European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/500

24.1.2025

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2025/500)

Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 hija disponibbli fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

DOKUMENT UNIKU

“Erzincan Tulum Peyniri”

Nru tal-UE: PDO-TR-03056 — 11.1.2024

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)

“Erzincan Tulum Peyniri”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

It-Turkija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott (bħal fl-Anness XI)

Klassi 1.3. Ġobon

Kodiċi tan-nomenklatura magħquda

—

04 - PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA

0406 - Ġobon u baqta

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-“Erzincan Tulum Peyniri” huwa ġobon ta’ kulur abjad fil-krema, ta’ xaħam sħiħ, omoġenju u semiiebes prodott minn mill-inqas 95 % ħalib mhux ipproċessat tan-nagħaġ Akkaraman jew minn taħlita ta’ ħalib minn dak l-annimal mal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż Morkaraman, b’massimu ta’ 5 % ta’ dan tal-aħħar, prodott bejn ir-raba’ u d-disa’ xahar tas-sena, immaturat fil-ġewlaq magħmul mill-ġilda tan-nagħaġ jew tal-mogħoż jew fit-tankijiet tal-plastik. L-“Erzincan Tulum Peyniri” għandu struttura granulari, jitfarrak fil-ħalq u għandu togħma distintiva li tirriżulta minn komposti mill-għalf, mil-lipoliżi u mill-prodotti tal-ossidazzjoni, li jagħtuh togħma aċiduża li taffettwa l-ilsien. Uħud mill-parametri kimiċi tal-“Erzincan Tulum Peyniri” huma mogħtija hawn taħt.

—

Solidi totali (%)

: Minimu ta’ 55

—

Ndewwa (%)

: Massimu ta’ 45

—

Xaħam fil-materja niexfa (%)

: Minimu ta’ 45

—

Melħ fil-materja niexfa (m/m)

: Massimu ta’ 5

—

Aċidità totali bħala aċidu lattiku

: Massimu ta’ 2

—

pH

: 4,7-5,4

—

Kulur

: Abjad fil-krema

—

Konsistenza mingħajr qoxra

: Jitfarrak faċilment meta jingħafas bejn żewġt iswaba’.

—

Konsistenza fil-ħalq

: Jitfarrak faċilment u kremuż

L-“Erzincan Tulum Peyniri” għandu aroma “kremuża”, “simili għall-annimali”, “lipolitika”, “iffermentata”, “ta’ kubrit”, “b’togħma ta’ frott” u togħma “mielħa” u “qarsa”. Minħabba dawn il-komposti attivi fit-togħma, dan jagħti sensazzjoni fuq l-ilsien, li taħraq il-gerżuma u jistimula l-glandoli salivarji fil-ħalq.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-ħalib użat fil-produzzjoni tal-“Erzincan Tulum Peyniri” jiġi fornut mir-razza tan-nagħaġ Akkaraman, li tinħaleb bejn ir-raba’ u d-disa’ xahar tas-sena. In-nagħaġ Akkraman iridu jiġu mitmugħa fil-fruntiera ġeografika tal-provinċja ta’ Erzincan. Iż-żona indikata għandha mergħat naturali rikki fil-popolazzjonijiet ta’ pjanti aromatiċi lokali. Matul ix-xhur tar-rebbiegħa u tas-sajf, l-annimali jitħallew jirgħu f'mergħat. Matul ix-xhur tax-xitwa, jiġu mitmugħa ħuxlief maħsud mill-mergħat li jinsabu fiż-żona ġeografika. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, il-produtturi jistgħu jinkludu ċ-ċereali tax-xitwa prodotti fil-provinċja ta’ Erzincan fil-porzjon ta’ kuljum. Il-foraġġ li jiġi mitmugħ lil dawn l-annimali ma jkunx fih għalf ikkonċentrat tal-annimali. L-istaġun tar-ragħa medju minimu fis-sena huwa ta’ 6 xhur. Il-ħalib tan-nagħaġ Akkaraman huwa kkaratterizzat minn kontenut għoli ta’ xaħam (>6 %) u aċidi xaħmin mhux saturati għoljin. Dawn huma relatati mal-ġenetika tal-annimal tal-ħalib u r-reġim tal-għalf fil-mergħat fiż-żona demarkata.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċessi kollha għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika speċifikata fl-Artikolu 4. Dawn il-passi għandhom jinkludu t-trobbija tal-annimali, l-għalf tal-annimali, il-produzzjoni tal-ħalib, l-ipproċessar tal-ġobon, il-mili u l-maturazzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

—

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra l-informazzjoni obbligatorja prevista mil-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġett tal-ikel, it-tikketti jridu jinkludu dan li ġej:

—

L-isem tad-denominazzjoni “Erzincan Tulum Peyniri”,

—

L-isem kummerċjali u l-indirizz jew l-isem qasir u l-indirizz jew il-marka reġistrata tal-produttur,

—

Il-logo tad-DOP tal-Unjoni Ewropea

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-provinċja ta’ Erzincan tinsab fis-Sezzjoni tal-Euphrates ta’ Fuq tar-Reġjun tal-Anatolja tal-Lvant b’erja tas-superfiċje ta’ 11 903 km2. Iż-żona tal-provinċja tinsab bejn wieħed u ieħor 39° 02′ - 40 ° 05′ latitudni tat-Tramuntana u 38° 16′ - 40 ° 45′ lonġitudni tal-Lvant. Erzurum idawwar il-provinċja ta’ Erzincan mil-Lvant, Bingöl mix-Xlokk, Bayburt u Gümüşhane mit-Tramuntana, Giresun mill-Majjistral, Sivas mill-Punent, Tunceli min-Nofsinhar, u Elazığ u Malatya mil-Lbiċ.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità tal-prodott

L-“Erzincan Tulum Peyniri” huwa ġobon semiiebes ta’ lewn abjad fil-krema u struttura omoġenja li tista’ titfarrak meta tingħafas bejn żewġt iswaba’. Jiġi mmaturat fil-ġewlaq magħmul mill-ġilda tan-nagħaġ jew tal-mogħoż jew fit-tankijiet tal-plastik għal mill-inqas 4 xhur. Għandu togħma distintiva minħabba livelli għoljin ta’ lipoliżi, prodotti tal-ossidazzjoni u komposti volatili li joriġinaw mill-pjanti.

Dan iħalli sensazzjoni kremuża fil-ħalq u għandu togħma li taffettwa l-ilsien. Meta jittieħed fil-ħalq, jistimula l-glandoli salivarji. It-togħma tal-“Erzincan Tulum Peyniri” ġejja mir-reġim tal-għalf tal-annimal, mill-enzimi nattivi tal-ħalib, mill-passi tal-ipproċessar u mill-attività mikrobika matul il-maturazzjoni tal-ġobon. Terpeni aromatiċi (α/β-pinen, 3,7-dimetil-1,6-oktadien, o/p/m-ċimen, 2/3-karen, limonen, terpinen, kopaen, α/β-karjofillen) jgħaddu fil-ġobon bir-reġim tal-għalf, u l-kompożizzjoni ta’ aċidu xaħmi mhux saturat hija affettwata.

Proporzjon għoli ta’ aċidi organiċi (aċetiku, propjoniku, 2-metil propanojku) permezz tal-attività mikrobika u aċidi xaħmin ħielsa (butanojku, 3-metil butanojku, aċidu eżanojku u oktanojku) minħabba l-attività lipolitika u l-prodotti tal-ossidazzjoni ta’ dawn l-aċidi (2-eptanon, 2/3-nonen (E)2-nonanon, nonanol, 3-metiltijo–1-propanol) u l-esteri (etil butanoat, metil eżanoat, etil eżanoat, etil oktanoat, 3-metil butil oktanoat, propil dekanoat, etil dekanoat, metil dekanoat) jikkontribwixxu għat-togħma distintiva tiegħu. Minħabba dawn l-ingredjenti attivi aromatiċi, għandu togħma li taffettwa l-ilsien, li taħraq il-gerżuma, kremuża, simili għall-annimali, lipolitika, iffermentata, ta’ kubrit, b’togħma ta’ frott, aċiduża u mielħa.

Il-melħ min-nixxiegħa naturali, prodott fil-belt ta’ Kemah fil-provinċja ta’ Erzincan u, magħruf bħala “melħ Kemah” jintuża esklussivament fil-produzzjoni tal-“Erzincan Tulum Peyniri”. Dan il-melħ huwa fil-biċċa l-kbira fi struttura amorfa u jinħall faċilment fil-matriċi tal-ġobon u joħroġ il-kontenut tal-ilma tiegħu matul l-ipproċessar.

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-provinċja ta’ Erzincan għandha klima kontinentali semiarida bi xtiewi kesħin u bix-xita u sjuf xotti u sħan. Minħabba l-ġeografija unika tagħha (pjanuri f’altitudni ta’ 1 800 m u muntanji weqfin fl-għoli ta’ 3 000 m), il-kundizzjonijiet mikroklimatiċi tal-provinċja ta’ Erzincan għandhom influwenza pożittiva fuq il-mergħat, u t-tkabbir ta’ pjanti endemiċi, li eventwalment jaffettwaw il-kompożizzjoni tal-ħalib u t-togħma tal-“Erzincan Tulum Peyniri”. Il-provinċja hija reġjun xieraq għall-attivitajiet tat-trobbija tal-annimali, b’mod partikolari t-trobbija tan-nagħaġ, bil-potenzjal wiesa’ tagħha ta’ mergħat. Ir-razza tan-nagħaġ Akkaraman, li adattat għal din il-ġeografija u l-klima ħarxa, tipproduċi l-ħalib użat fl- “ Erzincan Tulum Peyniri ” . In-nagħaġ jirgħu f’mergħat bi pjanti endemiċi u xi drabi jiġu mitmugħa ċereali tax-xitwa prodotti wkoll fil-provinċja ta’ Erzincan. Minn dawn il-pjanuri, Çimen, Melan u Sarıçiçek għandhom veġetazzjoni rikka. Hemmhekk ġew identifikati 596 unità tassonomika endemika, li 64 minnhom huma speċifiċi għall-provinċja ta’ Erzincan. Barra minn hekk, 43 % taż-żona kkultivata tintuża għall-produzzjoni tal-ħbub. Fil-provinċja, il-qamħ u x-xgħir mill-grupp tal-ħbub u l-alfalfa mill-għelejjel tal-foraġġ jikkostitwixxu l-ewwel tliet ringieli taż-żoni ta’ kultivazzjoni. Il-komposti aromatiċi bbażati fuq il-pjanti jikkostitwixxu r-reġim tal-għalf.

L-“Erzincan Tulum Peyniri” huwa ġobon artiġjanali ta’ oriġini minn tribujiet seminomadiċi. Għalhekk, l-għarfien u l-esperjenza tal-bniedem huma ċentrali għall-kwalità tal-ġobon. B’mod partikolari, in-natura mrammla tal-“Erzincan Tulum Peyniri” hija l-prodott tal-isforz tal-bniedem. It-tkissir tal-baqta u t-tmelliħ tal-baqta waqt it-tisfija tal-ġobon u r-ripetizzjoni ta’ dan il-proċess mill-inqas darbtejn jikkawżaw il-formazzjoni tal-konsistenza karatteristika tan-natura mrammla tal-ġobon. Dan jikkawża wkoll l-ossidazzjoni parzjali tax-xaħam fil-ġobon, li twassal għall-iżvilupp tat-togħma u tistimula t-tkabbir tal-mikroorganiżmi. It-togħmiet li jaffettwaw l-ilsien u li jaħarqu l-gerżuma jiżviluppaw minħabba dawn il-passi.

Il-mili tal-ġobon b’mod kumpatt fil-ġwielaq magħmula mill-ġilda jew fit-tankijiet tal-plastik jeħtieġ ħila. Kwalunkwe bużżieqa tal-arja fil-ġobon twassal biex dan jiddeterjora. Ladarba l-ġobnijiet jimtlew b’mod kumpatt f’tankijiet tal-plastik, iridu jinfetħu diversi toqob żgħar biex titlesta s-sinereżi, filwaqt li fil-ġwielaq magħmula mill-ġilda dan il-proċess iseħħ minn ġol-ġilda. Dan inaqqas l-attività tal-ilma tal-ġobon matul il-maturazzjoni u jistimula l-mikroorganiżmi u l-attività enzimatika biex jipproduċu t-togħma distintiva. Billi jintilef il-kontenut tal-ilma, il-komposti tal-aroma li jiffurmaw isiru aktar ikkonċentrati u għalhekk itejbu t-togħma tal-ġobon.

Fl-aħħar nett, it-tħejjija tal-ġwielaq magħmula mill-ġilda li fihom għandu jimtela l-ġobon teħtieġ esperjenza speċifika u kapaċità. L-ewwel nett, il-ġilda tal-mogħoż u tan-nagħaġ maqtula titneħħa kollha kemm hi, titnaddaf, titmellaħ u titnixxef – proċess li jeħtieġ ħakma, għarfien u ħila.

Għad-DOP: rabta kawżali bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku

Il-kwalità u l-karatteristiċi distintivi tal-“Erzincan Tulum Peyniri” huma influwenzati mill-klima, l-annimal tal-ħalib adattat għal din il-klima u l-ġeografija, u t-teknika tal-produzzjoni fiż-żona demarkata. Dawn huma kif ġejjin:

—

Il-prattiki tradizzjonali tat-trobbija tal-bhejjem jitwettqu f’żona b’livell għoli ta’ altitudni u bi klima kontinentali. Iż-żona hija ħielsa minn kundizzjonijiet ambjentali ħżiena imposti mill-industrijalizzazzjoni.

—

Iż-żona indikata għandha mergħat naturali rikki fil-popolazzjonijiet ta’ pjanti aromatiċi lokali li jintużaw minn dawk li jrabbu l-bhejjem għan-nagħaġ, abbażi tal-esperjenza tagħhom tal-karatteristiċi ġeoloġiċi taż-żona. Il-karatteristiċi klimatiċi u l-flora speċifika taż-żona jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-ħalib bi kwalità partikolari, li jagħtu kwalitajiet uniċi lill-“Ezincan Tulum Peyniri” u karattru organolettiku pjaċevoli.

—

Il-metodi speċifiċi użati matul il-produzzjoni jinkludu:

—

l-użu tal-ħalib tan-nagħaġ Akkaraman,

—

l-użu tat-tames li joriġina mill-annimali,

—

l-użu tal-melħ Kemah, u

—

l-maturazzjoni f’bettija tal-plastik jew f’ġewlaq magħmul mill-ġilda tal-mogħoż/tan-nagħaġ.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

Il-Bullettin Uffiċjali tal-Indikazzjoni Ġeografika, id-Denominazzjoni tal-Oriġini u l-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita tal-Uffiċċju Tork tal-Privattivi u t-Trademarks Nru 111 tas-17 ta’ Ottubru 2021, il-paġna 84.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/500/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)