulari jew minn servizzi oħrajn ta’ l-Istati Membri f’pajjiżi terzi.

F’din il-prijorità, il-kontribut Komunitarju jista’ jiżdied b’75 % għal proġetti li jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

(1)

Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni sistematika u regolari bejn is-servizzi konsulari ta’ l-Istati Membri u bejn is-servizzi konsulari u servizzi oħra ta’ Stati Membri differenti fil-qasam tal-viża;

(2)

Inizjattivi għall-iżvilupp u l-ħolqien ta’ rappreżentanza limitata, kolokazzjoni jew ċentri komuni għall-applikazzjoni tal-viża li, fi stadju bikri jilqa’ filwaqt li fi stadju iktar tard, jipproċessa l-applikazzjonijiet tal-viża.

IL-PRIJORITÀ 4:   Appoġġ għall-ħolqien ta’ sistemi ta’ l-IT meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-istrumenti Komunitarji legali fil-qasam tal-fruntieri esterni u l-viżi

F’din il-prijorità, il-kontribut Komunitarju jista’ jiżdied b’75 % għal proġetti li jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

(1)

Investimenti marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS);

(2)

Investimenti marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS);

IL-PRIJORITÀ 5:   Appoġġ għall-applikazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ strumenti legali Komunitarji rilevanti fil-qasam tal-fruntieri esterni u tal-viżi, partikolarment il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Kodiċi Ewropew dwar il-Viżi (3)

Dan jista’ jinvolvi t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-istrumenti rilevanti inklużi testi bħal gwida prattika għall-għassiesa tal-fruntieri, kif ukoll attivitajiet ta’ taħriġ immirati għal uffiċjali ta’ servizzi ta’ għassa tal-fruntieri u fil-konsulati.

F’din il-prijorità, il-kontribut Komunitarju jista’ jiżdied b’75 % għal proġetti li jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

(1)

L-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali tal-kurrikulu bażiku komuni għat-taħriġ ta’ l-għassiesa tal-fruntieri;

(2)

It-titjib tal-kwalità tal-kontribut nazzjonali fil-mudell ta’ analiżi tar-riskju integrata komuni


(1)  Fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tirreferi biss għall-kontrolli fuq il-persuni.

(2)  Għall-iktar dokumenti riċenti dwar il-politika Ewropea f'dan il-qasam, ara partikolarment: “Strateġija globali għall-Emigrazzjoni: Azzjonijiet ta' prijorità li jiffokaw fuq l-Afrika u l-Mediterran” adottat mill-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Diċembru 2005 (Bull. 12-2005, punti I.6. u I.15-I.20.) u l-Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-Fruntieri Marittimi ta' Nofisnhar ta' l-Unjoni Ewropea adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2006 (COM (2006) 733 finali).

(3)  L-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u l-karigi konsulari ser jiġu ssostitwiti mill-Kodiċi Ewropew dwar il-Viżi ladarba jiġi adottat mill-Kunsill.