SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
30 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni mogħnija b’mezzi għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva (UE) 2019/1 – Indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Artikolu 4(5) – Iffissar tal-prijoritajiet għall-proċeduri relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE – Multi imposti fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi – Artikolu 13 – Proċeduri ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni – Osservanza tat-terminu raġonevoli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu tal-awtorità nazzjonali li tipproċedi għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’terminu ta’ dekadenza ta’ 90 jum mill-għarfien tal-elementi essenzjali tal-ksur – Annullament sħiħ u awtomatiku tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Dekadenza tas-setgħa li tinfetaħ proċedura ġdida ta’ ksur għall-istess fatti – Prinċipju ta’ effettività – Drittijiet tad-difiża tal-impriżi”
Fil-Kawża C‑511/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura
Caronte & Tourist SpA
vs
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,
fil-preżenza ta’:
Unione nazionale consumatori - Comitato regionale della Sicilia,
Unione nazionale consumatori,
Assarmatori,
Confederazione Italiana Armatori,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, F. Biltgen, President tal-Ewwel Awla, I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Caronte & Tourist SpA, minn D. Astorre, F. Cintioli, M. Siragusa u R. Tremolada, avvocati, |
|
– |
għall‑Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, minn F. Sclafani, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Unione nazionale consumatori - Comitato regionale della Sicilia, minn P. Intilisano, avvocato, |
|
– |
għal Assarmatori, minn P. Molea u A. Police, avvocati, |
|
– |
għal Confederazione Italiana Armatori, minn G. Morbidelli u R. Righi, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca u P. Gentili, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn D. Csoknyai, Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Slovakk, minn E. Drugda u S. Ondrášiková, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castillo de la Torre, G. Conte u C. Sjödin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Caronte & Tourist SpA (iktar ’il quddiem “C&T”) u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li Tiżgura l-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) dwar sanzjonijiet imposti minn din tal-aħħar lil C&T minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattat FUE
|
3 |
Skont l-Artikolu 102 TFUE: “Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit. Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:
[…]” |
Id-Direttiva (UE) 2019/1
|
4 |
Il-premessi 1, 2, 6, 8, 23 u 40 tad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3), jiddikjaraw kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti regoli sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom il-garanziji meħtieġa ta’ indipendenza, riżorsi, u setgħat ta’ infurzar u ta’ impożizzjoni ta’ multi sabiex ikunu jistgħu japplikaw b’mod effettiv l-Artikoli 101 u 102 TFUE, sabiex ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-konsumaturi u l-impriżi ma jitpoġġewx fi żvantaġġ minn liġijiet u miżuri nazzjonali li jimpedixxu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jkunu inforzaturi effettivi.” |
|
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Salvagwardji”: “1. Il-proċedimenti dwar ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inkluż l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija f’din id-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, inkluż id-dritt għal smigħ u d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal. 3. […] L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jadottaw dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.” |
|
8 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2019/1, intitolat “Indipendenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu: “L-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom għat-twettiq tal-kompiti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Direttiva. Sal-miżura li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni huma obbligati jikkunsidraw ilmenti formali, dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom is-setgħa li jirrifjutaw tali lmenti għar-raġuni li huma ma jqisux tali ilmenti bħala prijorità għall-infurzar. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni li jirrifjutaw ilmenti għal raġunijiet oħra definiti mil-liġi nazzjonali.” |
|
9 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Riżorsi”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw bħala minimu li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom għadd suffiċjenti ta’ membri tal-persunal ikkwalifikati u biżżejjed riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi li huma meħtieġa għat-twettiq effettiv ta’ dmirijiethom, u għall-eżerċizzju effettiv tas-setgħat tagħhom għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif stipulat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. 2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom ikunu jistgħu, bħala minimu, iwettqu investigazzjonijiet bil-ħsieb li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE, jadottaw deċiżjonijiet li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 1/2003] u jikkooperaw mill-qrib fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. […] […]” |
|
10 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jew jimponu permezz ta’ deċiżjoni fi proċedimenti ta’ infurzar tagħhom stess, jew inkella jitolbu fi proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali, l-impożizzjoni ta’ multi effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fejn, b’intenzjoni jew b’negliġenza, dawn jiksru l-Artikolu 101 jew 102 TFUE.” |
|
11 |
L-Artikolu 29 tal-istess direttiva, intitolat “Regoli dwar il-perijodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni skont l-Artikoli 13 u 16 għandhom jiġu sospiżi jew interrotti għad-durata tal-proċedimenti ta’ infurzar quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra jew il-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur li jirrigwarda l-istess ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni, prattika miftiehma jew aġir ieħor ipprojbit mill-Artikolu 101 jew 102 TFUE. […]” |
|
12 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2019/1, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill‑4 ta’ Frar 2021. Konformement mal-Artikolu 36 tagħha, l-imsemmija direttiva daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ Frar 2019. |
Id-dritt Taljan
Il-Liġi Nru 287/90
|
13 |
L-Artikolu 1 tal-legge n. 287 – Norme per la tutela della concorrenza e del mercato (il-Liġi Nru 287 dwar l-Adozzjoni ta’ Dispożizzjonijiet Relatati mal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tas-Suq), tal‑10 ta’ Ottubru 1990 (GURI Nru 240 tat‑13 ta’ Ottubru 1990, p. 3), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 287/90”), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u relazzjoni mad-dritt [tal-Unjoni]”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu ssir abbażi tal-prinċipji tad-dritt [tal-Unjoni] applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni.” |
|
14 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Abbuż minn pożizzjoni dominanti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Huwa pprojbit min-naħa ta’ impriża waħda jew iktar, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali jew parti sostanzjali minnu; huwa pprojbit ukoll:
[…]” |
|
15 |
L-Artikolu 31 tal-imsemmija liġi, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-multi amministrattivi konsekuttivi għall-ksur ta’ din il-liġi huma suġġetti, sa fejn ikunu applikabbli, għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu I, Taqsima I u II, tal‑[legge n. 689 – Modifiche al sistema penale (il-Liġi Nru 689, li Temenda s-Sistema Kriminali), tal‑24 ta’ Novembru 1981, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-‘Liġi Nru 689/81’)].” |
Il-Liġi Nru 689/81
|
16 |
Il-Liġi Nru 689/81 tirregola s-sistema ġenerali tal-multi amministrattivi u, fl-Artikolu 14 tagħha, intitolat “Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u komunikazzjoni”, tipprevedi: “Il-ksur għandu, jekk possibbli, jiġi kkomunikat immedjatament kemm lil min iwettaq il-ksur kif ukoll lill-persuna marbuta in solidum għall-ħlas tas-somma dovuta minħabba dan il-ksur. Meta ma jkunx hemm komunikazzjoni immedjata lill-persuni kollha msemmija fil-paragrafu preċedenti, l-elementi tal-ksur għandhom jiġu kkomunikati lill-persuni kkonċernati li jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika f’terminu ta’ 90 jum u lil dawk li jirrisjedu f’pajjiż barrani f’terminu ta’ 360 jum sa mill-konstatazzjoni [tal-ksur]. Meta d-dokumenti relatati mal-ksur jintbagħtu lill-awtorità kompetenti permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja, it-termini previsti fil-paragrafu preċedenti jibdew jiddekorru mid-data li fiha tirċievi [dawn id-dokumenti]. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
17 |
C&T tipprovdi servizz ta’ trasbord fl-Istrett ta’ Messina (l-Italja). Fl‑24 ta’ Marzu 2018, l-AGCM irċeviet senjalazzjoni minn konsumatur li lmenta dwar il-prezzijiet eċċessivament għoljin ta’ dawn is-servizzi u talab il-ftuħ ta’ investigazzjoni. Fit‑23 ta’ April 2019, l-AGCM bagħtet talba għal informazzjoni lill-awtorità portwali ta’ Messina, segwita, fid‑19 ta’ Novembru 2019, bi tfakkira li għaliha din l-awtorità wieġbet fis‑26 ta’ Novembru 2019. |
|
18 |
Fl‑4 ta’ Awwissu 2020, l-AGCM ikkomunikat lil C&T bid-deċiżjoni li tiftaħ proċedura intiża għall-konstatazzjoni ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2022, l-AGCM ikkonstatat, fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 287/90, l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti minn C&T minħabba l-impożizzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi għas-servizz ta’ trasbord ta’ vetturi fl-Istrett ta’ Messina. Konsegwentement, din l-awtorità ordnat lil C&T twaqqaf tali prattika fil-futur u, fid-dawl tal-gravità tal-ksur, imponietilha multa ta’ EUR 3719370. |
|
20 |
C&T kkontestat id-deċiżjoni tal-AGCM tal‑11 ta’ April 2022 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi invokat, b’mod partikolari, in-natura tardiva tal-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura li tat lok għal din id-deċiżjoni. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza reċenti tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-proċeduri mmexxija mill-AGCM fil-qasam tal-kompetizzjoni huma suġġetti għall-osservanza tal-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 689/81, li bis-saħħa tiegħu din l-awtorità hija marbuta, suġġett għad-dekadenza tas-setgħa tagħha li tissanzjona, tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’terminu ta’ 90 jum mill-mument meta ssir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat (iktar ’il quddiem it-“terminu inkwistjoni”). |
|
22 |
Il-punt inizjali eżatt tat-terminu inkwistjoni huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju li fil-kuntest tiegħu l-qorti amministrattiva għandha twettaq evalwazzjoni retrospettiva u tivverifika minn liema mument l-elementi għad-dispożizzjoni tal-AGCM f’mument speċifiku kienu suffiċjenti sabiex din tkun tista’ tagħmel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u b’hekk tagħti bidu għall-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura. Kull qbiż ta’ dan it-terminu jagħti lok għall-annullament, fl-intier tiegħu, tad-deċiżjoni tal-AGCM adottata fi tmiem il-proċedura ta’ ksur. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, din l-awtorità ma tkunx iżjed f’pożizzjoni li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika, anki meta l-impriża kkonċernata qatt ma tkun waqfet milli twettaq dan il-ksur. |
|
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni tippreġudika l-awtonomija tal-AGCM billi tobbligaha tinvestiga każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha billi ssegwi ordni purament kronoloġika, mingħajr ma din tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi partikolari inerenti għal kull każ. Fid-dawl tal-kumplessità kbira tal-attività tal-AGCM, b’mod partikolari waqt investigazzjonijiet dwar il-prattiki ta’ atturi ekonomiċi kbar, antiċipazzjoni eċċessiva tal-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura żżid ir-riskju li din l-awtorità ma tasalx tiġbor l-elementi neċessarji u suffiċjenti bil-għan li jiġi stabbilit il-ksur ikkritikat. |
|
24 |
Barra minn hekk, peress li l-impriża kkonċernata ma hijiex marbuta, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali hekk kif interpretat mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li tistabbilixxi li hija ġarrbet preġudizzju minħabba l-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura lil hinn mit-terminu inkwistjoni, minn dan tirriżulta preżunzjoni inkonfutabbli ta’ preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża ta’ din l-impriża sempliċement minħabba dan il-qbiż ta’ terminu. |
|
25 |
Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni ta’ terminu li l-punt inizjali tiegħu jkun jiddependi mill-każ inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li l-osservanza tagħhom għandha tkun tista’ tiġi pretiża mill-impriżi ssanzjonati. |
|
26 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni għall-proċeduri ta’ investigazzjoni dwar ksur imwettaq fil-qasam ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 102 TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-effettività tal-azzjoni amministrattiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-[Liġi Nru 689/81] – kif interpretat fil-ġurisprudenza – li timponi fuq l-[AGCM] obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni għall-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fi żmien it-terminu ta’ dekadenza ta’ disgħin jum, li jibda jiddekorri mill-mument li fih l-Awtorità jkollha għarfien tal-elementi essenzjali tal-ksur, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jkunu ssodisfati mal-ewwel notifika tal-ksur[?]” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
28 |
C&T u Assarmatori jikkunsidraw, essenzjalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli ġaladarba l-ksur allegat kontra C&T ma huwiex ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE, iżda huwa bbażat esklużivament fuq ksur tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 287/90 li jipprojbixxi, fuq livell nazzjonali, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti. B’hekk l-AGCM għażlet li tapplika esklużivament id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, id-domanda magħmula tirrigwarda talba għal interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jiġifieri tal-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 689/81, li taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u ma fiha ebda rabta mad-dritt sostantiv tal-kompetizzjoni. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjoni fejn operatur ekonomiku jkun ġie ssanzjonat minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti unikament skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, din tista’ madankollu tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE meta din id-dispożizzjoni tkun saret applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati mid-dritt tal-Unjoni, ikun jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti misluta minn dan id-dritt jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu liema jkunu l-kundizzjonijiet li fihom ikunu meħtieġa li jiġu applikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 24, 26 sa 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, bis-saħħa tal-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/90, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tagħha għandha ssir fuq il-bażi tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi għandha portata leġiżlattiva għalkollox ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 102 TFUE. |
|
31 |
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tal-Liġi Nru 287/90, li fosthom jinsab l-imsemmi Artikolu 3, jikkonformaw ruħhom, għas-soluzzjonijiet li jipprovdu għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 23). |
|
32 |
Barra minn hekk, il-fatt li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jinsabu fit-Titolu I tal-Liġi Nru 287/90, iżda jirrigwardaw dik tad-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 689/81, ma għandu ebda effett fuq l-ammissibbiltà tat-talba. |
|
33 |
Fil-fatt, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), l-Artikolu 31(1) tal-Liġi Nru 689/81 jagħmel l-Artikolu 14 tagħha applikabbli għall-multi amministrattivi konsekuttivi għall-ksur tal-Liġi Nru 287/90. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali ta’ Stat Membru ma hijiex suġġetta għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkwantu l-kompetenza li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-adozzjoni ta’ tali dispożizzjoni għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tar-rekwiżiti magħmula, f’dan ir-rigward, minn dan id-dritt. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
35 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha l-obbligu li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha u li tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-ħtieġa, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment fit-test tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Minn naħa, hija ġurisprudenza stabbilita li, matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jibqgħu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament it-twettiq tar-riżultat previst minn din id-direttiva (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Peress li l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri huma suġġetti għall-obbligu li jiggarantixxu l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu ta’ astensjoni ddikjarat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza japplika bl-istess mod għall-qrati nazzjonali. B’hekk, mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, il-qrati tal-Istati Membri għandhom joqgħodu lura, sa fejn huwa possibbli, milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jkun jista’ jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni ta’ krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn), C‑687/22, EU:C:2024:287, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-AGCM li tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura ta’ ksur fir-rigward ta’ C&T ġiet adottata fl‑4 ta’ Awwissu 2020 u għaldaqstant matul it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 34(1) u mal-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, din daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ Frar 2019 u l-Istati Membri kellhom obbligu jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mill‑4 ta’ Frar 2021. |
|
39 |
B’dan premess, mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2019/1, moqri fid-dawl tal-premessi 1, 6 u 8 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi, għall-finijiet tal-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ċerti garanziji fundamentali intiżi li jippermettu lil dawn l-awtoritajiet jaġixxu b’mod kompletament effikaċi fl-implimentazzjoni effettiva tal-imsemmija dispożizzjonijiet, b’mod partikolari bil-għan li jiġu żgurati swieq kompetittivi ġusti u miftuħa, li jiġu protetti l-konsumaturi u l-impriżi minn prattiki antikompetittivi kif ukoll li jiġi evitat li tali prattiki ma jiġux issanzjonati. |
|
40 |
Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni tal-AGCM li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni kontradittorja kinitx tardiva fir-rigward tat-terminu inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju jkollha, konformement mat-tagħlim li jirriżulta mill-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2019/1, b’tali mod li jkun hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula billi jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni dan l-att tal-Unjoni. |
|
41 |
Min-naħa l-oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax biss li l-proċeduri ta’ ksur taħt il-Liġi Nru 287/90 huma suġġetti għat-terminu inkwistjoni iżda wkoll li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu jagħti lok għall-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali adottata mill-AGCM kif ukoll id-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida bbażata fuq l-istess fatti. |
|
42 |
Sabiex tingħata risposta għalkollox utli, għalhekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2019/1 u l-Artikolu 102 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, waqt proċedura mmexxija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni intiża għall-konstatazzjoni ta’ prattika antikompetittiva, minn naħa, timponi lil din l-awtorità tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja ta’ din il-proċedura billi tikkomunika d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata f’terminu ta’ 90 jum mill-mument li fih issir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat, fejn jista’ jkun li dawn jillimitaw ruħhom għall-ewwel identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu permezz tal-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali tal-imsemmija awtorità fi tmiem il-proċedura ta’ ksur kif ukoll permezz tad-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni li tirregola t-termini proċedurali fil-qasam tal-istabbiliment tal-ksur u tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu u japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C-308/19, EU:C:2021:47, punti 43 sa 45). |
|
44 |
Madankollu, għalkemm l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, dawn ma jistgħux jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt u, speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiżguraw li r-regoli li jistabbilixxu jew japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export,C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-iffissar ta’ termini proċedurali raġonevoli fil-qasam tal-istabbiliment tal-ksur u tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali termini raġonevoli huma stabbiliti fl-interess kemm tal-impriżi kkonċernati kif ukoll ta’ dawn l-awtoritajiet, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export,C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 48). |
|
46 |
B’hekk, ir-regoli nazzjonali li jiffissaw it-termini proċedurali fil-qasam tal-istabbiliment tal-ksur u tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ikollhom it-tendenza li l-każijiet jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli filwaqt li ma jkollhomx bħala effett li jikkompromettu l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2019/1 fl-ordinament ġuridiku intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 49). |
|
47 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni tosservax tali ekwilibriju, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul tat-terminu kkonċernat kif ukoll il-modalitajiet kollha ta’ applikazzjoni tagħha, bħad-data li fiha tibda tiddekorri, il-modalitajiet li għandhom iseħħu sabiex dan it-terminu jingħata bidu kif ukoll dawk li jippermettu s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 50, u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 30). |
|
48 |
Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi partikolari marbuta mal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod iktar partikolari, il-fatt li dawn il-kawżi jeħtieġu, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 51). |
|
49 |
Barra minn hekk, għall-finijiet tal-iffissar tal-limiti ratione temporis raġonevoli madwar il-proċeduri mressqa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali bil-għan li jissanzjonaw il-prattiki antikompetittivi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ termini suffiċjentement preċiża, ċara u prevedibbli sabiex l-atturi kollha involuti jkunu jistgħu jsiru jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li r-regoli inkwistjoni jimponulhom u sabiex b’konsegwenza ta’ dan jieħdu l-miżuri tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 49; tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 48, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2024, Die Länderbahn et, C‑582/22, EU:C:2024:213, punt 66). |
|
50 |
F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar proċeduri ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mressqa mill-Kummissjoni jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli hija meħtieġa, bħala prinċipju, f’kull stadju involut f’dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 199 u 230, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 37 sa 39). |
|
51 |
Għal raġunijiet analogi, waqt l-iffissar tat-termini proċedurali fil-qasam tal-istabbiliment tal-ksur u tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri jistgħu mhux biss jipprevedu regoli ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-proċedura ta’ ksur fl-intier tagħha, iżda jistgħu jipprevedu wkoll, jekk ikun il-każ, termini madwar l-iżvolġiment ta’ ċerti stadji ta’ din il-proċedura, bħal dik tal-fażi li tippreċedi l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata, sa fejn it-termini inkwistjoni jkunu konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punti 46 sa 49 ta’ din is-sentenza. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ din il-fażi għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 82). B’mod iktar partikolari, it-tul ta’ terminu proċedurali madwar l-imsemmija fażi għandu jkun materjalment suffiċjenti sabiex jiżgura l-iżvolġiment it-tajjeb tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 29, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba ulterjuri – Terminu għall-preżentata ta’ rikors), C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 57). |
|
53 |
Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mressqa mill-Kummissjoni, il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li testendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma hijiex intiża biss sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew li ma jikkonfermawx l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda wkoll sabiex tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar l-orjentazzjoni tal-proċedura kif ukoll dwar is‑segwitu ulterjuri li għandu jingħata lil din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 182, kif ukoll tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 113). |
|
54 |
Għalkemm il-kumplessità ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni tista’ tiġġustifika li l-fażi preliminari tagħha tinfirex fuq perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 62, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Irish Wind Farmers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, C‑578/21 P, EU:C:2022:898, punt 88), b’danakollu l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata toqgħod fi stat ta’ inazzjoni matul din il-fażi tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, C‑282/95 P, EU:C:1997:159, punt 36, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 81). |
|
55 |
Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat bis-sħiħ fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tikkostitwixxi l-garanzija essenzjali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il‑Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, EU:C:2017:819, punti 139 u 140; tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 60, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 56). Dan huwa kkonfermat mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2019/1, li, bis-saħħa tagħha, l-Istati Membri għandhom iħarsu sabiex, qabel ma jieħdu deċiżjoni intiża li tikkonstata u li tordna l-waqfien ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jadottaw dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
|
56 |
Għalhekk il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza huma rilevanti wkoll fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mressqa, fuq livell nazzjonali, minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bil-għan li jitwaqqaf ksur tal-Artikolu 102 TFUE. |
|
57 |
B’dan premess, sabiex iwettqu b’mod effikaċi l-obbligu tagħhom li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jallokaw livelli ta’ prijorità differenti għall-ilmenti li jitressqu quddiemhom billi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, f’dan ir-rigward, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 46, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il‑Kummissjoni, C‑56/12 P, EU:C:2013:575, punti 72 u 83). |
|
58 |
Ir-rikonoxximent ta’ tali marġni ta’ evalwazzjoni huwa ġġustifikat ukoll fir-rigward tad-Direttiva 2019/1, li l-Artikolu 5(1) u (2) tagħha jipprevedi, essenzjalment, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom ikollhom ir-riżorsi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jwettqu investigazzjonijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, jikkooperaw fi ħdan in-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni msemmi fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva u jadottaw deċiżjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-waqfien minn ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. |
|
59 |
Sabiex ikunu f’pożizzjoni li jwettqu dawn il-kompiti b’osservanza tal-indipendenza operattiva tagħhom, dawn l-awtoritajiet għandhom, konformement mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2019/1, ikollhom is-setgħa li jiffissaw il-prijoritajiet tagħhom. Kif jirriżulta mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, din is-setgħa hija intiża li tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jagħmlu użu effikaċi mir-riżorsi tagħhom, u jiffukaw fuq il-prevenzjoni u l-waqfien tal-imġiba antikompetittiva fis-suq intern |
|
60 |
Kemm mill-għan innifsu tal-fażi li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ proċedura ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni kif ukoll mill-marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu jkollha awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fit-tfassil tal-prijoritajiet għall-proċeduri tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE jirriżulta li, waqt din il-fażi tal-proċedura, tali awtorità għandha tkun f’pożizzjoni mhux biss li tipproċedi għall-miżuri kollha ta’ investigazzjoni minn qabel kif ukoll għall-evalwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi ta’ spiss kumplessi li huma neċessarji għaliha sabiex tevalwa jekk il-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja huwiex iġġustifikat, iżda wkoll li tagħżel, skont il-livell ta’ prijorità li hija tixtieq talloka, fl-eżerċizzju tal-indipendenza operattiva tagħha, lil proċedura ta’ ksur fis-seħħ, l-iktar mument opportun sabiex tagħti bidu, jekk ikun il-każ, għall-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tagħha. |
|
61 |
B’hekk, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tipposponi temporanjament il-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja fi proċedura speċifika fil-mument li tkun diġà stabbilixxiet l-eżistenza tal-elementi essenzjali tal-ksur allegat. Tali possibbiltà hija konformi mal-għan li l-awtorità kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tipproċessa b’mod adegwat il-proċeduri kollha ta’ ksur li jkunu tressqu quddiemha. Din tista’ tikkontribwixxi wkoll għal użu effikaċi tar-riżorsi disponibbli u tiffavorixxi l-kooperazzjoni xierqa fi ħdan in-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni. Madankollu, tali posponiment temporanju ma jistax ikollu bħala konsegwenza qbiż tat-terminu raġonevoli li fih il-fażi li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ proċedura ta’ ksur għandha tiġi konkluża. |
|
62 |
Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tiegħu, Stat Membru għandu jiggarantixxi mhux biss l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tal-aġir kontra l-ksur ta’ dan id-dritt u l-waqfien ta’ tali ksur, iżda wkoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari, dak tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati minn proċeduri ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 63, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 98). |
|
63 |
Konformement mal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2019/1, l-eżerċizzju tas-setgħat li, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu rrikonoxxuti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, huwa suġġett għal garanziji xierqa għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi b’mod partikolari d-dritt għal smigħ. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tul eċċessiv tal-fażi li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jista’ jkollu effett fuq il-possibbiltajiet futuri ta’ difiża tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari billi jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura ta’ ksur li għaliha huma suġġetti. Fil-fatt, iktar ma jgħaddi żmien bejn miżura ta’ investigazzjoni preliminari u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iktar isir probabbli li eventwali provi ġustifikattivi rigward il-ksur inkwistjoni f’din il-komunikazzjoni ma jkunux jistgħu jinġabru iżjed jew ikunu jistgħu jinġabru biss b’diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 49). |
|
65 |
Għalkemm it-termini proċedurali raġonevoli għalhekk huma intiżi, b’mod partikolari, li jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li huma suġġetti għal proċedura ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi termini proċedurali fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għall-għanijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati sabiex ma tiġix ippreġudikata l-effettività sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 52). |
|
66 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-AGCM għandha obbligu li tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’terminu fiss ta’ 90 jum mill-mument li fih jiġu stabbiliti l-elementi essenzjali tal-ksur allegat. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni għandu bħala konsegwenza, minn naħa, l-annullament sħiħ, b’mod awtomatiku, tad-deċiżjoni finali adottata mill-AGCM fi tmiem il-proċedura ta’ ksur, dejjem sa fejn din tkun tirrigwarda l-waqfien tal-aġir antikompetittiv kif ukoll is-sanzjonijiet imposti fuq l-impriża kkonċernata. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità hija, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, definittivament prekluża milli tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess aġir antikompetittiv. Kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li jipproteġu d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi matul il-proċedura ta’ ksur li għalihom huma suġġetti billi jinformawhom fi żmien xieraq dwar l-ilmenti kontrihom. |
|
67 |
Kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 107 sa 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni tista’ tobbliga lill-AGCM titratta mingħajr distinzjoni l-proċeduri kollha ta’ ksur li jitressqu quddiemha billi ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull proċedura iżda billi ssegwi biss ordni kronoloġika b’tali mod li ma tkunx tista’ tistabbilixxi u timplimenta prijoritajiet għall-proċeduri tagħha relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. B’hekk din l-awtorità tista’ tkun obbligata tressaq proċeduri ta’ investigazzjoni fuq bażijiet fattwali u legali inċerti jew tiffavorixxi t-trattament ta’ ċerti kategoriji ta’ każijiet li r-riżorsi disponibbli tagħha jippermettulha titratta lil hinn mill-istadju tal-investigazzjoni preliminari, jekk ikun il-każ, għad-detriment ta’ każijiet partikolarment kumplessi u li jistgħu joħolqu preġudizzju għall-kompetizzjoni libera fis-suq intern. Tali preġudizzju għall-indipendenza operattiva tal-AGCM huwa wisq iżjed possibbli f’sitwazzjoni li fiha l-punt inizjali tat-terminu, li l-modalitajiet ta’ bidu tiegħu jidhru, barra minn hekk, ftit preċiżi, ftit ċari u ftit prevedibbli kemm għal din l-awtorità kif ukoll għall-impriża kkonċernata, jikkoinċidi mal-ewwel senjalazzjoni tal-ksur allegat ma’ din l-awtorità, fejn din tkun għalhekk obbligata tipproċedi immedjatament bil-każ. |
|
68 |
Barra minn hekk, il-konsegwenzi marbuta mal-qbiż tat-terminu inkwistjoni jistgħu jipprekludu lill-AGCM milli tikkoopera bis-sħiħ fi ħdan in-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni, li, kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2019/1, moqri fid-dawl tal-premessa 2 tagħha, huwa kompost mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-applikazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
|
69 |
Fil-fatt, kif sostnew ġustament l-AGCM u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jista’ jirriżulta neċessarju għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ lmenti jew ta’ talbiet għal klemenza indirizzati lil numru ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jikkoordinaw bejniethom kif ukoll mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan in-network sabiex jiżguraw tqassim ottimali tal-każijiet bejn l-awtoritajiet differenti fi ħdanu u sabiex jevitaw li ma jitressqux proċeduri b’mod parallel li jkunu jirrigwardaw l-istess fatti. B’dan premess, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-AGCM għandha l-possibbiltà li tissospendi jew li tinterrompi t-terminu inkwistjoni. |
|
70 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2019/1, it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jiġu sospiżi jew interrotti tul il-proċeduri ta’ implimentazzjoni mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra jew il-Kummissjoni minħabba ksur li jirrigwarda l-istess prattika antikompetittiva. |
|
71 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li huma suġġetti għal proċedura ta’ ksur ma humiex, fi kwalunkwe każ, tali li jistgħu jinkisru minħabba sempliċi nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni. |
|
72 |
Fil-fatt, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm huwa minnu li jeħtieġ li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża ta’ impriża jiġu irrimedjabbilment kompromessi matul il-fażi preliminari ta’ proċedura ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni, tali impriża tibqa’, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni li teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha, sakemm jiġi ggarantit li ebda deċiżjoni ma tkun tista’ tittieħed fir-rigward tagħha mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni mingħajr ma din tal-aħħar tkun ipproċediet għal fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja li matulha l-imsemmija kumpannija tkun setgħet issostni bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha. |
|
73 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni li, għal raġunijiet inerenti għaliha, tipprekludi, b’mod sistemiku, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrendi l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Konsegwentement, hija kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni li l-applikazzjoni tiegħu, fid-dawl tal-kumplessità għolja tal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, seta’ joħloq riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ta’ dan id-dritt, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 53 u 56). |
|
74 |
Għandu jiġi osservat ukoll li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2019/1, moqri fid-dawl tal-premessa 40 tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom ikollhom is-setgħa li jimponu multi effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi jew fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li, deliberatament jew b’negliġenza, jiksru l-Artikolu 101 jew 102 TFUE. |
|
75 |
B’dan premess, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 137 sa 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konsegwenzi li tattribwixxi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni jidhru li jistgħu joħolqu riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ għalhekk tinvolvi numru kunsiderevoli ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni li ma humiex suġġetti għal sanzjonijiet effettivi u dissważivi. Barra minn hekk, l-impossibbiltà għall-AGCM li tressaq proċedura ġdida ta’ ksur sabiex tadotta tali sanzjonijiet tista’, fil-fatt, tinċentiva lil impriżi jżommu fis-seħħ prattiki antikompetittivi b’tali mod li jikkompromettu serjament l-implimentazzjoni effettiva, mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. |
|
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 67 sa 69 u 75 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni għall-attività tal-AGCM jista’ jkollha bħala konsegwenza preġudizzju għall-indipendenza operattiva ta’ din l-awtorità kif ukoll li toħloq riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu t-terminu inkwistjoni huma ta’ natura li tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat previst mid-Direttiva 2019/1. |
|
77 |
Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni mill-AGCM huma limitati għad-dekadenza tas-setgħa ta’ sanzjoni ta’ din l-awtorità, fejn b’hekk din tibqa’ f’pożizzjoni li tordna lil impriża tieqaf mill-aġir antikompetittiv tagħha, ma hijiex madankollu tali li teskludi l-eżistenza ta’ tali riskju ta’ impunità u li tiggarantixxi applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, tali limiti għall-azzjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni huma inkompatibbli kemm mal-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw u jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ sistema ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi, magħmul mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2019/1, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE hija stabbilita, huwa biss f’sitwazzjonijiet strettament eċċezzjonali, b’mod partikolari meta l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat fi programm nazzjonali ta’ klemenza u l-kooperazzjoni tagħha kienet determinanti għall-identifikazzjoni kif ukoll għall-waqfien effettiv tal-prattika antikompetittiva, li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tieħu l-ħsieb tikkonstata dan il-ksur mingħajr ma timponi multa lill-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et, C‑128/21, EU:C:2024:49, punt 108). |
|
78 |
Sa fejn, skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta minn ċerta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali minn qorti superjuri, jeħtieġ ulterjorment li jingħad li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qrati nazzjonali jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Ottubru 2023, Z. (Dritt li wieħed jikseb kopja tal-kuntratt ta’ kreditu), C‑326/22, EU:C:2023:775, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn il-qrati huma għalhekk obbligati jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat), C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
B’hekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn possibbli, id-dritt nazzjonali tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 31 tal-Liġi Nru 287/90 u l-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 689/81, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tagħha. L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi timponi lil din il-qorti tbiddel, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita meta din tistrieħ fuq interpretazzjoni tad-dritt intern inkompatibbli mal-għanijiet ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u, f’dan is-sens, ma tapplikax, b’awtorità tagħha stess, kull interpretazzjoni mogħtija minn qorti superjuri, jew saħansitra suprema, li biha tkun marbuta, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħha, jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 58, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, DG de la Función Pública, Generalitat de Catalunya u Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya, C‑331/22 u C‑332/22, EU:C:2024:496, punti 108 u 110). |
|
81 |
Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2019/1 kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, waqt proċedura mmexxija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni intiża għall-konstatazzjoni ta’ prattika antikompetittiva, minn naħa, timponi lil din l-awtorità tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja ta’ din il-proċedura billi tikkomunika d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata f’terminu ta’ 90 jum mill-mument li fih issir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat, fejn jista’ jkun li dawn jillimitaw ruħhom għall-ewwel identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu permezz tal-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali tal-imsemmija awtorità fi tmiem il-proċedura ta’ ksur kif ukoll permezz tad-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika. |
Fuq l-ispejjeż
|
82 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, waqt proċedura mmexxija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni intiża għall-konstatazzjoni ta’ prattika antikompetittiva, minn naħa, timponi lil din l-awtorità tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja ta’ din il-proċedura billi tikkomunika d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata f’terminu ta’ 90 jum mill-mument li fih issir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat, fejn jista’ jkun li dawn jillimitaw ruħhom għall-ewwel identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu permezz tal-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali tal-imsemmija awtorità fi tmiem il-proċedura ta’ ksur kif ukoll permezz tad-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.