Brussell, 27.5.2025

COM(2025) 250 final

2025/0138(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Awstrija, lill-Polonja, liċ-Ċekja, lis-Slovakkja u lill-Moldova b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru 2024 u lill-Bożnija-Ħerzegovina b’rabta mal-għargħar ta’ Ottubru 2024


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Kuntest tal-proposta

Din id-deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-FSUE”) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 1 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament FSUE”) b’ammont ta’ EUR 280 740 903 biex tingħata assistenza lill-Awstrija, lill-Polonja, liċ-Ċekja, lis-Slovakkja, lill-Moldova u lill-Bożnija-Ħerzegovina wara d-diżastru naturali (għargħar) li seħħ fl-2024.

Din il-mobilizzazzjoni hija akkumpanjata mid-Deċiżjoni Nru 10/2025 li tipproponi t-trasferiment tal-ammont ta’ EUR 270 077 316 mil-linja ta’ riżerva tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-ESR”, European Solidarity Reserve) lejn il-linja baġitarja operazzjonali tal-FSUE, kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll ta’ pagament.

2.Informazzjoni u kundizzjonijiet

2.1L-Awstrija – diżastru naturali f’pajjiż ġar: għargħar ta’ Settembru 2024

(1)Fid-29 ta’ Novembru 2024, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(2)L-Awstrija applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE qabel l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fit-13 ta’ Settembru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE. Fis-6 ta’ Diċembru 2024, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni aġġornata biex tikkomplementa l-informazzjoni inkluża fil-pakkett tal-applikazzjoni oriġinali.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Awstrijaċi ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ “diżastru naturali f’pajjiż ġar” kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament FSUE, li jistipula li l-assistenza mill-FSUE tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar. L-Awstrija tistma li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tilħaq is-somma ta’ EUR 1 711,6 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,38 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Awstrija fl-2022. Billi l-istess diżastru naturali jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” fiċ-Ċekja, l-applikazzjoni mill-Awstrija hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE mingħajr livell limitu speċifiku.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)L-Awstrija talbet il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għal pagament antiċipat mill-FSUE ġew issodisfati. Għalhekk, ingħata pagament antiċipat ta’ EUR 10 663 587 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2025) 1124 tas-17 ta’ Frar 2025. Il-pagament antiċipat tħallas lill-Awstrija fit-3 ta’ April 2025.

(7)Bejn it-12 u s-16 ta’ Settembru 2024, kien hemm livelli eċċezzjonalment għoljin ta’ xita fl-Awstrija li kkawżaw għargħar kbir. Ġew affettwati b’mod partikolari l-Awstrija t’Isfel, l-Awstrija ta’ Fuq u Vjenna. F’xi partijiet tal-Awstrija t’Isfel, niżlu 300-420 mm ta’ xita f’ħamest ijiem. Il-provinċja kollha tal-Awstrija t’Isfel ġiet iddikjarata bħala żona ta’ diżastru. Kellhom jiġu stabbiliti miżuri protettivi tul ix-Xmara Danubju. Fl-Awstrija t’Isfel, kważi 2 000 dar kellhom jiġu evakwati, u għal ftit jiem, eluf ta’ unitajiet domestiċi kienu mingħajr elettriku, mingħajr ilma tax-xorb u mingħajr sistema ta’ drenaġġ. L-għargħar wassal għal ħamest imwiet, u 24 persuna ndarbu fl-Awstrija t’Isfel.

(8)L-awtoritajiet Awstrijaċi ma talbux assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

(9)L-Awstrija stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE laħaq it-EUR 394,1 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni u jammonta għal EUR 277,4 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u miżuri ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali u jammonta għal EUR 75,9 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ u jammonta għal EUR 22 miljun. Il-kostijiet li jikkonċernaw it-tindif taż-żona milquta mid-diżastru jammontaw għal EUR 18,8 miljun.

(10)Id-Direttiva 2007/60/KE 2 ġiet trasposta kompletament fl-Awstrija bl-emenda tal-2011 tal-Att dwar il-Liġi dwar l-Ilma (WRG).

(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni l-Awstrija ma kinitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta man-natura tad-diżastru.

(12)L-awtoritajiet Awstrijaċi indikaw li l-infrastruttura pubblika ġeneralment mhijiex assigurata fl-Awstrija. Għalhekk, l-ispejjeż assigurati huma esklużi mill-kostijiet eliġibbli.

2.2Il-Polonja – diżastru naturali reġjonali: għargħar ta’ Settembru 2024

(1)Fid-29 ta’ Novembru 2024, il-Polonja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(2)Il-Polonja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE qabel l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fil-11 ta’ Settembru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Pollakki ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterju “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE, li jfisser kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta minn ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dak ir-reġjun. L-awtoritajiet Pollakki jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tammonta għal EUR 3,04 biljun. Skont ir-Regolament FSUE, meta d-diżastru naturali jkun jikkonċerna bosta reġjuni tal-livell NUTS 2, il-livell limitu għandu jiġi applikat għall-medja tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni, ponderata skont is-sehem tal-ħsara totali f’kull reġjun. Il-ħsara diretta espressa bħala perċentwal tal-PDG reġjonali ponderat totali tal-provinċji ta’ Dolnośląskie, Opolskie, Śląskie u Lubuskie tammonta għal 8,46 %. Dan l-ammont jaqbeż il-1,5 % tal-medja ponderata tal-PDG reġjonali tal-provinċji ta’ Dolnośląskie, Opolskie, Śląskie u Lubuskie.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Il-Polonja ma talbitx il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Bejn il-11 u s-16 ta’ Settembru 2024, niżlet xita qawwija fil-Lbiċ tal-Polonja li wasslet għall-għargħar ta’ diversi xmajjar. Il-provinċji l-aktar milquta kienu l-provinċji ta’ Dolnośląskie, Opolskie, Śląskie u Lubuskie. Sussegwentement, kważi 10 600 binja residenzjali u aktar minn 2 000 azjenda agrikola sfaw mgħarrqa. Aktar minn 200 000 persuna ġew affettwati direttament mid-diżastru. Bosta negozji kienu mġiegħla jissospendu temporanjament jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tagħhom u dan wassal għal telf finanzjarju sinifikanti.

(8)L-awtoritajiet Pollakki talbu għall-għajnuna permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Il-ħtiġijiet kienu jinkludu diżinfettanti, deumidifikaturi, bwiez tal-gomma, ingwanti u vaċċini. Ingħatat assistenza mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mil-Litwanja, mis-Slovenja, mill-Iżvezja, u mill-Awstrija.

(9)Il-Polonja stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE kien jilħaq EUR 2 755,2 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni u jammonta għal EUR 2 721,3 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 19,8 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ u jammonta għal EUR 14,2 miljun.

(10)Id-Direttiva 2007/60/KE 3 ġiet trasposta għal kollox fil-Polonja.

(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, il-Polonja ma kinitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta man-natura tad-diżastru.

(12)L-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-kostijiet assigurati kienu esklużi mill-kostijiet eliġibbli.

2.3Iċ-Ċekja – diżastru naturali maġġuri: għargħar ta’ Settembru 2024

(1)Fl-4 ta’ Diċembru 2024, iċ-Ċekja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ Settembru 2024. Fl-4 ta’ April 2025, iċ-Ċekja ppreżentat kjarifiki addizzjonali rigward id-data u l-informazzjoni pprovduti fl-applikazzjoni tal-FSUE.

(2)Iċ-Ċekja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE qabel l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fit-12 ta’ Settembru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Ċeki jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tammonta għal EUR 2,82 biljun. Dan l-ammont jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” taċ-Ċekja ta’ 0,6 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross, li fl-2024 kien EUR 1,58 biljun. Għalhekk, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Iċ-Ċekja ma talbitx il-ħlas ta’ pagament antiċipat fuq il-kontribuzzjoni skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Bejn it-12 u s-17 ta’ Settembru 2024, irjieħ qawwija ħafna u xita qliel laqtu lill-pajjiż kollu li wassal għall-għargħar. Ir-reġjuni l-aktar milquta kienu r-Reġjun Moravian-Sileżjan u dak ta’ Olomouc. Għexieren ta’ djar u madwar 1 000 pont ferrovjarju u tat-toroq flimkien ma’ 2 000 km ta’ toroq u linji ferrovjarji nqerdu, jew saritilhom il-ħsara. Aktar minn 350 skola sfaw mgħarrqa. ’Il fuq minn 250 000 unità domestika sfaw mingħajr elettriku, tisħin u ilma tax-xorb. Minħabba f’dan, aktar minn 13 000 persuna, kif ukoll diversi sptarijiet kellhom jiġu evakwati. L-għargħar wassal ukoll għal tmien imwiet.

(8)L-awtoritajiet Ċeki ma talbux assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

(9)Iċ-Ċekja stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE kien jilħaq il-EUR 1 699,5 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma, d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa, u l-edukazzjoni u jammonta għal EUR 1 583,9 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ u jammonta għal EUR 80 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 33,3 miljun. Ir-raba’ l-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u miżuri ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali u jammonta għal aktar minn EUR 2,4 miljun.

(10)Fiċ-Ċekja, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill saret prinċipalment permezz tal-Att Nru 254/2001 Coll., dwar l-ilmijiet, kif emendat. Il-kwistjoni tal-protezzjoni mill-għargħar hija s-suġġett tat-Titolu IX ta’ dan l-Att.

(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni ċ-Ċekja ma kinitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta man-natura tad-diżastru.

(12)L-awtoritajiet Ċeki ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kostijiet eliġibbli.

2.4Is-Slovakkja – diżastru naturali ta’ pajjiż ġar: għargħar ta’ Settembru 2024

(1)Fis-7 ta’ Diċembru 2024, is-Slovakkja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(2)Is-Slovakkja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE qabel l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fil-15 ta’ Settembru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ “diżastru naturali ta’ pajjiż ġar” kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament FSUE, li jistipula li l-assistenza mill-FSUE tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli ġar. Is-Slovakkja tistma li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tilħaq l-EUR 84,3 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,07 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tas-Slovakkja fl-2022. Billi l-istess diżastru naturali jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” fiċ-Ċekja, l-applikazzjoni mis-Slovakkja hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSUE mingħajr livell limitu speċifiku.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Is-Slovakkja ma talbitx il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Mill-15 ta’ Settembru 2024, is-Slovakkja esperjenzat għargħar sostanzjali, b’mod partikolari fi Bratislava u fir-reġjuni qrib. Kemm ix-xmara Danubju kif ukoll ix-xmara Morava raw żieda sinifikanti fil-livell tal-ilma, b’perjodi ta’ ritorn li qabżu l-100 sena f’xi lokalitajiet. Ix-xita kumulattiva laħqet sa 400 mm fir-reġjun ta’ Záhorie, li aggravat l-impatt. L-aktar ħsara sinifikanti saret lix-xmajjar iżgħar, fejn ġie rrapportat ksur ta’ digi, li amplifika l-għargħar u wassal għall-qerda kemm fiż-żoni rurali kif ukoll f’dawk urbani. It-toroq, il-pontijiet, u infrastruttura kritika oħra ġew affettwati b’mod gravi, li saħansitra ħolqu pressjoni fuq l-isforzi tar-rispons ta’ emerġenza.

(8)L-awtoritajiet Slovakki ma talbux assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

(9)Is-Slovakkja stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE laħaq it-EUR 3,7 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 2,3 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, u t-trasport u jammonta għal EUR 1,4 miljun.

(10)Is-Slovakkja ttrasponiet id-Direttiva 2007/60/KE 4 fil-liġi nazzjonali tagħha permezz tal-Att Nru 7/2010 Coll.

(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni is-Slovakkja ma kinitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta man-natura tad-diżastru.

(12)L-awtoritajiet Slovakki indikaw li l-kostijiet tal-assigurazzjoni kienu esklużi mill-kostijiet eliġibbli.

2.5Il-Moldova – diżastru naturali reġjonali: għargħar ta’ Settembru 2024

(1)Fil-5 ta’ Diċembru 2024, il-Moldova ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(2)Il-Moldova applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE qabel l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fl-14 ta’ Settembru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet tal-Moldova ppreżentaw l-applikazzjoni taħt il-kriterju “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE, li jfisser kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dak ir-reġjun. L-awtoritajiet tal-Moldova jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tammonta għal EUR 7,8 miljun. Skont ir-Regolament FSUE, meta d-diżastru naturali jkun jikkonċerna bosta reġjuni tal-livell NUTS 2, il-livell limitu għandu jiġi applikat għall-medja tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni, ponderata skont is-sehem tal-ħsara totali f’kull reġjun. Il-ħsara diretta espressa bħala perċentwal tal-PDG reġjonali ponderat totali taċ-Ċentru tal-Moldova u tar-reġjuni ta’ Nofsinhar tal-Moldova tan-NUTS 2 tammonta għal 51,74 %. Dan l-ammont jaqbeż il-1,5 % tal-medja ponderata tal-PDG reġjonali taċ-“Ċentru tal-Moldova” u tar-reġjuni tan-“Nofsinhar tal-Moldova”.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Il-Moldova hija pajjiż involut fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni u għalhekk eliġibbli għall-assistenza mill-FSUE. Madankollu, billi mhijiex Stat Membru, ma tikkwalifikax għall-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Bejn l-14 u s-16 ta’ Settembru 2024, ix-xita qawwija u l-għargħar li rriżulta laqtu d-distretti ta’ Cantemir, Hincesti, Leova, Straseni, Floresti u Telenesti fil-Moldova. Aktar minn 200 000 persuna ġew affettwati mid-diżastru. L-għargħar qered jew għamel ħsara lil 20 pont, 8 istituzzjonijiet edukattivi u diversi binjiet pubbliċi. Għexieren ta’ djar u kantini sfaw mgħarrqa u aktar minn 60 persuna kienu jeħtieġu s-salvataġġ.

(8)L-awtoritajiet tal-Moldova ma talbux assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

(9)Il-Moldova stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE laħaq is-EUR 7,2 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. Kważi l-ammont kollu mis-sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tat-trasport u tal-edukazzjoni.

(10)Id-Direttiva 2007/60/KE 5 ġiet trasposta parzjalment fil-Moldova.

(11)L-awtoritajiet tal-Moldova indikaw li l-kostijiet assigurati kienu esklużi mill-kostijiet eliġibbli.

2.6Il-Bożnija-Ħerzegovina – diżastru naturali maġġuri: għargħar ta’ Ottubru 2024

(1)Fis-27 ta’ Diċembru 2024, il-Bożnija-Ħerzegovina ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(2)Il-Bożnija-Ħerzegovina applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE qabel l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara l-4 ta’ Ottubru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tammonta għal EUR 841,85 miljun. Dan l-ammont jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għall-Bożnija-Ħerzegovina ta’ 0,6 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross, li fl-2024 kien ta’ EUR 138,33 miljun. Għalhekk, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Il-Bożnija-Ħerzegovina hija pajjiż involut fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni u għalhekk eliġibbli għall-assistenza mill-FSUE. Madankollu, peress li mhijiex Stat Membru, ma tikkwalifikax għall-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Bejn it-3 u s-17 ta’ Ottubru 2024, il-Bożnija-Ħerzegovina ntlaqtet minn xita qawwija, li kkawżat għargħar katastrofiku għal għarrieda, uqigħ tal-art u għargħar fil-partijiet ċentrali, tan-Nofsinhar u tal-Punent tal-pajjiż. L-aktar cantons affettwati kienu Ħerzegovina-Neretva, il-Bożnija Ċentrali, Zenica-Doboj u Canton 10. Minbarra l-qtugħ tal-elettriku li dam għal diversi jiem u t-tfixkil fis-servizzi tat-telefonija fissa u ċellulari, kien hemm ukoll taqlib totali fit-trasport bit-triq u bil-ferrovija. Dan ikkawża ħsara fiżika u finanzjarja serja lill-bini residenzjali u kummerċjali, kif ukoll lis-sistema tat-trasport, tal-ilma u tad-drenaġġ. L-għargħar wassal għal 27 fatalità u 22 persuna sfaw midruba. Ħafna familji kellhom jitilqu minn djarhom u ġew akkomodati f’lokalitajiet ta’ kenn temporanju.

(8)Fil-5 ta’ Ottubru 2024, l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina talbu assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. B’kollox, 8 Stati Membri u 5 stati parteċipanti wieġbu għat-talba.

(9)Il-Bożnija-Ħerzegovina stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE laħaq is-EUR 792,15 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma, d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa, u l-edukazzjoni li jammonta għal EUR 782,93 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ u jammonta għal EUR 5,68 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 3,45 miljun. Ir-raba’ l-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u miżuri ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali u jammonta għal EUR 82,41 elf.

(10)Fil-Bożnija-Ħerzegovina, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/60/KE tinsab għaddejja.

(11)L-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina indikaw li l-kostijiet assigurati kienu esklużi mill-kostijiet eliġibbli.

2.7Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq u wara l-valutazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diżastri msemmija fl-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Awstrija, mill-Polonja, miċ-Ċekja, mis-Slovakkja, mil-Moldova u mill-Bożnija-Ħerzegovina jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament FSUE għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE.

3.Finanzjament

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 6 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament QFP”), jipprevedi l-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR), Solidarity and Emergency Aid Reserve). Il-punt 10 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 7 (IIA) kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, jistabbilixxi l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tas-SEAR.

Billi s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ewlenija għall-ħolqien tal-FSUE, il-Kummissjoni jidhrilha li l-għajnuna jenħtieġ li tkun waħda progressiva. Konsegwentement, il-porzjon tal-ħsara li jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont, ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE) jenħtieġ li jwassal għal intensità ta’ għajnuna ogħla mill-porzjon tal-ħsara taħt il-livell limitu. Dan ifisser li l-ammont ta’ għajnuna għal pajjiż milqut minn diżastru li jikkonforma mal-kundizzjonijiet għal “diżastru naturali maġġuri” jiġi kkalkulat billi jingħaddu żewġ ammonti: 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-livell limitu u 6 % għall-parti tal-ħsara diretta totali ’l fuq mil-livell limitu.

Ir-rata applikata għad-definizzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna għal “diżastri naturali reġjonali”, li tibqa’ taħt il-livell limitu nazzjonali, hija ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali. Meta ssir applikazzjoni għall-assistenza mill-FSUE abbażi tal-kriterju ta’ “pajjiż ġar”, ma hemm l-ebda livell limitu għall-ħsara diretta totali mġarrba. Ir-rata applikata għad-definizzjoni ta’ ammont ta’ għajnuna għal diżastru taħt il-kriterju ta’ “pajjiż ġar” hija l-istess bħal fil-każ ta’ “diżastru reġjonali”, jiġifieri 2,5 % tal-ħsara diretta totali. Il-kontribuzzjoni FSUE ma tistax taqbeż il-kost totali stmat tal-operazzjonijiet eliġibbli.

Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar l-FSUE u ġiet aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi lill-awtorità tal-baġit biex timmobilizza l-ammonti li ġejjin:

Diżastru

Ħsara diretta totali (EUR)

Livell limitu applikat għal diżastru

(EUR)

2,5 % tal-ħsara diretta totali (sal-livell limitu tad-diżastri maġġuri) (EUR)

6 % tal-ħsara diretta ’l fuq mil-livell limitu għal diżastru maġġuri (EUR)

2,5 % tal-ħsara diretta totali

Ammont totali tal-għajnuna proposta (EUR)

Pagament antiċipat li tħallas

(EUR)

Bilanċ li jrid jitħallas

(EUR)

L-għargħar tal-Awstrija

(diżastru fil-viċinat)

1 711 563 002

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

42 789 075

42 789 075

10 663 587

32 125 488

L-għargħar tal-Polonja

(diżastru reġjonali)

3 039 957 574

538 909 893

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

75 998 939

75 998 939

Mhux applikabbli

75 998 939

Iċ-Ċekja

(diżastru maġġuri)

2 821 143 019

1 579 680 000

39 492 000

74 487 781

Mhux applikabbli

113 979 781

Mhux applikabbli

113 979 781

L-għargħar tas-Slovakkja

(diżastru fil-viċinat)

84 327 482

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

2 108 187

2 108 187

Mhux applikabbli

2 108 187

L-għargħar tal-Moldova

(diżastru reġjonali)

7 807 840

226 331

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

195 196

195 196

Mhux applikabbli

195 196

L-għargħar tal-Bożnija-Ħerzegovina

(diżastru maġġuri)

841 851 670

138 325 000

3 458 125

42 211 600

Mhux applikabbli

45 669 725

Mhux applikabbli

45 669 725

TOTAL

280 740 903

10 663 587

270 077 316

Ir-Regolament tal-Kunsill 2024/765 8 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 qasam ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR) f’żewġ strumenti separati: ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza. Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea b’ammont annwali ta’ EUR 1 016 miljun (fi prezzijiet tal-2018, li jikkorrispondi għal EUR 1 167,1 miljun fi prezzijiet tal-2025) se tintuża għal assistenza b’rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza koperti mill-FSUE.

F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament FSUE u l-Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament QFP emendat, 25 % tal-allokazzjoni annwali tal-FSUE (jiġifieri EUR 291,8 miljun għall-2025) trid issir disponibbli fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4a(4) tar-Regolament FSUE, l-ammont ta’ EUR 50 000 000 diġà tniżżel fil-baġit ġenerali tal-UE tal-2025 (f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament) għall-ħlas ta’ pagamenti antiċipati possibbli.

Fl-aħħar nett, f’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP, kull porzjon tal-ammont annwali mhux użat f’sena partikolari n jista’ jintuża sas-sena n+1. Għalhekk, l-ammont ta’ EUR 194,3 miljun ġie riportat mill-2024.

Għaldaqstant, l-ammont massimu li jista’ jintuża mill-FSUE f’dan l-istadju huwa ta’ EUR 908,95 miljun (minbarra r-riżerva għall-pagamenti antiċipati u l-ammont li jsir disponibbli fl-1 ta’ Ottubru). Wara din il-mobilizzazzjoni se jibqgħu disponibbli EUR 980,64 miljun għall-mobilizzazzjonijiet futuri.

Ammont disponibbli taħt l-FSUE fl-2025 (f’EUR):

 

Allokazzjoni totali annwali tal-FSUE għall-2025 (inkluż is-segment tal-1 ta’ Ottubru)

1 167 064 638

Ammont riportat mill-2024 (inklużi pagamenti antiċipati mhux użati) (+)

194 316 161

Krediti riżervati għal pagamenti antiċipati (-)

50 000 000

Ammont diġà użat għal pagamenti antiċipati lil Spanja u lill-Awstrija (-)

110 663 587

Ammont disponibbli biss wara l-1 ta’ Ottubru (-)

291 766 160

Ammont totali disponibbli attwalment (minbarra r-riżerva għall-pagamenti antiċipati u l-porzjon tal-1 ta’ Ottubru)

908 951 052

Ammont propost għall-mobilizzazzjoni skont id-Deċiżjoni ta’ Mobilizzazzjoni attwali (għandu jitħallas biss il-bilanċ)

270 077 316

Ammont li jifdal għal applikazzjonijiet futuri (inkluż għall-pagamenti antiċipati u għall-porzjon tal-1 ta’ Ottubru)

980 639 896

2025/0138 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Awstrija, lill-Polonja, liċ-Ċekja, lis-Slovakkja u lill-Moldova b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru 2024 u lill-Bożnija-Ħerzegovina b’rabta mal-għargħar ta’ Ottubru 2024

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 9 u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 10 , u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjoni tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali maġġuri jew reġjonali jew emerġenzi maġġuri tas-saħħa pubblika.

(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 11 .

(3)Fid-29 ta’ Novembru 2024, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(4)Fid-29 ta’ Novembru 2024, il-Polonja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(5)Fl-4 ta’ Diċembru 2024, iċ-Ċekja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(6)Fis-7 ta’ Diċembru 2024, is-Slovakkja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(7)Fil-5 ta’ Diċembru 2024, il-Moldova ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ta’ Settembru 2024.

(8)Fis-27 ta’ Diċembru 2024, il-Bożnija-Ħerzegovina ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ta’ Ottubru 2024.

(9)Dawn l-applikazzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Awstrija, lill-Polonja, liċ-Ċekja, lis-Slovakkja, lill-Moldova u lill-Bożnija-Ħerzegovina.

(11)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għal diżastri naturali:

(a)l-ammont ta’ EUR 42 789 075 għandu jingħata lill-Awstrija fir-rigward tal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(b)l-ammont ta’ EUR 75 998 939 għandu jingħata lill-Polonja fir-rigward tal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(c)l-ammont ta’ EUR 113 979 781 għandu jingħata liċ-Ċekja fir-rigward tal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(d)l-ammont ta’ EUR 2 108 187 għandu jingħata lis-Slovakkja fir-rigward tal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(e)l-ammont ta’ EUR 195 196 għandu jingħata lill-Moldova fir-rigward tal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(f)l-ammont ta’ EUR 45 669 725 għandu jingħata lill-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-għargħar ta’ Ottubru 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 12*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President        Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj).
(2)    Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (id-“Direttiva dwar l-Għargħar”).
(3)    Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (id-“Direttiva dwar l-Għargħar”).
(4)    Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (id-“Direttiva dwar l-Għargħar”).
(5)    Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (id-“Direttiva dwar l-Għargħar”).
(6)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.
(7)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).
(9)    ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj.
(10)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(11)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj).
(12) *    Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni f’Il-ĠU.