European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2252

13.10.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2252

tat-12 ta’ Ottubru 2026

li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1283 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni taċ-ċis-trikos-9-en għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Iċ-ċis-trikos-9-en ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19. Għalhekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jitqies bħala approvat skont dak ir-Regolament soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

(2)

Fis-6 ta’ April 2023, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni taċ-ċis-trikos-9-en għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 (“l-applikazzjoni”). L-applikazzjoni ġiet evalwata mill-awtorità kompetenti tal-Awstrija.

(3)

Peress li l-approvazzjoni taċ-ċis-trikos-9-en kellha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2024, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1283 (3) ipposponiet dik id-data tal-iskadenza għall-31 ta’ Marzu 2027, biex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/2247 (4) ġedded l-approvazzjoni taċ-ċis-trikos-9-en għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19, soġġett għall-kundizzjonijiet fl-Anness ta’ dak ir-Regolament, inkluża data tal-iskadenza tal-approvazzjoni ġdida. Għalhekk, jixraq li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1283 titħassar.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1283 titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1283 tat-13 ta’ Mejju 2024 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni taċ-ċis-trikos-9-en għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1283, 15.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1283/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/2247 tat-12 ta’ Ottubru 2026 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ċis-trikos-9-en għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 19 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2026/2247, 12.10.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2247/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2252/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)