European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5247

8.10.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/5247)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Saint-Bris”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-FR-A0197-AM01 — 13.7.2026

1.   Isem il-prodott

Saint-Bris

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

3.   Settur

☐

Prodotti agrikoli

☑

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Franza

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Qasam Agroalimentari u għas-Sovranità tal-Ikel, id-Direttorat Ġenerali għall-Prestazzjoni Ekonomika u Ambjentali tal-Intrapriżi

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2024/1143.

L-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma emendi standard kif definiti fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

L-applikazzjoni għal emenda għad-DOP Saint-Bris ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni; speċifikament:

(a)

ma tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, jew fil-kategorija ta’ prodott jew prodotti identifikati bl-indikazzjoni ġeografika;

(b)

ma tirriskjax li xxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika;

(c)

ma tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Żona ġeografika

Deskrizzjoni

Fil-Kapitolu I(IV)(1) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, wara l-kliem “id-dipartiment ta’ Yonne” ġiet miżjuda l-frażi “abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024”.

Din l-emenda editorjali tippermetti li ż-żona ġeografika tiġi identifikata b’referenza għall-verżjoni tal-2024 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li huwa ppubblikat mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Istudji Ekonomiċi (INSEE), u jagħti ċertezza legali lid-definizzjoni taż-żona ġeografika.

Ġiet miżjuda wkoll il-frażi “Il-mapep taż-żona ġeografika jistgħu jiġu aċċessati fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO)”.

Id-dokument uniku ġie emendat taħt l-intestatura “Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika definita”.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Roqgħa art definita

Deskrizzjoni

Is-sentenza finali fil-Kapitolu I, it-Taqsima IV(2), tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġiet emendata għal: “Il-mapep taż-żona tar-roqgħa art definita jistgħu jiġu aċċessati fuq is-sit elettroniku tal-INAO.”

Wara deċiżjoni mill-kumitat nazzjonali kompetenti, l-INAO biddel il-proċeduri tiegħu u mhux se jibqa’ jissottometti l-mapep tar-roqgħa art definita lill-kunsilli lokali tal-muniċipalitajiet rilevanti iżda se jippubblikahom direttament fuq is-sit web tiegħu.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Żona fil-prossimità immedjata

Deskrizzjoni

Fil-Kapitolu I(IV)(3) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, wara l-kliem “id-dipartiment ta’ Yonne” ġiet miżjuda l-frażi “abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024”.

Din l-emenda editorjali tippermetti li tiġi identifikata ż-żona fi prossimità immedjata b’referenza għall-verżjoni tal-2024 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, ippubblikat mill-INSEE. Iż-żieda ta’ dan id-dettall tagħti ċertezza legali lid-definizzjoni ta’ dik iż-żona.

L-ismijiet tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġew aġġornati biex jitqiesu l-bidliet amministrattivi, madankollu l-konfini taż-żona baqgħu l-istess.

Id-dokument uniku ġie emendat taħt l-intestatura “Rekwiżiti oħra applikabbli”.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Sistemi ta’ tħarriġ tad-dwieli: densità tat-tħawwil

Deskrizzjoni

Fil-Kapitolu I(IV)(1) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, ġie miżjud il-paragrafu li ġej: “L-ispazjar bejn id-dwieli fl-istess flann imħawwel qabel il-25 ta’ Ottubru 2009 huwa ta’ mill-inqas 0,70 metru.”

Din ir-regola tippermetti li d-dwieli mħawla qabel l-ewwel approvazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, li dak iż-żmien kienu jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-test regolatorju li jirregola d-denominazzjoni, ikomplu jipproduċu għeneb maħsub għad-denominazzjoni.

Il-punt tad-dokument uniku “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid” ġie emendat.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Ġestjoni tal-vinji – Regoli taż-żbir

Deskrizzjoni

Fil-Kapitolu I(IV)(1)(b) tal-ispeċifikazzjoni, il-formulazzjoni ġiet emendata biex tippermetti żbir Guyot doppju u tneħħi l-limitu fuq l-għadd ta’ għejun għal kull dielja.

Dawn il-bidliet jagħmlu x-xogħol tal-vitikulturi aktar faċli.

Il-punt tad-dokument uniku “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid” ġie emendat.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Prattiki oħra ta’ kultivazzjoni

Deskrizzjoni

L-għażla li jintużaw metodi oħra għajr it-trattament bil-misħun biex tiġi miġġielda l-flavescence dorée tneħħiet mill-Kapitolu I, it-Taqsima VI(2)(b) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, peress li ntwera li l-ebda metodu alternattiv ma kien effettiv.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Informazzjoni dwar il-korp ta’ spezzjoni

Deskrizzjoni

Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-korp ta’ spezzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III(II) tal-ispeċifikazzjoni ġew emendati biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda tal-abbozzar.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi tal-inbid

“Saint-Bris”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-FR-A0197-AM01 — 13.7.2026

1.   Isem/Ismijiet

Saint-Bris

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Franza

4.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

5.   Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli kif elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

1.

Inbid

6.   Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed

Prodott tad-dwieli

Inbid abjad

Karatteristiċi organolettiċi

Apparenza viżiva

L-ebda karatteristika partikolari.

Aroma

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-riħa tfakkar fil-frott (spiss frott taċ-ċitru u għejun tar-ribes iswed), ħafna drabi flimkien ma’ noti ħodor sottili (spraġ, tuta tas-sebuqa).

Togħma

L-inbid ġeneralment ikun frisk, b’aċidità pjaċevoli u kkaratterizzat minn livell tajjeb ta’ mineralità. Dawn il-karatteristiċi distintivi huma bbażati fuq iż-żamma ta’ ċertu grad ta’ aċidità sabiex joħorġu l-vivaċità u l-freskezza tal-inbid meta jinxtorob mhux imqaddem. Wara ftit snin, l-inbid jista’ jitgawda għall-kumplessità minerali tiegħu.

Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi organolettiċi

—

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

—

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum):

—

Aċidità totali minima:

—

Unità ta’ aċidità totali minima:

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru):

—

Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi analitiċi

L-inbejjed bojod għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 10 %.

☑

Kwalunkwe karatteristika analitika li mhijiex indikata f’din it-taqsima hija fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE.

7.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

7.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew l-inbejjed u r-restrizzjonijiet rilevanti għall-produzzjoni tagħhom

Prattika tal-produzzjoni tal-inbid

—

Tip ta’ prattika enoloġika

Restrizzjoni għall-produzzjoni tal-inbid

Deskrizzjoni

L-użu ta’ laqx tal-injam huwa pprojbit.

Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma tridx taqbeż it-12,8 %.

Il-prattiki enoloġiċi użati biex isiru l-inbejjed jikkonformaw mar-regolamenti tal-UE.

Prattika tal-produzzjoni tal-inbid

Ġestjoni tal-vinji

Tip ta’ prattika enoloġika

Metodu ta’ kultivazzjoni

Deskrizzjoni

—

Densità tat-tħawwil: Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 7 000 pjanta għal kull ettaru, b’distanza massima ta’ 1,30 metru bejn il-flanni u b’distanza minima ta’ 0,80 metru bejn il-pjanti fl-istess flann. L-ispazjar bejn id-dwieli fl-istess flanni mħawla qabel il-25 ta’ Ottubru 2009 huwa mill-inqas 0,70 metru.

—

Ir-regoli dwar iż-żbir: L-inbejjed huma magħmula minn għeneb imkabbar fuq dwieli miżbura skont il-metodu Guyot sempliċi jew doppju; Iż-zkuk irqaq jinżabru sa massimu ta’ tmien għejun u massimu ta’ żewġ rimjiet, li jippermetti li l-pożizzjoni taz-zkuk irqaq tiġi alternata minn sena għall-oħra;

—

Ma għandux ikun hemm aktar minn 75 000 għajn għal kull ettaru; Id-dwieli jistgħu jinżabru biex jitħallew għejun addizzjonali bil-kundizzjoni li, fl-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 11 jew 12-il werqa, l-għadd ta’ rimjiet li jagħmlu l-frott għas-sena għal kull pjanta ma jaqbiżx l-għadd ta’ għejun permessi mir-regoli taż-żbir.

—

L-irrigazzjoni hija pprojbita.

7.2.   Rendimenti massimi

L-inbejjed/kategoriji/varjetajiet/tipi kollha

Inbejjed bojod bla gass

Rendiment massimu

Rendiment massimu:

70

Unità ta’ rendiment massimu:

ettolitri għal kull ettaru

8.   Indikazzjoni tal-varjetà jew tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid li minnhom jiġi prodott l-inbid jew jiġu prodotti l-inbejjed

—

Sauvignon B - Sauvignon Blanc

—

Sauvignon Gris G - Fié Gris

9.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika definita

L-għeneb jinħasad u l-inbejjed jiġu prodotti, żviluppati u mmaturati fil-muniċipalitajiet li ġejjin tad-dipartiment ta’ Yonne, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024: Chitry, Irancy, Quenne, Saint-Bris-le-Vineux u Vincelottes.

Il-mapep taż-żona ġeografika jistgħu jiġu aċċessati fuq is-sit elettroniku tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO).

10.   Rabta maż-żona ġeografika

Kategorija ta’ prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

Sommarju tar-rabta

Dettalji taż-żona ġeografika

(a)   Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta

Iż-żona ġeografika tkopri x-xaqlibiet ta’ wied żgħir niexef li jinsab fuq ix-xatt tal-lemin tax-Xmara Yonne, fil-qalba tal-vinji Auxerrois, 10 kilometri ’l fuq mill-belt ta’ Auxerre (Dipartiment ta’ Yonne). Il-vinji tal-Auxerrois huma parti minn struttura ġeomorfoloġika kbira fil-Baċir ta’ Pariġi, il-cuesta “Côte des Bars”, art elevata ffurmata minn plateau taż-żonqor (le Calcaire du Barrois). Dan il-plateau elevat jestendi ’l fuq minn xaqliba twila u konkava, li l-ħamrija ta’ taħtha tikkonsisti minn marl kompatt u impermeabbli (taħlita ta’ tafal u ġir), magħrufa bħala l-“Marnes à Exogyra virgula”. Il-marl li jifforma x-xaqliba ġeneralment ikun miksi b’saff ta’ torba li jikkonsisti f’materjal fin imħallat ma’ biċċiet eħxen ta’ ġebla tal-ġir. It-terren elevat huwa ġeneralment pjuttost kumpless, li jikkonsisti f’għadd kbir ta’ widien żgħar li joħolqu ħafna xaqlibiet li jħarsu f’direzzjonijiet varjati. Il-vinji jinsabu prinċipalment fuq l-inklinazzjoni tal-marl, fuq trab tafli skulat sew b’kontenut għoli ta’ ġibs, u huma wkoll imħawla tul it-tarf tal-plateau elevat, li għandu ħamrija baxxa u ġeblija ħafna. Dawn il-vinji jgawdu klima marittima friska. Ix-xita hija moderata u mqassma b’mod uniformi matul is-sena, b’medja annwali ta’ 650 millimetru rreġistrata f’Auxerre, iżda t-temperaturi, friski, b’medja annwali ta’ 10,8 °C, huma pjuttost imħallta skont l-istaġun, u hemm riskju reali ta’ ġlata fir-rebbiegħa. L-irqajja’ art użati għall-ħsad tal-għeneb ivarjaw bejn 150 u 300 metru f’altitudni u ġew stabbiliti f’postijiet speċifiċi: - fuq iż-żoni elevati wara l-“Côte des Bars”, f’altitudni ta’ madwar 300 metru u bi ftit protezzjoni mir-riħ; - fuq ix-xaqlibiet tal-marl, li jħarsu lejn it-Tramuntana, li jinsabu lejn il-Punent/Majjistral.

(b)   Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta

Il-varjetajiet Sauvignon B u Sauvignon Gris G ilhom jiġu kkultivati f’Saint-Bris minn nofs is-seklu 19. Jikbru flimkien mal-varjetajiet tradizzjonali ta’ Bourgogne (Pinot Noir N, Chardonnay B, Aligoté B, eċċ.), ħafna drabi mħawla flimkien fl-istess roqgħa art. Dan jikkostitwixxi l-partikolarità tas-settur Saint-Bris, u l-inbejjed jissejħu “blanc fumé” [abjad affumikat], isem li joriġina mill-vinji fil-qrib ta’ “Sancerre” u “Pouilly-sur-Loire” fil-wied tal-Loire. Għalkemm il-varjetajiet Sauvignon B u Sauvignon Gris G ma humiex awtorizzati għall-produzzjoni ta’ nbejjed eliġibbli għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta f’Bourgogne (skont id-Digrieti tal-31 ta’ Lulju 1936), il-produtturi fir-reġjun ta’ Saint-Bris ingħaqdu flimkien biex jippreservawhom bħala parti mill-vinji tagħhom, billi vvinifikawhom separatament u allokawlhom irqajja’ art magħżula b’mod preċiż. Fl-1962 ġiet stabbilita kooperattiva tal-vinifikaturi tal-inbid biex tippreserva u tippromwovi dan l-inbid. L-oriġinalità tal-inbejjed minn dawn l-irqajja’ art ġiet rikonoxxuta progressivament, l-ewwel bħala denominazzjoni ta’ oriġini sempliċi “Sauvignon de Saint-Bris”, imbagħad fl-1974 bħala vin délimité de qualité supérieure [inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini ta’ kwalità għolja] “Sauvignon de Saint-Bris”, u fl-aħħar, mill-10 ta’ Jannar 2003, bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta Saint-Bris. Fl-2009, il-vinji użati biex jipproduċu dan l-inbid koprew 123 ettaru. Id-dwieli huma kkultivati f’konformità mal-prattiki tal-vitikultura tar-reġjun ta’ Auxerrois, b’densità minima ta’ tħawwil ta’ 7 000 dielja għal kull ettaru u bl-użu tal-metodu ta’ taħriġ Guyot.

(c)   Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

L-inbid ġeneralment ikun frisk u b’aċidità pjaċevoli b’aromi li jfakkru fil-frott (spiss frott taċ-ċitru u għejun tar-ribes iswed), ħafna drabi kkombinati ma’ noti ħodor sottili (spraġ, tuta tas-sebuqa), u livell tajjeb ta’ mineralità. Il-karattru tal-inbid huwa bbażat fuq iż-żamma ta’ ċerta aċidità, bil-għan li toħroġ il-vivaċità u l-freskezza tiegħu meta jinxtorob mhux imqaddem. Wara ftit snin, l-inbid jista’ jitgawda għall-kumplessità minerali tiegħu.

(d)   Interazzjonijiet kawżali

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Saint-Bris, prodotta mill-varjetajiet Sauvignon B u Sauvignon Gris G, għandha status uniku f’Bourgogne. Wara r-rikonoxximent tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti ta’ Bourgogne, dawn il-varjetajiet, li kienu ġew ikkultivati fis-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 fir-reġjun ta’ Auxerrois, baqgħu biss fuq ix-xaqlibiet madwar ir-raħal ta’ Saint-Bris. Mgħammra bl-esperjenza tagħhom, il-produtturi malajr żviluppaw inbid ta’ oriġinalità kbira, li l-karatteristiċi tiegħu jiddistingwuh minn inbejjed oħra. L-irqajja’ art maħsuba għall-ħsad tal-għeneb jinsabu prinċipalment fil-muniċipalità ta’ Saint-Bris, b’xi wħud jestendu wkoll għal ċerti żoni tal-erba’ muniċipalitajiet ġirien. L-għeneb mix-xaqlibiet li jħarsu lejn it-Tramuntana u l-Punent fuq is-sottoswol tal-marl u mit-truf tal-plateaux tal-ġebla tal-ġir f’altitudnijiet ogħla huma ppreferuti. Dawn il-postijiet jiżguraw l-espressjoni tal-freskezza u l-kumplessità minerali fl-inbejjed, li għandhom jinxtorbu mhux imqaddma. B’hekk, il-produtturi f’dan ir-reġjun irnexxielhom iżommu l-produzzjoni ta’ nbid oriġinali b’identità qawwija. Rikonoxxut u apprezzat lokalment, ir-reputazzjoni tiegħu testendi proporzjonalment għall-produzzjoni tiegħu. Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Saint-Bris hija prodott distintiv li huwa lokalizzat ħafna, uniku f’Bourgogne u emblematiku fir-reġjun ta’ Auxerrois, li jgħaqqad it-tradizzjonijiet u l-għarfien espert ta’ Bourgogne mal-influwenzi tar-reġjuni tal-vitikultura ġirien.

11.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga

Żona fil-prossimità immedjata

Qafas legali

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit/deroga ulterjuri

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita

Deskrizzjoni tar-rekwiżit/tad-deroga

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, definita b’deroga għall-vitikultura, il-produzzjoni u l-maturazzjoni, tinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-dipartiment ta’ Yonne, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024: Aigremont, Annay-sur-Serein, Arcy-sur-Cure, Augy, Auxerre, Bazarnes, Beine, Bernouil, Béru, Bessy-sur-Cure, Bleigny-le-Carreau, Censy, Chablis, Champs-sur-Yonne, Charentenay, Châtel-Gérard, Chemilly-sur-Serein, Cheney, Chevannes, Chichée, Collan, Coulangeron, Coulanges-la-Vineuse, Courgis, Dannemoine, Deux-Rivières, Dyé, Epineuil, Escamps, Escolives-Sainte-Camille, Fleys, Fontenay-près-Chablis, Gy-l’Evêque, Héry, Jouancy, Junay, Jussy, La-Chapelle-Vaupelteigne, Lichères-près-Aigremont, Lignorelles, Ligny-le-Châtel, Lucy-sur-Cure, Maligny, Mélisey, Merry-Sec, Migé, Molay, Molosmes, Montigny-la-Resle, Mouffy, Moulins-en-Tonnerois, Nitry, Noyers, Ouanne, Pasilly, Poilly-sur-Serein, Pontigny, Préhy, Roffey, Rouvray, Saint-Cyr-les-Colons, Sainte-Pallaye, Sainte-Vertu, Sarry, Serrigny, Tissey, Tonnerre, Tronchoy, Val-de-Mercy, Vallan, Venouse, Venoy, Vermenton, Vézannes, Vézinnes, Villeneuve-Saint-Salves, Villy, Vincelles, Viviers u Yrouerre.

F’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33, iż-żona fil-prossimità immedjata tikkorrispondi għal żona fil-prossimità immedjata taż-żona definita kkonċernata.

Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga

Tikkettar

Qafas legali

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit/deroga ulterjuri

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit/tad-deroga

(a)

Id-daqs tal-ittri tat-termini fakultattivi kollha li l-użu tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji, jista’ jiġi rregolat mill-Istati Membri, ma jistax ikun akbar, la fl-għoli u lanqas fil-wisa’, mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta.

(b)

L-isem ta’ unità ġeografika iżgħar jista’ jidher fuq it-tikkettar tal-inbejjed koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta, sakemm: - huwa l-isem ta’ post fir-reġistru tal-artijiet; - jidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad. L-isem tal-post irreġistrat irid ikun stampat b’ittri li ma jkunux akbar, la fl-għoli u lanqas fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

(c)

Fejn speċifikat fuq it-tikkettar, il-varjetà tal-għeneb ma tridx tidher fl-istess kamp viżiv bħall-oġġetti obbligatorji jew tkun stampata b’ittri li huma akbar minn 2 mm.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-9753b9fd-cc2c-48f4-bfb5-b6178e3c9113


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5247/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)