18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/53


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10349 – AMAZON/MGM)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 78/05)

1.   

Fit-8 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

—

Amazon.com, Inc. (“Amazon”, l-Istati Uniti tal-Amerka)

—

MGM Holdings Inc. (“MGM”, l-Istati Uniti tal-Amerka)

Amazon takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll ta’ MGM kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—

Amazon tħaddem firxa ta’ negozji li jinkludu ħwienet, divertiment, elettronika tal-konsumatur, u servizzi tat-teknoloġija. Amazon hija attiva fil-(ko)produzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv (“AV”) permezz ta’ Amazon Studios. Dan il-kontenut huwa disponibbli flimkien ma’ kontenut ta’ terzi persuni fuq l-offerta ta’ divertiment fid-dar ta’ Amazon, Prime Video, lill-konsumaturi fiż-ŻEE u internazzjonalment. Barra minn hekk, Amazon tipproduċi apparat media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa u tipprovdi forom oħra ta’ kontenut diġitali,

—

MGM hija attiva fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni globali tal-kontenut AV. B’mod partikolari, MGM hija involuta fl-iżvilupp, il-produzzjoni, il-finanzjament, u l-akkwist ta’ films għar-rilaxx teatrali, kif ukoll il-produzzjoni u l-liċenzjar ta’ films għad-distribuzzjoni permezz tal-mezzi l-oħra kollha, pereż., televiżjoni mhux teatrali, bla ħlas u bi ħlas, vidjo fiżiku tad-dar, u l-forom kollha ta’ divertiment diġitali fid-dar. Fiż-ŻEE, MGM tiddistribwixxi l-kontenut tagħha permezz ta’ terzi persuni. MGM hija attiva wkoll fil-liċenzjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-użu fi prodotti tal-konsumatur u logħob interattiv.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10349 – AMAZON/MGM

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).