European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1240

20.6.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/1240 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta’ Ġunju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/187 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (BĊE/2020/8) (BĊE/2025/20)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2), l-ewwel inċiż, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 12.1, it-tieni subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 3.1, l-ewwel inċiż, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-Bank Ċentrali Ewropew (1) stabbilixxiet it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (CBPP3) u ġiet irriformulata fid-Deċiżjoni (UE) 2020/187 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/8) (2). Is-CBPP3 fih għadd ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li x-xiri u ż-żamma ta’ bonds iggarantiti jkunu proporzjonati mal-għanijiet tiegħu. Dawn is-salvagwardji għandhom jiżguraw ukoll li riskji finanzjarji relatati jitqiesu fid-disinn tas-CBPP3 u għandhom jirriflettu perspettivi tal-ġestjoni tar-riskju.

(2)

Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fl-24 ta’ April 2025 li jemenda d-dispożizzjonijiet dwar kontropartijiet eliġibbli għas-CBPP3 biex il-banek ċentrali tal-Eurosistema jkunu jistgħu jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet standard tas-suq bħal tranżazzjonijiet ta’ riakkwist minn emittenti ta’ bonds iggarantiti (“riakkwist”).

(3)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/187 (BĊE/2020/8) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/187 (BĊE/2020/8) huwa mibdul b’dan li gej:

“Artikolu 4

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontropartijiet eliġibbli għas-CBPP3, kemm għal tranżazzjonijiet definittivi kif ukoll għal tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli li jinvolvu bonds iggarantiti miżmuma fil-portafolli CBPP3 tal-Eurosistema:

(a)

entitajiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jipparteċipaw f’operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema skont l-Artikolu 55 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(b)

kwalunkwe kontropartijiet oħrajn li jintużaw mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta’ investiment tagħhom iddenominati f’euro, inkluż kontropartijiet li mhumiex taż-żona tal-euro attivi fis-swieq ta’ bonds iggarantiti; u

(c)

emittenti ta’ bonds iggarantiti miżmuma fil-portafolli tal-Eurosistema CBPP3 li għalihom la japplika l-punt (a) u lanqas il-punt (b), iżda biss fil-każ ta’ riakkwist tal-bond iggarantit rilevanti minn dak l-emittent skont xiri lura.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta’ Ġunju 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/828/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/187 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Frar 2020 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (BĊE/2020/8) (ĠU L 39, 12.2.2020, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/187/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1240/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)