Official Journal L 272 , 25/10/2000 P. 0026 - 0026
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2000 dwar il-konklużjoni ta' l-emenda għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu (2000/646/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3), Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Billi: (1) Il-Komunità, minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom għall-ambjent, permezz tad-Deċiżjoni 88/540/KEE [2] saret parti tal-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-Ħarsien tas-Saff ta' Ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu, u permezz tad-Deċiżjoni 91/690/KEE [3] approvat l-ewwel emenda ta' l-imsemmi Protokoll u permezz tad-Deċiżjoni 94/68/KE [4] approvat it-tieni emenda ta' l-imsemmi Protokoll. (2) Provi riċenti jindikaw li sabiex ikun hemm ħarsien adegwat tas-saff ta' ożonju jinħtieġ grad ta' kontroll fuq il-kummerċ ta' sustanzi li jnaqqsu l-ożonu ogħla minn dak stipulat mill-Protokoll ta' Montreal kif emendat fl-1992. L-istess provi jindikaw li għandu jkun hemm sorveljanza u kontroll ta' kummerċ addizzjonali f'sustanzi kontrollati li jnaqqsu l-ożonu u b'mod partikolari dwar metil bromid. (3) F'Settembru ta' l-1997 f'Montreal kienet adottata t-tielet emenda li tintroduċi dawn il-kontrolli. Il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, ħadet sehem fin-negozjati u fil-ftehim dwar din l-emenda. (4) Il-Komunità adottat miżuri fil-qasam kopert mill-emenda u għandha għalhekk tassumi impenji internazzjonali f'dan il-qasam. (5) Jeħtieġ li l-Komunità tapprova t-tielet emenda tal-Protokoll ta' Montreal minħabba li d-disposizzjonijiet tiegħu għandhom x'jaqsmu ma’ kummerċ f'sustanzi kontrollati bejn il-Komunità u Partijiet oħrajn, li l-implimentazzjoni tagħhom hija r-responsabbilità tal-Komunità, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 It-tielet emenda għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' ożonu qed tkun approvata f'isem il-Komunità. It-test ta' din l-emenda huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill qed ikun awtorizzat biex jinnomina lill-persuna jew persuni li għandhom is-setgħa biex jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni ta' din it-tielet emenda f'isem il-Komunità mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna, li għandu jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 3 tat-tielet emenda għall-Protokoll ta' Montreal. Artikolu 3 Din id- Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Ottubru 2000. Għall-Kunsill Il-President L. Fabius [1] ĠU C 21 E, tal-25.1.2000, pġ. 9. [2] ĠU L 297, tal-31.10.1988, pġ. 8. [3] ĠU L 277, tal-31.12.1991, pġ. 28. [4] ĠU L 33, tas-7.2.1994, pġ. 1. --------------------------------------------------