Official Journal L 340 , 31/12/1993 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 5 P. 0170
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 5 P. 0170
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3675/93 ta' l-20 ta' Diċembru, 1993 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim permezz ta' bdil ta' ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar relazzjonijiet fil-qasam tas-sajd IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 flimkien ma' l-Artikolu 228, paragrafu 3, l-ewwel sub-paragrafu tiegħu, Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, billi l-Kanada hija sieħba ewlenija tal-Komunità Ewropea, li magħha għandhom jinżammu relazzjonijiet tajbin fis-settur tas-sajd; billi għandu għalhekk ikun stabbilit qafas għal kooperazzjoni reċiproka bil-għan li titrawwem konservazzjoni effettiva u biex tkun introdotta l-esplojtazzjoni fit-tul tar-riżorsi tas-sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral; billi f'dan ir-rigward iż-żewġ Partijiet ftiehmu dwar l-aspetti li għandhom jitqiesu fir-relazzjonijiet tagħhom fis-settur tas-sajd; Billi l-Ftehim permezz ta' bdil ta' ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar relazzjonijiet fil-qasam tas-sajd għandu jkun approvat; billi ż-żewġ Partijiet iridu jwettqu l-miżuri speċifiċi ta' kooperazzjoni msemmija fil-memorandum ta' ftehim mehmuż mal-bdil ta' ittri skond il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar, li tagħha huma firmatarji, u skond il-Konvenzjoni dwar Kooperazzjoni Multilaterali Futura fis-Sajd fil-Majjistral ta' l-Atlantiku, li tagħha huma Partijiet Kontraenti; billi għalhekk għandu jkun magħruf li l-Kummissjoni hija awtorizzata li tagħmel il-konsultazzjonijiet imsemmija għal dak il-għan skond id-direttivi tan-negozjati deċiżi fil-15 ta' Diċembru, 1992; billi r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet fis-settur tas-sajd huma msejsa, partikolarment, fuq aċċess għal riżorsi żejda fl-ibħra tal-Kanada; billi għandhom ikunu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għat-terminazzjoni tal-kooperazzjoni jekk il-Komunità ma tkunx tista' tkompli biha minħabba ċirkostanzi speċjali, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-Ftehim permezz ta' bdil ta' ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar relazzjonijiet fil-qasam tas-sajd huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità; It-test tal-Ftehim permezz ta' bdil ta' ittri, li tagħhom il-memorandum ta' ftehim jifforma parti integrali, huwa hawn mehmuż. Artikolu 2 Il-Presidenza tal-Kunsill hija b'dan awtorizzata li taħtar il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim permezz ta' bdil ta' ittri biex jorbtu lill-Komunità. Artikolu 3 Il-Kummissjoni, megħjuna minn Kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri, għandha tmexxi l-konsultazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Gvern tal-Kanada skond il-punti I(d), (e), (g) u (h) u II tal-memorandum ta' ftehim. Artikolu 4 1. F'każ ta' diffikultajiet, kif provdut fil-punt IV(d) tal-memorandum ta' ftehim, il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih rapport flimkien ma' l-opinjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Istati Membri meta jkunu seħħew il-kondizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-Ftehim. Fi żmien għaxart (10) ijiem mill-wasla ta' l-opinjoni lill-Kunsill, kull Stat Membru jista' jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata, li ma jitterminax il-Ftehim. Jekk ma titteħidx deċiżjoni biex ma jkunx hemm terminazzjoni, fi żmien xahar mill-wasla ta' l-opinjoni lill-Kunsill jew jekk Stat Membru ma jressaqx il-kwistjoni quddiem il-Kunsill fi żmien l-għaxart (10) ijiem imsemmija hawn fuq, il-Ftehim għandu jkun terminat mill-Kummissjoni. 2. Il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, għandha tavża bit-terminazzjoni tal-Ftehim permezz ta' bdil ta' ittri skond il-punt IV(e) tal-memorandum ta' ftehim. Artikolu 5 1. Jekk il-Gvern tal-Kanada jiddeċiedi, skond il-punt III(b) tal-memorandum ta' ftehim, li joffri lill-Komunità li tkun tista' tagħmel sajd ta' riżorsi żejda fiż-żona tas-sajd tiegħu, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata, wara proposta mill-Kummissjoni, dwar tqassim bejn l-Istati Membri fi żmien xahrejn minn meta taslilha l-offerta. 2. Is-sid jew l-operatur ta' bastiment ta' Stat Membru li jorganizza sajd jew kull operazzjonijiet oħra skond il-punt III(ċ) tal-memorandum ta' ftehim għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità kull informazzjoni li tista' tkun meħtieġa skond dak il-punt dwar ħut jew prodotti tas-sajd maqbuda jew miksuba xort'oħra. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru, 1992, li jistabbilixxi sistema Komunitarja għal sajd u akkwakultura [1]. Artikolu 6 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara li jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 20 ta' Diċembru, 1993. Għall-Kunsill Il-President A. Bourgeois [1] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1. --------------------------------------------------