52008DC0862

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-Kumitat tar-reġjuni - Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola {SEC(2008)3041} /* KUMM/2008/0862 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.12.2008

KUMM(2008)862 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola {SEC(2008)3041}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola

WERREJ

1. Kuntest ġdid għar-riċerka agrikola fl-Ewropa 3

1.1. Il-bażi legali għal azzjoni fl-UE 3

1.2. Sfidi ġodda għall-agrikoltura Ewropea 3

1.3. Il-ħtieġa għal azzjoni fuq il-livell tal-UE lejn Aġenda dwar ir-Riċerka Agrikola mġedda 4

2. Ir-rwol ta’ tmexxija tal-Kumitat tal-iSCAR 5

2.1. Mandat imġedded 5

2.2. Lejn aġendi komuni ta’ riċerka 6

2.3. Proċess ta' tbassir 7

2.4. L-immappjar tal-kapaċitajiet tal-UE 8

3. Azzjonijiet ewlenin lejn Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola koerenti 9

3.1. Lejn agrikoltura iktar sostenibbli fil-kuntest globali 9

3.2. Żoni ġodda ta’ prijorità għall-Aġenda dwar ir-Riċerka Agrikola futura 9

3.3. Jissaħħu l-produzzjoni u t-tqassim tal-għarfien agrikolu fl-Ewropa 10

3.4. It-tisħiħ ta’ programmar ta’ riċerka konġunta għal tmexxija aħjar tas-sistema agroalimentari Ewropea 11

3.5. Jiġi żviluppat mekkaniżmu għal monitoraġġ u għat-tbassir 12

3.6. Ir-responsabbiltajiet tal-Ewropa f’dinja globalizzata 12

1. KUNTEST ġDID GħAR-RIċERKA AGRIKOLA FL-EWROPA

1.1. Il-bażi legali għal azzjoni fl-UE

Ir-Regolament (KEE) Nru 1728/74 tal-Kunsill tas-27 ta’Ġunju 1974 jistipula fl-Artikolu 11 li “f’intervalli regolari ta’ żmien il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-koordinazzjoni tar-riċerka agrikola” . L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jipprovdi stampa ġenerali tal-iżviluppi fir-riċerka agrikola fi ħdan il-Komunità u li jidentifika azzjonijiet strateġiċi “li jkunu mixtieqa fir-riċerka agrikola fl-Istati Membri u l-koordinazzjoni ta’ din ir-riċerka fil-livell tal-Komunità, b’referenza għall-għanijiet tal-politika komuni agrikola” .

L-Artikolu 7 tar-Regolament imsemmi hawn fuq jistabbilixxi Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (l-iSCAR), magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membru (SM), li għandhom mandat li jagħtu pariri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-koordinazzjoni tar-riċerka agrikola fl-Ewropa.

Il-kontenut ta’ din il-Komunikazzjoni u tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż magħha huwa msejjes fuq ir-riżultat tad-diversi inizjattivi meħuda mill-Kumitat tal-iSCAR matul l-aħħar erba’ snin biex jidentifika x-xejriet u l-ħtiġijiet f’dan is-settur. Huwa msejjes ukoll fuq ir-riżultati ta’ proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea “EU-AGRI-MAPPING”, li analizza l-istat tar-riċerka agrikola u alimentari fl-Ewropa[1].

1.2. Sfidi ġodda għall-agrikoltura Ewropea

Id-demografija tal-biedja fl-UE qed tinbidel, l-għadd ta’ bdiewa qed jonqos, filwaqt li l-art disponibbli tibqa’ l-istess. L-età tas-suq tax-xogħol tal-biedja qed tiżdied, u hemm nuqqas ta’ diversità lil hinn mill-produzzjoni, iżda l-importanza soċjoekonomika u ambjentali tal-agrikoltura tibqa’. Is-settur agroalimentari b’mod ġenerali għadu sors prinċipali ta’ impjieg u ġeneratur prinċipali tal-prosperità (bi qligħ ta’ € 900 biljun, u 20 miljun ħaddiem), u l-agrikoltura għadha l-mekkaniżmu ewlieni tal-użu tal-art u tiżvolġi r-rwol ċentrali fin-nisġa soċjali taż-żoni rurali.

L-implikazzjonijiet tal-prattiki moderni tal-biedja, partikolarment fit-12-il pajjiż tal-UE, jistgħu jirriżultaw f’żieda fil-qgħad hekk kif l-irziezet imorru minn skala żgħira għal kbira, u r-riċerka ma għandhiex tinjora l-isfidi soċjoekonomiċi li jirriżultaw.

Il-proċess tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ikompli jġib il-bidla fil-biedja. Mill-ewwel riforma ewlenija fl-1992 ’l hawn, l-agrikoltura tal-UE kellha tilqa’ l-isfida taż-żieda fil-kompettitività fuq l-isfond tal-impatti potenzjalment negattivi tal-metodi moderni tal-produzzjoni fuq l-ambjent. L-agrikoltura kellha tirrispondi wkoll għaż-żieda fit-tħassib u l-kuxjenza tal-konsumatur dwar is-sikurezza, il-kwalità u l-affordabbiltà tal-ikel u, iktar reċentement, għad-domanda li qed tikber għal dieta aħjar.

Filwaqt li d-disponibbiltà tal-provvista tal-ikel bi prezzijiet raġjonevoli qed issir dejjem iktar kruċjali, ir-riformi tal-Aġenda tal-2000 introduċew rabta mal-iżvilupp sostenibbli. Il-pakkett tar-riforma tal-2003 kisser ir-rabta bejn l-appoġġ u l-produzzjoni pubbliċi u l-introduzzjoni tal-konformità reċiproka mal-leġiżlazzjoni tal-EU rigward il-metodi tal-produzzjoni fil-biedja. Ir-riżultat ta’ dan kien li l-orjentazzjoni tas-suq tinġieb f’konformità mal-ambjent u ma’ standards oħrajn tal-produzzjoni, bħala determinanti ewlenin għall-futur sostenibbli tas-settur tal-biedja tal-UE.

Barra dan, it-Tieni Pilastru tal-PAK mexxa l-qafas politiku tal-UE lejn l-iżvilupp rurali. Dan għamilha possibbli li l-qafas politiku jipprovdi iktar opportunitajiet biex jimmiraw l-appoġġ għal prijoritajiet speċifiċi ta’ importanza għas-soċjetà, bħall-protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali kif ukoll firxa ta’ produzzjoni mhux ibbażata fuq il-komodità prodotta mill-agrikoltura bħall-aċċess, ir-rikreazzjoni, il-konservazzjoni, il-wirt u t-turiżmu.

Matul dan il-proċess ta’ riforma, fatturi globali internazzjonali wkoll biddlu l-ikel u l-biedja tal-UE. Rajna d-domanda tal-ikel tiżdied minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, iktar sforzi biex titnaqqas il-malnutrizzjoni, u żieda fil-konsum tal-bhejjem marbuta mal-prosperità tal-pajjiżi terzi li qed tikber u maż-żieda kummerċjali internazzjonali. L-UE issa hija l-ikbar importatur u esportatur agrikolu globali, u s’issa hija l-ikbar suq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Barra minn hekk, l-agrikoltura tal-UE qed taffaċċa firxa wiesgħa ta’ sfidi futuri ġodda, li jinkludu: iktar globalizzazzjoni, provvisti iktar ristretti tal-enerġija, tibdil fil-klima, konsum mhux sostenibbli ta’ riżorsi naturali, u ż-żieda riċenti fil-prezzijiet tal-ikel[2].

1.3. Il-ħtieġa għal azzjoni fuq il-livell tal-UE lejn Aġenda dwar ir-Riċerka Agrikola mġedda

Sabiex inkunu nifilħu għal dawn l-isfidi, huwa magħruf ma’ kullimkien[3] li hemm ħtieġa għal żona ta’ riċerka agrikola soda fi ħdan l-Ewropa. Ir-riċerka agrikola għandha tipprovdi l-għarfien li huwa meħtieġ għal fehim sħiħ tal-iżvilupp rurali, tal-fatturi u l-impedimenti għas-sostenibbiltà, u tipprovdi t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet ġodda li huma meħtieġa għall-iżvilupp tas-settur agrikolu.

L-appoġġ xjentifiku għall-politika, li juża r-riżultati u l-għarfien espert li joriġinaw mill-komunità tar-riċerka, għandu rwol importanti fl-identifikazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ kwalunkwe intervent politiku possibbli. Dan huwa konformi mal-impenn tal-Kummissjoni li twassal “Regolamentazzjoni Aħjar” u, b'mod partikolari, li tipprovdi valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kwalità għolja.

Madankollu, b’reazzjoni għal dawn it-talbiet tas-soċjetà, u anke permezz tar-riċerka agrikola Ewropea li tiġbor fiha spettru wiesa’ ta’ dixxiplini u partijiet interessati, l-isforzi tar-riċerka ta’ spiss jibqgħu frammentati u kkoordinati ħażin. Hemm nuqqas ta’ investiment u ta’ massa kritika. F’ħafna sitwazzjonijiet, l-ebda Stat Membru ma għandu r-riżorsi sħaħ jew il-kapaċità li jagħmel l-iżviluppi meħtieġa tar-riċerka u tal-politika waħdu.

Fl-Ewropa, diversi mekkaniżmi huma implimentati, partikolarment skont il-Programm ta’ Qafas tal-UE, li jgħin biex irawwem il-kollaborazzjoni pan-Ewropea bejn ir-riċerkaturi. Skont dan, żieda ta’ kooperazzjoni bejn il-programmi nazzjonali ta’ riċerka, speċjalment fuq il-livell tal-finanzjament nazzjonali, hija prijorità intrinsika fil-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka (ERA). F’dan ir-rigward, l-iskema tal-ERA-NET[4] tipprovdi l-finanzjament għan-netwerking ta’ programmi nazzjonali, ministeri u aġenziji tal-finanzjament mifruxa fis-setturi xjentifiċi kollha.

Għalkemm ġew imnieda diversi ERA-NETs ta’ rilevanza għaż-żona ta’ riċerka agrikola, il-Kunsill tal-UE (f’Novembru 2004) qabel li l-kollaborazzjoni f’din iż-żona se tgawdi minn approċċ iktar strutturat, u li l-iSCAR għandu jinvestiga iktar din il-kwistjoni.

F’dan ir-rigward, il-kunċett imfassal reċentement ta’ Programmar Konġunt[5] jimxi pass iktar 'il quddiem mill-iskema tal-ERA-NET u jqanqal il-kooperazzjoni diretta ta’ programmi pubbliċi tal-Istati Membri billi jiddefinixxi viżjonijiet komuni, aġendi strateġiċi ta’ riċerka, u t-tqassim ta’ riżorsi biex żoni speċifiċi jiġu indirizzati flimkien. Xi problemi tas-soċjetà ewlenin fl-Ewropa li huma marbutin, pereżempju, mat-tibdil fil-klima, il-kriżi tal-enerġija jew il-provvista tal-ikel se jgawdu b’mod partikolari minn massa kritika ta’ sforzi pubbliċi ta’ riċerka, kif identifikat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Kompetittività fis-17 u t-18 ta’ Lulju 2008 f'Versailles.

Il-Kumitat tal-iSCAR kien imsemmi bħala eżempju tajjeb ta' struttura possibbli ta' netwerk fi kwalunkwe proċess ġdid ta' Programmar Konġunt.

2. IR-RWOL TA’ TMEXXIJA TAL-KUMITAT TAL-ISCAR

2.1. Mandat imġedded

Wara diversi snin li fihom ma kienx attiv, fl-2005 l-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (l-iSCAR) ingħata mandat imġedded mill-Kunsill tal-UE biex ikollu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni tal-isforzi tar-riċerka agrikola fl-Ewropa. L-iSCAR il-ġdid huwa magħmul minn 27 Stat Membru tal-UE, b’rappreżentanti mill-Pajjiżi Kandidati u Pajjiżi Assoċjati bħala osservaturi.

L-iSCAR jaħdem għal definizzjoni usa’ u iktar aġġornata tat-terminu “riċerka agrikola”, iħares lil hinn mil-limiti ta’ riċerka relatata mal-produzzjoni, iħaddan il-kunċett hekk imsejjaħ ‘mill-għalqa sal-platt’, jenfasizza r-riċerka għal agrikoltura sostenibbli, u jinkludi l-użu mhux alimentari, il-bijodiversità, il-forestrija u l-iżvilupp rurali. Fl-adozzjoni ta’ approċċ sħiħ, l-iSCAR se jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin fi ħdan il-kunċett ta’ Bijoekonomija Ewropea msejsa fuq l-Għarfien (il-KBBE)[6]. Dawn se jinkludu s-saħħa u l-benessri tal-annimali, iż-żoonożi, il-kwistjonijiet tal-konsumaturi u tas-saħħa relatati mal-kwalità, is-sikurezza[7] u s-sigurtà tal-produzzjoni u l-provvista tal-ikel; kwistjonijiet ta’ kunfidenza tal-konsumaturi u mġiba tal-konsumaturi lejn l-ikel, in-nutrizzjoni, il-bejgħ u s-swieq, hekk kif dawn iħallu impatt fuq ir-riċerka agroalimentari, u kwistjonijiet relatati mal-iżviluppi f’żoni mhux tradizzjonali u mhux alimentari tal-attività agrikola.

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura (fil-laqgħa informali tiegħu ta’ Krems, mit-28 sat-30 ta’ Mejju 2006)[8] irrakkomanda li “fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Liżbona, il-Kumitat tal-iSCAR għandu jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex fid-diskussjonijiet tagħhom jinkludu mistoqsijiet dwar is-servizzi ta’ konsulenza, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni”, f’konformità mar-rekwiżit li jiżgura li l-użu effettiv tar-riżultati tar-riċerka huma konsistenti mal-ħtiġijiet tal-PAK li qed tinbidel.

F’dak il-kuntest, il-Kumitat tal-iSCAR ħa azzjonijiet ta’ koordinazzjoni fuq għadd ta’ kwistjonijiet biex jipprovdi kontribuzzjonijiet vitali fiż-żoni kollha tar-riċerka tal -KBBE u biex jibni Żona Ewropea ta' Riċerka għall-agrikoltura.

[pic]

2.2. Lejn aġendi komuni ta’ riċerka

Mibni fuq stħarriġ dwar il-koordinazzjoni tar-riċerka agrikola fuq il-livell Ewropew li sar taħt il-Presidenza Olandiża fl-2004[9], l-iSCAR adotta approċċ strutturat għall-prijoritizzazzjoni ta’ suġġetti ta’ riċerka għal iktar kollaborazzjoni, billi stabbilixxa għadd ta’ Gruppi Kollaborattivi ta’ Ħidma tal-Istati Kandidati/Assoċjati (CWGs).

It-twaqqif tas-CWGs huwa mekkaniżmu alternattiv iktar flessibbli u inqas formali għall-iskema ERA-NET, imma għandu l-istess għan: li jistimula u fl-aħħar mill-aħħar iżid il-kollaborazzjoni fir-riċerka bejn il-finanzjaturi u l-maniġers tal-programmi f’żoni ewlenin tar-riċerka. Sa mill-2005, ġew stabbiliti erbatax-il CWG mill-pajjiżi Ewropej li jimpenjaw ruħhom b’mod volontarju u fuq bażi ta’ ġeometrija varjabbli fid-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ aġendi komuni dwar ir-riċerka, imsejsa fuq viżjoni komuni dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin fil-qasam tar-riċerka agrikola.

Is-CWGs jaħdmu b’mod simili ħafna għall-ERA-NETs, billi jsegwu l-istess approċċ pass pass – waqt l-istadji bikrija jiffukaw fuq l-iskambju tat-tagħrif, jidentifikaw in-nuqqasijiet fir-riċerka u ż-żoni ta’ prijorità għall-kollaborazzjoni u, fejn japplika, iniedu attivitajiet konġunti u/jew sejħiet komuni ta’riċerka.

Kien id-dinamiżmu u l-impenn ta’ diversi CWGs li witta t-triq għall-parteċipazzjoni fl-iskema FP7 tal-ERA-NET, b’ħames CWGs jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jissottomettu l-proposti fl-ewwel sejħa għall-proposti (kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt).

Isem is-CWG | Il-koordinatur | Il-pajjiżi tal-iSCAR |

L-ICT u r-Robotika fl-Industriji Agroalimentari => IL-PROPOSTA "ICT-AGRI" TAL-ERA-NET | Id-Danimarka | 11 |

Materja Prima Renovabbli u l-Applikazzjoni tagħha fl-Industrija Mhux Alimentari | Il-Ġermanja | 18 |

Il-Produzzjoni Sostenibbli tal-Bhejjem mill-Artijiet bil-Ħaxix | L-Irlanda | 21 |

Kwistjonijiet Relevanti għall-Agrikoltura tal-Mediterran => SARU "ARIMNet" TAL-ERA-NET | L-Italja/Franza | 13 |

L-Agrikoltura u l-Iżvilupp Sostenibbli => IL-PROPOSTA "RURAGRI" TAL-ERA-NET | Franza | 11 |

Is-saħħa tal-annimali => SARET "EMIDA" TAL-ERA-NET Il-Benesseri tal-Annimali bdiet bħala CWG | Ir-Renju Unit | 21 |

Teknoloġiji Avvanzati għall-Kontroll tal-Klima tas-Serer u tal-Istrutturi tal-Kenn tal-Bhejjem | L-Iżrael | 14 |

L-Addattament tan-Nutrizzjoni tal-Bniedem għall-Evoluzzjoni Ambjentali | Franza | 10 |

L-Ekoloġija għall-Ekosistemi u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali | Franza | 8 |

L-Iżvilupp tal-Agrikoltura Sostenibbli fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku | Il-Polonja | 8 |

L-aġenda komuni ta' riċerka għall-politika rurali tal-UE => IL-PROPOSTA "RURAGRI" TAL-ERA-NET | L-Iżvezja/l-Olanda | 7 |

It-Tibdil fil-Klima u l-Agrikoltura | Spanja | 22 |

L-Agrikoltura u l-Enerġija | Il-Ġermanja | 21 |

Infrastrutturi Komuni fil-qasam tar-Riċerka Agrikola | Franza | 15 |

2.3. Proċess ta' tbassir

L-iSCAR beda eżerċizzju ta’ tbassir biex ifassal xenarju possibbli għall-agrikoltura Ewropea matul l-għoxrin sena li ġejjin, li fuqu jista’ jibbaża l-prijoritizzazzjoni tar-riċerka relatata mal-agrikoltura fl-Ewropa fil-perjodu medju għal dak fit-tul. Dan il-proċess kien inkoraġġit bil-qawwa mill-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura (Krems, mit-28 sat-30 ta’ Mejju 2006).

Skont dan, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Grupp Espert tat-Tbassir (FEG) biex jiġbor u janalizza t-tagħrif ta’ tbassir disponibbli fi studji nazzjonali, reġjonali u internazzjonali rigward tmien fatturi ewlenin[10], biex juża dan it-tagħrif fil-formulazzjoni tax-xenarji futuri[11] u biex jagħmel evalwazzjoni inizjali tal-implikazzjonijiet għar-rekwiżiti tar-RŻT tal-agrikoltura Ewropea.

Ir-rapporti mill-FEG tqassmu fost il-partijiet interessati relevanti u ġew diskussi, flimkien ma’ eżerċizzji ta' tbassir, fil-Laqgħa ta’ Ħidma “Tbassir li Jistabbilixxi l-Prijoritajiet tar-Riċerka Agrikola Ewropea għal Żmien Twil” , li saret fi Stokkolma bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu 2007 u li ġabret flimkien esperti ta’ livell għoli u partijiet interessati biex jirriflettu fuq il-ħtiġijiet ta’ riċerka li qamu mill-analiżi tat-tbassir.

Il-fehmiet espressi u l-konklużjonijiet mislutin fil-laqgħa ta’ ħidma ntużaw, flimkien mar-rapporti tal-FEG u ma’ iktar konsultazzjoni mal-partijiet interessati, bħala bażi għall-Konferenza internazzjonali ewlenija “ Lejn sfidi futuri ta’ riċerka Agrikola fl-Ewropa” (is-26 u s-27 ta' Ġunju 2007 [12] ) . Din immarkat suċċess ewlieni fit-twaqqif ta’ pjattaforma miftuħa għad-diskussjoni tat-tbassir fir-rigward tal-ħtiġijiet tar-riċerka agrikola Ewropea għal żmien twil.Il-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar l-azzjonijiet possibbli lejn Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola koerenti ġew ikkunsidrati fil-parti l-kbira fit-tfassil tal-Komunikazzjoni attwali (kapitolu 3).

2.4. L-immappjar tal-kapaċitajiet tal-UE

Il-Kumitat tal-iSCAR huwa involut ukoll fl-immappjar tal-kapaċità tar-riċerka agrikola tal-UE permezz tal-proġett “EU-AGRI-MAPPING” iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, li analizza l-istat tar-riċerka agrikola u alimentari fl-Ewropa u identifika x-xejriet u l-ħtiġijiet f’dan il-qasam. Billi pprovda numri/statistiċi ewlenin dwar l-organizzazzjoni nazzjonali tar-riċerka agrikola u stampa ġenerali tal-iżviluppi fir-riċerka agrikola fi ħdan l-UE, il-proġett ikkontribwixxa għall-valutazzjoni tal-iżviluppi mixtieqa fir-riċerka agrikola fl-Istati Membri/Assoċjati u fil-mekkaniżmi meħtieġa għal koordinazzjoni aħjar fuq il-livell tal-UE.

Kien ikkunsidrat li l-kwistjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka hija prijorità fil-qafas tad-diskussjonijiet strateġiċi tal-iSCAR. Fl-2005, l-iSCAR bagħat nota lill-ESFRI (Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka) dwar il-kwistjoni ta’ infrastrutturi kbar ħafna b’relevanza għall-agrikoltura[13]. Dan kien tentattiv biex iżid il-profil tal-infrastrutturi tar-riċerka agrikola fid-diskussjonijiet tal-ESFRI, u biex jipprovdi eżempji[14] tal-faċilitajiet kbar tar-riċerka li jistgħu jkunu meħtieġa f’din iż-żona.

Flimkien mal-infrastrutturi għar-riċerka fuq skala kbira, l-iSCAR wera b’mod ċar id-domanda soda għan-netwerking tal-faċilitajiet mxerrda u gruppi ta’ nies b’għarfien espert, u għall-ġestjoni effettiva tagħhom. F’dan ir-rigward, qed jiġi stabbilit CWG ġdid fiż-żona ta’ “infrastrutturi komuni għar-riċerka agroalimentari Ewropea” biex jidentifika l-ħtiġijiet futuri, u biex ifassal mudelli ġodda ta’ tmexxija biex jaqsam b’mod effiċjenti l-infrastrutturi fuq skala Ewropea.

Fl-aħħarnett, sit tal-internet iddedikat jipprovdi stampa sħiħa u aġġornata regolarment tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka agrikola fil-pajjiżi kollha tal-iSCAR[15].

3. AZZJONIJIET EWLENIN LEJN AġENDA EWROPEA DWAR IR-RIċERKA AGRIKOLA KOERENTI

3.1. Lejn agrikoltura iktar sostenibbli fil-kuntest globali

Filwaqt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma identifikatx speċifikament żoni ta’ riċerka għal Programmar Konġunt, l-aspett tas-sigurtà u l-produzzjoni tal-ikel ġie użat bħala eżempju fil-laqgħa informali ta’ Versailles. Dan minħabba li qed isir iktar evidenti li l-ġestjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi huma kwistjoni ewlenija tas-soċjetà u jinvolvi firxa ta’ sfidi marbutin, inkluż it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, id-domanda tal-konsumatur, u l-istabbiltà globali.

Fi żmien qasir se nkunu fir-riskju li naqbżu l-limiti kritiċi, b’konsegwenzi profondi għall-ekosistemi kollha u għalhekk għas-sigurtà agrikola u alimentari. Skont dan, il-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jistenna li sal-2030 il-produzzjoni agrikola fl-Afrika tonqos bin-nofs, b'konsegwenzi serji mhux biss fuq is-sigurtà tal-ikel u l-vulnerabbiltà ta’ reġjuni fraġli, imma wkoll fuq is-sigurtà globali. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili tista’ tgħolli wkoll il-prezzijiet tal-ikel, minħabba li l-fażijiet kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tat-tqassim jiddependu ħafna fuq iż-żejt. Għelejjel kkultivati għaż-żejt u għal kumditajiet industrijali oħrajn, u l-bidliet korrispondenti fil-produzzjoni, jista’ jkollhom implikazzjonijiet serji. Barra minn hekk, iż-żieda fil-popolazzjoni u d-dieti li qed jinbidlu fl-ekonomiji emerġenti se jeħtieġu iktar produzzjoni tal-ikel, imma bir-riskju korrispondenti ta’ impatti ambjentali jekk jiġu użati sistemi li mhumiex sostenibbli.

Għalhekk, hemm ħtiega korrispondenti u urġenti biex jinkiseb għarfien aħjar tal-forzi li fuqhom jissejsu dawn il-proċessi sabiex jitnaqqsu l-effetti ħziena tat-tibdil fil-klima u jipproteġu l-bażi tar-riżorsi tal-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità li qed tonqos ftit ftit. Approċċ ta’ dan it-tip jeħtieġ il-kapaċità meħtieġa tar-riċerka, it-trasferiment teknoloġiku, u l-ħiliet minn settur multidixxiplinari b’firxa wiesgħa ta' interess ekonomiku, soċjali u ekoloġiku.

3.2. Żoni ġodda ta’ prijorità għall-Aġenda dwar ir-Riċerka Agrikola futura

L-isfidi emerġenti ġodda jeħtieġu reazzjonijiet immirati miż-żoni tar-riċerka xierqa ta’ prijorità għall-Aġenda dwar ir-Riċerka Agrikola futura.

Il-proċess imbassar li nbeda mill-iSCAR u l-konklużjonijiet mill-Konferenza ta’ Ġunju 2007 wrew b’mod ċar l-importanza ta’ għadd ta’ suġġetti, bħall-bijodiversità, il-biedja organika, is-sikurezza tal-ikel, is-sigurtà globali tal-ikel, l-integrazzjoni tat-teknoloġiji ambjentali, il-bijoteknoloġija, il-mard emerġenti tal-annimali, kif ukoll l-organiżmi ta' ħsara u l-mard emerġenti tal-pjanti. Barra minn hekk, ġie nnutat li l-għaqda bejn l-agrikoltura, it-tibdil fil-klima u l-enerġija kkostitwiet sfida ewlenija għas-soċjetà li kien jixirqilha li tokkupa post prominenti fl-aġenda futura tar-riċerka.

Din ix-xejra kienet approvata bis-sħiħ mill-Kunsill Ewropew fl-20 Ġunju 2008[16] li stqarr li “Jeħtieġ li titkompla l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola, partikolarment biex jitjiebu l-effiċjenza fl-enerġija, it-tkabbir fil-produttività u l-abbiltà tagħha li tadatta għat-tibdil fil-klima.”

- It-tibdil fil-klima huwa wieħed mit-theddidiet ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli, u jirrappreżenta wieħed mill-ikbar sfidi ambjentali, li jaffettwa ħażin l-ekonomija globali, is-saħħa u l-għajnuna soċjali. It-tibdil fil-klima jista’ jaffettwa r-rendiment tal-għelejjel, il-ġestjoni tal-bhejjem u l-post tal-produzzjoni. Jista’ jkollu wkoll konsegwenzi importanti għad-dħul mill-biedja, l-użu tal-art u l-ekonomiji rurali f'ċerti partijiet tal-Ewropa. Ir-riskji tat-tibdil fil-klima qed jiġu indirizzati b’mod attiv mill-“Kontroll tas-Saħħa” tal-PAK, u sar ukoll kwistjoni fil-programmi ta' riċerka nazzjonali Ewropej, li qed janalizzaw prattiki agrikoli mtejba li jgħinu lis-settur agrikolu biex jadotta u jtaffi l-impatti tal-biedja fuq il-klima. F’dan il-kuntest, ġew enfasizzati wkoll il-kumplessità u l-importanza li jista’ jkollha r-riċerka kontinwa fil-prattiki tal-ġestjoni tal-ħamrija fiż-żamma jew iż-żieda tal-livelli ta' materja organika tal-ħamrija madwar l-UE. Il-materja organika tal-ħamrija għandha rwol kruċjali mhux biss fiċ-ċiklu tal-karbonju, imma anke biex tappoġġa l-fertilità tal-ħamrija, ittejjeb l-istruttura tal-ħamrija, iżżid iż-żamma tal-ilma, u għalhekk tipprovdi reżistenza għall-istress klimatiku. Il-Green Paper tal-Kummissjoni “Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni tal-UE” indikat li l-politiki ta’ adattament qed ifiġġu kważi f’kull SM, u huwa essenzjali li jinqasmu l-esperjenzi mill-azzjonijiet bikrija ta' adattament u mir-riżultati tar-riċerka.

- L-enerġija Hemm domanda globali li kulma jmur qed tikber għall-ikel u għal sorsi tal-enerġija alternattivi mill-bijomassa f’dinja fejn ir-riżorsi tal-ilma u tal-art għandhom provvista limitata, filwaqt li d-degradazzjoni tal-ħamrija u t-temperaturi dejjem jogħlew qed jagħmlu l-ħsara lill-produttività tal-art. Din l-isfida teħtieġ żvilupp tat-teknoloġiji agrikoli u aġġustament fil-politiki tal-enerġija u l-agrikoltura, imsejsin fuq il-miżuri xierqa tal-appoġġ tar-riċerka fl-għaqda bejn l-agrikoltura u l-enerġija. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-effetti tal-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijomassa fuq il-kwalità tal-ilma, il-materja organika tal-ħamrija u l-bijodiversità.

It-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet tal-enerġija fir-rigward tal-agrikoltura ġew attwalment identifikati bħala żoni ta’ prijorità mill-attività mbassra tal-iSCAR u rikonoxxuti bħala nuqqas sinifikanti fil-koordinazzjoni tar-riċerka fuq il-livell Ewropew. Iż-żewġ CWGs ġodda dwar dawn il-kwistjonijiet qed jiġu mnieda attwalment, kull wieħed jinvolvi iktar minn 20 pajjiż Ewropew. L-ewwel Grupp Kollaborattiv ta’ Ħidma se jikkonsidra kif it-tibdil fil-klima jaffettwa l-agrikoltura, u kif l-agrikoltura tista’ tadatta tajjeb għal dawn l-effetti u ttaffihom. It-tieni wieħed se jindirizza l-għaqda bejn l-agrikoltura u l-enerġija f’sens wiesa’ u sħiħ, mill-isfidi xjentifiċi u teknoloġiċi tal-produzzjoni tal-bijomassa u l-bijoenerġija għall-impatt b’dimensjoni industrijali, ekoloġika, soċjoekonomika u rurali.

3.3. Jissaħħu l-produzzjoni u t-tqassim tal-għarfien agrikolu fl-Ewropa

L-isfidi kbar li qed jaffaċċaw is-setturi agroalimentari u rurali fl-Ewropa jitolbu li jkun hemm reviżjoni tar-rabtiet bejn il-produzzjoni tal-għarfien u l-użu tagħha biex titrawwem l-innovazzjoni, kif indikat b’mod ċar bil-messaġġi ewlenin mill-proċess ta’ tbassir u mill-Konferenza ta' Ġunju 2007.

Ir-riċerka jista’ jkollha rwol iktar b’saħħtu li kieku l-atturi differenti (il-bdiewa, ir-riċerkaturi, is-servizzi ta’ konsulenza, il-konsumaturi, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, dawk li jfasslu l-politika) kienu integrati iktar fit-tfassil tal-aġenda attwali u li kieku kienu parti mill-proċess ta’ riċerka permezz ta’ azzjonijiet bħalma huma netwerks innovattivi. Fl-istess ħin, ir-riċerka agrikola jeħtiġilha ssir iktar innovattiva, u jeħtiġilha ssib modi biex f’dan is-settur tiġbed l-“aqwa” ħaddiema fil-qasam tax-xjenza u tat-teknoloġija.

Il-laqgħa ta’ ħidma “Insaħħu r-rabtiet bejn l-għarfien u l-innovazzjoni fl-Ewropa" tas-6 u s-7 ta’ Ottubru 2008 f’Angers ipprovdiet opportunità biex jiġu identifikati l-fatturi ewlenin ta’ sistema Ewropea ta’ għarfien agrikolu. Il-laqgħa ta’ ħidma rrevediet kif inhuma organizzati r-rabtiet bejn l-għarfien u l-innovazzjoni fl-Ewropa, analizzat il-motivi u l-argumenti għal organizzazzjoni ta’ dan it-tip, u kif l-esperjenzi komuni minn riformi importanti f’diversi pajjiżi Ewropej jistgħu jwasslu għall-potenzjal ta’ “l-aqwa prattiċi”.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tuża l-iSCAR biex tidentifika strutturi tal-għarfien agrikolu f’kull Stat Membru, bl-għan li eventwalment toħloq CWG korrispondenti.

F’dan il-kuntest, in-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, kif stabbilit bl-Artikolu 67 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, huwa forum xieraq li jindirizza t-trasferiment teknoloġiku, bħala parti mill-implimentazzjoni mtejba tal-programmi ta’ żvilupp rurali. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-modi possibbli biex iddaħħal “Ir-riċerka u l-innovazzjoni” fl-aġenda tan-netwerk, partikolarment f’seminar tal-2009 li jħares lejn l-innovazzjoni għall-isfidi ambjentali ġodda.

Barra minn hekk, minħabba li s-servizzi ta’ pariri u ta’ estenzjoni aktarx li jkollhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp ta’ kwalunkwe sistema Ewropea futura ta’ għarfien agrikolu, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikkunsidra s-sejbiet tal-iSCAR fir-rapport tiegħu dwar is-Sistema Konsultattiva għall-Irziezet, li għandu jiġi sottomess lill-Kunsill sal-2010.

3.4. It-tisħiħ ta’ programmar ta’ riċerka konġunta għal tmexxija aħjar tas-sistema agroalimentari Ewropea

Fid-dawl tal-iskema ERA-NET, l-Istati Membri bdew jirrevedu l-approċċi nazzjonali iżolati bil-għan li jmexxuhom lejn sfidi ġodda transkonfinali fl-oqsma kollha tar-riċerka. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Programmar Konġunt fir-Riċerka” tbassar spinta ġdida lejn approċċ strateġiku għall-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni fl-ipprogrammar tar-riċerka pubblika fi ħdan l-ERA.

Il-Kunsill bħalissa qed jirrifletti fuq dan l-aproċċ ġdid u se jiddeċiedi fuq il-proċess li jidentifika s-setturi tar-riċerka li huma xierqa għall-Inizjattivi Konġunti ta’ Programmar. F’dan ir-rigward, il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Kompetittività, li saret fis-17 ta’ Lulju 2008 f’Versailles, semmiet l-ikel u l-agrikoltura bħala waħda mill-erba’ sfidi ewlenin li qed taffaċċa s-soċjetà llum.

Il-Kumitat tal-iSCAR, li wera li huwa l-qafas de facto ta’ referenza għal approċċ iktar koordinat għal programmar ta’ riċerka pubblika fl-agrikoltura, kien imsemmi wkoll għar-rwol importanti tiegħu fi kwalunkwe proċess ġdid relatat ma’ Programmar Konġunt.

L-iżvilupp ta’ programmar għal żmien twil effettiv u koordinat fir-riċerka agrikola għandu jkun imsejjes fuq strateġija koerenti u qafas organizzattiv li jħalli li ssir konsultazzjoni regolari tal-atturi kollha tar-riċerka bħala parti mill-proċess wiesa’ ta’ Ljubljana għat-tmexxija tal-ERA.

Skont dan, ir-rwol strateġiku tal-iSCAR jista’ jkompli jissaħħaħ biex ikun jista’ jsir korp strateġiku ta' sorveljanza li jissorvelja d-diversi sforzi li għandhom x’jaqsmu mal-agrikoltura li jsiru mill-entitajiet Ewropej kollha ta’ riċerka pubblika. Jista’ jiffaċilita wkoll id-djalogu fil-Pjattaformi Teknoloġiċi mal-partijiet interessati relatati li huma involuti fid-definizzjoni tal-viżjonijiet komuni u l-aġendi strateġiċi f’oqsma simili ta’ riċerka.

3.5. Jiġi żviluppat mekkaniżmu għal monitoraġġ u għat-tbassir

Aġendi ta’ riċerka għal żmien twil msejsa fuq viżjonijiet u għanijiet komuni għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ taħlita strateġika ta’ għodod analitiċi bħal studji ta' tbassir, għarfien espert kollettiv, u mmappjar tal-kapaċitajiet ta’ riċerka, u għandhom iwasslu riżultati msejsa fuq l-evidenza biex jiggwidaw il-politika ta’ riċerka agrikola.

L-esperjenza miksuba permezz tal-proċess tat-tbassir tal-iSCAR uriet l-importanza u l-ħtieġa ta’ sistema bikrija ta’ twissija li tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika u lir-riċerkaturi jantiċipaw b’mod ċar l-isfidi u l-problemi li aħna nistgħu naffaċċaw fis-snin li ġejjin, u li jissuġġerixxu modi kif nindirizzawhom.

Bħalissa t-tfassil tal-mekkaniżmu qed ikompli jiġi żviluppat biex jivverifika l-adegwatezza u l-validità tal-istudji ta’ tbassir preċedenti u emerġenti, u se jipprovdi approċċ sistematiku biex jidentifika t-theddid potenzjali, l-opportunitajiet u l-iżviluppi futuri simili ewlenin u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-aġenda tal-ERA. Se juri wkoll b’mod ċar l-implikazzjonijiet possibbli ta’ żviluppi ta’ dan it-tip għall-orjentazzjoni futura tal-politika ta’ riċerka fuq il-livelli tal-Ewropa u tal-Istati Membri.

Bħalissa l-mekkaniżmu jinsab f’fażi esperimentali ta' attwazzjoni, wara l-formazzjoni ta’ grupp espert ta’ konsulenti bl-għan li jaġġornaw l-ewwel studju ta’ tbassir u jiddefinixxu l-indikaturi u l-kriterji li jistgħu jiffurmaw il-bażi għar-reviżjoni, f'intervalli regolari, tal-isfidi u l-għanijiet għal żmien twil.

3.6. Ir-responsabbiltajiet tal-Ewropa f’dinja globalizzata

F’dinja li l-popolazzjoni tagħha hija mbassra li tilħaq madwar id-9 biljun sal-2050, li qed issir dejjem iktar integrata ekonomikament u tintlaqat dejjem aktar mit-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, is-sostenibbiltà agrikola qed issir kwistjoni li se jkollha kemm effett dirett (eż. permezz tal-prezzijiet tal-ikel) kif ukoll effett indirett (eż. permezz tal-migrazzjoni) fl-UE, kif ukoll fuq ir-reġjuni kollha tad-dinja. Is-sostenibbiltà agrikola futura fl-Ewropa u fil-Pajjiżi b’Ekonomija li qed Tiżviluppa u b’Ekonomija Emerġenti (DEEC) tiddependi ħafna fuq l-istabbiltà tar-riżorsi ewlenin bħall-uċuħ tar-raba', l-ilma u l-ekosistemi operattivi. Ir-riċerka Ewropea għandha l-kapaċitajiet u l-obbligu li tikkontribwixxi għall-progress tal-fehim tal-interazzjoni kumplessa tal-fatturi involuti.

Barra minn hekk, fattur ewlieni ieħor tal-grad ta’ konverġenza ta’ riċerka agrikola li qed jiżdied kemm fid-DEEC kif ukoll fil-Pajjiżi Ewropej huwa l-importanza li qed tikber ta’ oqsma tar-riċerka fejn ma baqax distinzjoni xjentifika valida bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Huwa fuq din il-bażi li politika Ewropea dwar ir-riċerka agrikola integrata b’mod aħjar li tinvolvi l-kooperazzjoni internazzjonali jeħtieġ li tinbena u tiġi promossa mill-Kummissjoni.

Għalhekk, konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Strateġiku Ewropew għall-qasam Xjentifiku u Teknoloġiku Internazzjonali l-ġdida[17], sinerġiji ta' politika fiż-żona tar-riċerka agrikola fi ħdan u barra mill-Ewropa għandhom jiġu msaħħa. B’mod partikolari, hemm il-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ riċerka tal-UE u tal-Istati Membri, minn banda, u l-politiki esterni bħall-għajnuna għall-iżvilupp u l-politiki tal-viċinat mill-banda l-oħra. Barra minn hekk, l-Ewropa għandu jkollha rwol ewlieni biex tgħin fid-definizzjoni ta’ aġenda globali tal-agrikoltura tar-R&Ż, b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (l-aġenziji tan-NU, il-Bank Dinji, l-OECD u l-G8) u organizzazzjonijiet multilaterali (l-Unjoni Afrikana, l-ASEAN, il-Mercosur), flimkien mal-entitajiet involuti fir-riċerka globali agrikola, bħall-GFAR[18] u s-CGIAR[19].

F’dan il-kuntest, ir-rwol ta’ mandat internazzjonali u ewlieni tal-iSCAR jista’ jkompli jissaħħaħ b’kontribuzzjonijiet mill-Inizjattiva Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola għall-Iżvilupp[20] (EIARD), li għandha ssaħħaħ ir-rwol ta' koordinament tagħha għall-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għar-riċerka agrikola li timmira l-ħtiġijiet tad-DEEC, u minn ERA-NETs li jinsabu għaddejjin bħall- ERA-ARD.

[1] www.agrifoodresearch.net/library

[2] “Tisħiħ tar-riċerka agrikola u l-ġenerazzjoni ta’ għarfien relatat” hija waħda mill-azzjonijiet ikkunsidrati mill-Kummissjoni COM(2008) 321 finali “Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel - Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE”.

[3] Ref. SCAR Foresight; Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp Dinji tal-2006 Il-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (rapporti tal-IPCC); Sistema ta’ Valutazzjoni tal-Millenju tal-Ekosistema.

[4] L-Artikolu 169 tat-Trattat tal-KE jagħmilha possibbli li l-Komunità tipparteċipa fi programmi ta’ riċerka mnieda flimkien ma' diversi SM u huwa intenzjonat għal suġġetti b’viżibbiltà u relevanza politika għolja.

[5] “Lejn Programmar Konġunt fir-Riċerka” COM(2008) 468 finali, 15.7.2008.

[6] Ir-riċerka tas-sajd mhijiex inkluża hawn għax dan is-settur għandu l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni stabbiliti tiegħu stess fuq skala Ewropea u internazzjonali.

[7] Jiġi kkunsidrat b’mod sħiħ il-mandat ta’ entitajiet oħra bħall-Aġenzija Ewropea għall-Istandards tal-Ikel u l-kumitati tagħha stess.

[8] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, is-16 ta’ Ġunju 2006.

[9] "Lejn kooperazzjoni bejn il-finanzjaturi tar-riċerka u l-maniġers tal-programmi fil-qasam tal-Agrikoltura, l-Ikel, l-Iżvilupp Rurali u s-Sajd fl-Unjoni Ewropea" - Rapport miktub għall-Ministeru Olandiż għall-Agrikoltura, in-Natura u l-Kwalità tal-Ikel.

[10] It-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-ekonomija u l-kummerċ, l-enerġija, il-bidliet soċjali, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-ekonomija rurali u s-saħħa.

[11] Ix-xenarji ta’ tfixkil: ix-Xokk tal-Klima, il-Kriżi tal-Enerġija, il-Kriżi tal-Ikel, il-Kooperazzjoni man-Natura.

[12] http://ec.europa.eu/research/conferences/2007/scar/report_en.htm

[13] In-nota tal-iSCAR għall-ESFRI, “L-infrastrutturi tar-riċerka meħtieġa fil-qasam tar-riċerka agrikola”, il-31 ta’ Awwissu 2005.

[14] Ċentri ta’ riżorsi ġenetiċi u bijoloġiċi li jinkludu kollezzjonijiet għall-mard tal-pjanti u l-annimali - l-Agrikoltura, l-Osservazzjonijiet tal-foresterija u ambjentali - Ċentri tar-riċerka dwar in-nutrizzjoni tal-bniedem - Faċilitajiet esperimentali avvanzati u integrali għall-mard li jittieħed.

[15] http://ec.europa.eu/research/agriculture/scar/index_en.cfm

[16] Il-Konklużjoni tal-Presidenza Nru 28 tal-Kunsill Ewropew, l-20 ta’ Ġunju 2008.

[17] COM(2008) 588 finali, 24.9.2008.

[18] Il-Forum Globali dwar ir-Riċerka Agrikola.

[19] Il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Riċerka Agrikola Internazzjonali.

[20] COM(1997) 126 “L-Inizjattiva Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola għall-Iżvilupp (EIARD)”.