9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/53


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 ta’ Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 ta’ Ċipru

(2017/C 261/12)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Ċipru bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi bir-reqqa. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, Ċipru għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) ta’ hawn taħt.

(3)

Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2017 għal Ċipru ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamel Ċipru fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamel Ċipru lejn il-miri nazzjonali tiegħu ta’ Ewropa 2020. Dan inkluda wkoll analiżi fil-fond taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li Ċipru qed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, huwa essenzjali li jittratta l-istokk kbir ta’ żbilanċi f’forma ta’ eċċess ta’ dejn privat, pubbliku u estern, u l-livell għoli ta’ self improduttiv.

(4)

Ċipru ppreżenta l-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017 fis-27 ta’ April 2017 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2017 fit-28 ta’ April 2017. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Ċipru jinkludi impenji kemm għal żmien qasir kif ukoll għal tul ta’ żmien medju. B’mod partikolari, jinkludi miżuri biex jitnaqqas id-dejn tas-settur privat, jitjieb tal-ambjent tan-negozju, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament u t-tibdil radikali fis-settur tal-kura tas-saħħa, u jittieħdu impenji għal riformi tas-settur pubbliku u s-sistema ġudizzjarja. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jinkludi wkoll l-isfidi identifikati fir-rapport tal-pajjiż tal-2017 u r-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, inkluż il-ħtieġa li tingħata ħajja ġdida lill-investimenti u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Jekk jiġu implimentati b’mod sħiħ fil-perjodi ta’ żmien indikati, dawn il-miżuri jgħinu lil Ċipru jindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Abbażi tal-valutazzjoni tal-impenji ta’ politika ta’ Ċipru, il-Kummissjoni tikkonferma l-evalwazzjoni preċedenti tagħha li, f’dan l-istadju, ma huwa meħtieġ l-ebda pass ieħor fil-qafas tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku previsti fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma tal-politika ser tiġi segwita mill-qrib permezz ta’ monitoraġġ speċifiku.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jeżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(6)

Ċipru bħalissa jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tad-dejn. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jippjana bilanċ baġitarju pożittiv f’termini nominali matul il-perjodu 2016-2020 (bilanċ nominali ta’ madwar 0,4 % tal-PDG tul il-perjodu tal-programm). L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, li huwa pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali huwa ppjanat li jintlaħaq fl-2017. Il-bilanċ strutturali rikalkulat (6) huwa projettat li bil-mod jitbiegħed mill-objettiv għall-perijodu medju fis-snin ta’ wara, li mhux f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG huwa mistenni li jilħaq 107,8 % fl-2016, u li jkompli jonqos għal 99,7 % fl-2018 u għal 88,8 % sal-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Ir-riskji assoċjati mas-suppożizzjonijiet makro-ekonomiċi li huma ppreżentati fil-Programm ta’ Stabbiltà huma negattivi, prinċipalment marbuta mal-istokk għoli ta’ self mhux produttiv u d-deterjorament possibbli tas-sitwazzjoni tal-ambjent estern.

(7)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Kunsill irrakkomanda lil Ċipru biex jirrispetta l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2016 u fl-2017. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, Ċipru huwa konformi ma’ dak ir-rekwiżit fl-2017 wara evalwazzjoni globali. Għall-2018, Ċipru huwa rrakkomandat li jibqa’ fuq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali massima netta fl-infiq primarju tal-gvern (7) ta’ 0,3 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 0,2 % tal-PDG. Jekk ma jinbidlux il-politiki, Ċipru jista’ jkun f’riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit fl-2018, wara evalwazzjoni globali. Ċipru huwa previst li jkun konformi mar-regola tad-dejn fl-2017 u l-2018. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li Ċipru jeħtieġ li jkun lest biex jieħu iktar miżuri biex jiżgura l-konformità fl-2018.

(8)

Id-dejn pubbliku huwa fuq perkors ta’ tnaqqis iżda s-sostenibbiltà tiegħu għadha soġġetta għal riskji. Għadd reċenti ta’ miżuri fiskali kif ukoll dewmien fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin huma mistennija li jwasslu għal deterjorament tal-bilanċ strutturali u jirriskjaw li jnaqqsu l-ambitu ta’ investimenti pubbliċi li jsaħħu t-tkabbir.

(9)

Is-settur pubbliku Ċiprijott għandu wieħed mill-ogħla kontijiet tal-paga taż-żona tal-Euro (bħala persentaġġ tal-PDG) u jibqa’ karatterizzat minn ineffiċjenzi. Taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku, sensiela ta’ riformi li għandhom l-għan li jindirizzaw din il-kwistjoni ġew imfassla u miftiehma mal-imsieħba soċjali. Dawn inkludew l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu permanenti vinkolanti li jillimita t-tkabbir tal-pagi għall-impjegati pubbliċi u riforma komprensiva tal-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, bl-eċċezzjoni tal-liġi ta’ riforma dwar il-mobbiltà tal-impjegati pubbliċi adottata reċentement, l-adozzjoni ta’ dawn ir-riformi leġislattivi qed taffaċċja ostakli, b’mod partikolari wara vot negattiv mill-Kamra tar-Rappreżentanti f’Diċembru 2016. Sakemm jiġi adottat f’forma vinkolanti, il-mekkaniżmu li jillimita t-tkabbir tal-pagi tas-settur pubbliku qed jiġi implimentat skont il-ftehimiet ta’ negozjar kollettivi u huwa applikabbli sal-2018.

(10)

Xi riformi ġew meħuda biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni. Żviluppi reċenti jinkludu riformi biex jipprofessjonalizzaw l-akkwist pubbliku fil-livell lokali, u l-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi ppromulgata f’Diċembru 2015. Emenda kostituzzjonali li tippermetti l-iżvelar tal-assi għal uffiċjali pubbliċi ġiet adottata fl-2016. Madankollu, il-Korp ta’ Koordinazzjoni kontra l-Korruzzjoni m’għandux biżżejjed persunal, u d-dgħufijiet tas-sistema dixxiplinari għall-uffiċjali pubbliċi għadhom ma ġewx indirizzati.

(11)

Ċipru ilu jieħu miżuri biex isaħħaħ is-sistema ġudizzjarja tiegħu iżda għadu qed jiffaċċja sfidi serji fir-rigward tal-effiċjenza tiegħu. Proċeduri ineffiċjenti fil-qorti u kapaċità limitata jwasslu għal dewmien sinifikanti fl-ipproċessar ta’ kawżi tal-qorti. Dan imbagħad ixejjen l-ambjent tan-negozju u, partikolarment il-funzjonament tal-oqfsa tal-esklużjoni u insolvenza ġodda. Dawn tal-aħħar ġew introdotti biex jgħinu fit-tnaqqis tad-dejn privat mhux vijabbli, u jipprovdu inċentivi għal banek u debituri biex jaqblu dwar soluzzjonijiet ta’ ristrutturar. Madankollu, l-effettività ta’ dawn l-għodod hija mxekkla minn għadd ta’ fatturi, inkluż ineffiċjenzi msemmija hawn fuq fis-sistema tal-qrati, kapaċità amministrattiva dgħajfa u livell baxx ta’ għarfien dwar il-proċeduri fost id-debituri. Akkumulazzjoni ta’ xogħol u dewmien għall-ħruġ u t-trasferiment ta’ titoli tal-proprjetà kienu wkoll sinifikanti. Dawn jikkontribwixxu biex jimminaw l-isforzi tat-tnaqqis tad-dejn u għandhom impatt fuq l-irkupru tas-suq tad-djar.

(12)

Il-livell ta’ self improduttiv qed jonqos, iżda għadu għoli ħafna, li jfixkel il-funzjonament tajjeb tas-settur bankarju u qed ikollu impatt fuq il-provvediment ta’ kreditu lill-ekonomija reali. Il-prestazzjoni tal-banek hija aktar baxxa mill-miri ta’ self ta’ ristrutturar maqbula mal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, li turi l-ħtieġa li titwessa’ s-sistema ta’ mmirar u ssir aktar effikaċi u vinkolanti, partikolarment billi jiġu stabbiliti miri ambizzjużi għat-tnaqqis ta’ self improduttiv, b’mod konsistenti mal-istrateġiji ta’ tnaqqis ta’ self improduttiv tal-banek. Ir-rati ta’ inadempjenza mill-ġdid għadhom għoljin u jesponu nuqqasijiet potenzjali f’soluzzjonijiet ta’ ristrutturar tas-self. Il-livelli ta’ proviżjonament tar-riskji żdiedu, iżda għadhom taħt il-medja taż-żona tal-euro, li juru l-ħtieġa ta’ valutazzjonijiet tal-kollateral li huma affidabbli u jirfdu proviżjonament b’mod xieraq ir-riskju. In-nuqqas ta’ suq sekondarju għal self u ta’ qafas ta’ self ta’ titolizzazzjoni jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni biex jitħaffef ir-riduzzjoni tad-dejn u biex is-self improduttiv jitneħħa mill-karti tal-bilanċ tal-banek, li jitlob għal miżuri regolatorji addizzjonali u azzjonijiet leġiżlattivi li jikkompletaw l-għodda neċessarja biex tiffaċilita l-ġestjoni tal-karta tal-bilanċ tal-banek. Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ governanza u amministrattiva tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni u l-fond tal-pensjonijiet għadha dgħajfa, li jippreżenta riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

(13)

L-irkupru ekonomiku ta’ Ċipru għadu għaddej. Madankollu, it-tkabbir potenzjali jibqa’ dgħajjef, limitat minħabba l-implimentazzjoni limitata ta’ riformi strutturali, l-ostakli għall-investiment u nuqqasijiet fl-ambjent tan-negozju. Inizjattivi li jtejbu t-tkabbir ppreżentati fil-pjan ta’ azzjoni għat-tkabbir qegħdin jiġu implimentati, għalkemm pjuttost bil-mod. Proposta leġiżlattiva biex tattira u tiffaċilita l-investimenti strateġiċi għadha fi stadju ta’ abbozz. Il-Gvern qed jaħdem fuq it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għal negozji żgħar u ta’ daqs medju. Sabiex isolvi din il-kwistjoni urġenti, xi inizjattivi ġodda mmirati ġew varati, kif irrappurtat fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-inizjattivi l-ġodda dwar l-aċċess għall-finanzi għadhom fi stadju preliminari. Sforzi ta’ privatizzazzjoni, immirati biex isaħħu l-produttività b’investimenti barranin, qed jiffaċċjaw oppożizzjoni politika u qed jagħmlu progress bil-mod. Ir-riforma tas-settur tal-enerġija tista’ tkun ukoll xprun importanti għall-kompetittività, iżda kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni tagħha. Dawn jikkonċernaw, b’mod partikolari s-separazzjoni tal-Awtorità tal-Elettriku ta’ Ċipru u l-istabbiliment ta’ suq tal-elettriku ġdid, li għadu jiddependi fuq li tkun żgurata l-indipendenza effettiva tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

(14)

Il-qgħad qiegħed jonqos, iżda għadu għoli, speċjalment fost iż-żgħażagħ u dawk li ilhom qiegħda fit-tul. Pjanijiet biex jiżdied l-għadd ta’ konsulenti fis-servizzi pubbliċi tal-impjieg u jitjiebu s-servizzi dwar l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom għadhom ma ġewx implimentati. Barra minn hekk, ir-reklutaġġ tagħhom x’aktarx li jseħħ fuq kuntratti temporanji, u għalhekk ma tiġix indirizzata l-isfida f’termini strutturali. B’konsegwenza ta’ dan, għad m’hemmx biżżejjed kapaċità biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ min qed ifittex xogħol, speċjalment dawk b’iżjed diffikultajiet biex jintegraw fis-suq tax-xogħol, u biex jiddaħħlu fis-seħħ miżuri sabiex jintlaħqu għall-attivazzjoni tagħhom. L-impatt ta’ programmi attivi tas-suq tax-xogħol u ta’ skemi ta’ appoġġ għall-introjtu għadu mxekkel minn valutazzjoni tal-kwalità u miżuri ta’ segwitu limitati.

(15)

Ċipru jżomm livell ta’ nfiq fl-edukazzjoni li huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni. Madankollu, ir-riżultati fl-edukazzjoni huma baxxi u saħansitra naqsu meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. Skont ir-riżultati tal-2015 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti, Ċipru huwa fl-aktar postijiet baxxi fl-Unjoni fil-livell ta’ ħiliet bażiċi fil-matematika, ix-xjenza u l-qari. Filwaqt li miżuri rimedjali introdotti reċentement bħal sistema aħjar biex jinħatru l-għalliema u l-immodernizzar tal-kurrikuli tal-iskejjel huma l-ewwel passi fid-direzzjoni t-tajba, azzjoni ulterjuri biex jitlestew ir-riformi ppjanati, inkluża evalwazzjoni tal-għalliema, jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex tittejjeb is-sitwazzjoni.

(16)

Nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol għadhom fil-biċċa l-kbira mhux indirizzati, li jaffettwa l-prospetti ta’ tkabbir sostenibbli fuq perjodu twil. Il-livelli ta’ parteċipazzjoni huma baxxi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sekondarju u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni għolja hija dgħajfa, u dan jirriżulta f’sehem għoli ta’ gradwati terzjarji li jaħdmu f’okkupazzjonijiet li mhux bilfors jirrikjedu grad terzjarju.

(17)

Is-settur tal-kura tas-saħħa Ċiprijott għadu kkaratterizzat minn nuqqas ta’ kopertura universali u livelli varji ta’ ineffiċjenza. Dan jillimita l-aċċess għal kura adegwata u effettiva. Leġiżlazzjoni li timmira li toħloq sistema nazzjonali tas-saħħa u li l-isptarijiet pubbliċi jingħataw awtonomija akbar hija essenzjali biex titjieb il-kapaċità u l-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa iżda għadha qed tistenna l-adozzjoni parlamentari.

(18)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Ċipru u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Ċipru fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f’Ċipru imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(19)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (8) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt.

(20)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

(1)

Isegwi l-politika fiskali tiegħu f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jimplika li jibqa’ fuq l-objettiv baġitarju tiegħu ta’ terminu medju fl-2018. Juża l-qligħ mhux mistenni biex jaċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika. Sa tmiem l-2017, jadotta riformi leġislattivi ewlenin li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fis-settur pubbliku, b’mod partikolari dwar il-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika, il-governanza ta’ entitajiet li huma proprjetà tal-istat u gvernijiet lokali.

(2)

Iżid l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja billi jiġu modernizzati l-proċeduri ċivili, l-implimentazzjoni xierqa ta’ sistemi ta’ informazzjoni u ż-żieda ta’ speċjalizzazzjoni tal-qrati. Jieħu miżuri addizzjonali biex jelimina l-ostakli għall-implimentazzjoni sħiħa tal-oqfsa ta’ insolvenza u jiżgura sistemi affidabbli u rapidi għall-ħruġ ta’ titoli tal-proprjetà u t-trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetajiet immobbli.

(3)

Iħaffef it-tnaqqis ta’ self improduttiv permezz tal-istabbiliment ta’ miri relatati kwantitattivi u marbuta biż-żmien u biex tiġi żgurata valutazzjoni preċiża ta’ kollateral għal skopijiet ta’ proviżjonament. Joħloq il-kundizzjonijiet għal suq sekondarju funzjonali għal self mhux produttiv. Jintegra u jsaħħaħ is-superviżjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet.

(4)

Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għat-tkabbir, li jiffoka b’mod partikolari fuq investimenti strateġiċi ta’ azzjoni rapida u t-titjib tal-aċċess għall-finanzjament u sa tmiem l-2017, jerġa’ jibda l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ privatizzazzjoni. Jieħu passi deċiżivi lejn is-separazzjoni tas-sjieda tal-Awtorità tal-Elettriku ta’ Ċipru u, b’mod partikolari, jipproċedi bis-separazzjoni funzjonali u tal-kontabbiltà sa tmiem l-2017.

(5)

Jgħaġġel ir-riformi li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u t-titjib tal-kwalità tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol tal-konsenja. Ilesti r-riforma tas-sistema edukattiva sabiex itejjeb ir-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-prestazzjoni, inkluż evalwazzjoni tal-għalliema. Sa tmiem l-2017, jadotta leġiżlazzjoni għal riforma tal-isptar u l-kopertura universali għall-kura tas-saħħa.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8).

(5)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, rikalkulati mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

(7)  In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern eskluż l-infiq fuq l-interessi, infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross finanzjat nazzjonalment hija mwittija fuq perjodu ta’ 4 snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Miżuri ta’ darba fuq in-naħat kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.