6.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/286


P9_TA(2022)0050

Il-piena tal-mewt fl-Iran

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar il-piena tal-mewt fl-Iran (2022/2541(RSP))

(2022/C 342/21)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

—

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt,

—

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

—

wara li kkunsidra r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Jannar 2022 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-kundanna ta' Narges Mohammadi,

—

wara li kkunsidra l-Korp tal-Prinċipji tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija tal-1988,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem: tat-18 ta' Marzu 2021 li talbet il-ħelsien immedjat ta' Dr Ahmadreza Djalali u tal-25 ta' Novembru 2020 li appellat lill-Iran biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adottata fis-sessjoni tiegħu tal-20-24 ta' Novembru 2017 rigward Ahmadreza Djalali (ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran),

—

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha hija wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.

billi skont in-NU, bejn l-1 ta' Jannar u l-1 ta' Diċembru 2021 mill-inqas 275 persuna ġew ġustizzjati fl-Iran, inklużi mill-inqas żewġ delinkwenti minorenni u 10 nisa; billi l-Iran għandu l-ogħla numru ta' eżekuzzjonijiet per capita fid-dinja; billi l-awtoritajiet Iranjani ħarġu sentenzi tal-mewt għal akkużi relatati ma' protesti u wettqu eżekuzzjonijiet kontra dawk li ffaċċjaw akkużi b'rabta ma' protesti mifruxa, iżda naqsu milli jwettqu kwalunkwe investigazzjoni trasparenti dwar l-allegazzjonijiet serji tal-użu ta' forza eċċessiva u letali mill-uffiċjali tas-sigurtà kontra d-dimostranti; billi l-priġunieri fl-Iran spiss ikunu soġġetti għal tortura, u dan iwassal għal tħassib li l-pieni tal-mewt qed jingħataw lill-priġunieri abbażi ta' konfessjonijiet foloz għal reati li ma wettqux;

C.

billi l-Iran jimponi u jwettaq il-piena tal-mewt kontra minorenni bi ksur tal-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; billi bejn l-2009 u Settembru 2020 ġew irrappurtati mill-inqas 67 eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni; billi 85 minorenni delinkwenti kienu kkundannati għall-mewt fl-Iran f'Jannar 2022;

D.

billi l-piena tal-mewt hija applikata b'mod sproporzjonat għall-minoranzi etniċi u reliġjużi, b'mod partikolari l-Baluch, il-Kurdi, l-Għarab u l-Baha'i; billi l-kodiċi penali jikkriminalizza l-omosesswalità u l-piena tal-mewt tintuża biex tolqot persuni LGBTIQ; billi n-nisa huma soġġetti għall-piena kapitali b'riżultat tan-natura diskriminatorja ta' diversi liġijiet li jikkonċernawhom direttament;

E.

billi skont Reporters Mingħajr Fruntieri, wara l-eżekuzzjoni ta' Rouhollah Zam fit-12 ta' Diċembru 2020, l-Iran iġġustizzja aktar ġurnalisti minn kwalunkwe pajjiż ieħor; billi l-Iran għadu wieħed mill-pajjiżi l-aktar ripressivi fid-dinja għall-ġurnalisti, u l-fastidju tal-ġurnalisti u tal-mezzi tax-xandir huwa bla waqfien;

F.

billi ċ-ċittadin Svediż-Iranjan Dr Ahmadreza Djalali, studjuż fil-Vrije Universiteit Brussel u fl-Università tal-Piemonte tal-Lvant, ġie kkundannat għall-mewt fuq akkużi ta' spjunaġġ foloz f'Ottubru 2017 wara proċess kompletament inġust fuq konfessjoni sfurzata taħt tortura; billi huwa qed jinżamm perjodikament f'reklużjoni fil-Ħabs ta' Evin;

G.

billi ġew irrappurtati diversi każijiet ta' kundizzjonijiet inumani u degradanti, partikolarment fil-ħabs ta' Evin, kif ukoll ta' nuqqas ta' aċċess adegwat għall-kura medika matul id-detenzjoni bi ksur tar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri;

H.

billi ċittadini oħra tal-UE qed jiġu detenuti b'mod arbitrarju fl-Iran; billi l-Iran ma jirrikonoxxix iċ-ċittadinanza doppja, u b'hekk jillimita l-aċċess li l-ambaxxati barranin għandhom għaċ-ċittadini tagħhom b'ċittadinanza doppja miżmuma hemmhekk;

I.

billi Mohammad Javad, champion tal-boxing, ġie kkundannat għall-mewt f'Jannar 2022 wara li ġie akkużat li “xerred il-korruzzjoni fid-Dinja”; billi Navid Afkari, wrestler li ddikjara li kien ġie ttorturat biex jagħmel konfessjoni falza, ġie ġġustizzjat f'Settembru 2020; billi s-sentenzi tagħhom huma direttament relatati mal-eżerċizzju paċifiku tagħhom tad-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

J.

billi l-kundanni ta' Mohammad Javad u Navid Afkari huma parti minn repressjoni intensifikata fuq l-atleti fl-Iran;

K.

billi Narges Mohammadi, rebbieħa tal-Premju Per Anger fuq quddiem nett tal-kampanja kontra l-piena tal-mewt fl-Iran, dan l-aħħar ġiet ikkundannata għal tmien snin oħra ħabs u 70 daqqa ta' frosta;

L.

billi Nasrin Sotoudeh, avukat magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem li, fost sforzi oħra, għamlet kampanja favur it-tmiem gradwali tal-piena tal-mewt u ħadmet b'mod estensiv ma' priġunieri żgħażagħ ikkundannati għall-mewt għal delitti li wettqu meta kellhom inqas minn 18-il sena, ġiet ikkundannata għal 33 sena u sitt xhur ħabs f'Marzu 2019; billi Nasrin Sotoudeh ingħatat il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2012 mill-Parlament Ewropew b'rikonoxximent tal-ħidma straordinarja tagħha fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem;

M.

billi l-għajbien sfurzat fuq skala kbira u l-eżekuzzjonijiet sommarji ta' dissidenti politiċi li seħħew fl-1988 s'issa ma kienu s-suġġett ta' ebda investigazzjoni u ħadd ma nżamm responsabbli għalihom;

N.

billi l-UE adottat miżuri restrittivi fil-konfront tal-Iran mill-2011 b'reazzjoni għall-ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq il-viża għal individwi u entitajiet responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjoni lejn l-Iran ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna u ta' tagħmir għall-monitoraġġ tat-telekomunikazzjonijiet; billi dawn il-miżuri huma aġġornati regolarment u ġew estiżi sat-13 ta' April 2022;

O.

billi minn meta Ebrahim Raisi ħa l-kariga bħala president f'Awwissu 2021, kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta' eżekuzzjonijiet, inkluż tan-nisa;

P.

billi, skont rapporti, kull sena 400-500 mara jinqatlu brutalment fl-Iran fl-hekk imsejjaħ “qtil tal-unur”; billi skont il-Kodiċi Penali Iranjan “qtil tal-unur” huwa permess taħt ċerti ċirkostanzi mingħajr penali; billi n-nisa u l-irġiel spiss ma jiffaċċjaw l-ebda ġustizzja f'reati mwettqa kontrihom f'isem l-“unur”; billi fil-5 ta' Frar 2022, Mona Heydari ġiet dekapitata minn żewġha, li mbagħad dar it-toroq jesebixxi rasha maqtugħa fil-belt tal-Lbiċ ta' Ahvaz; billi f'Mejju 2020, Romina Ashrafi, ta' 13-il sena ġiet dekapitata minn missierha stess b'minġel waqt li kienet rieqda;

Q.

billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti spjega li l-Iran jibqa' l-akbar promotur statali tat-terroriżmu fid-dinja f'dawn l-aħħar snin, billi pprovda appoġġ politiku, finanzjarju, operattiv u loġistiku lil serje ta' gruppi elenkati kemm fil-lista ta' terroristi tal-UE kif ukoll fil-lista tal-Istati Uniti ta' organizzazzjonijiet terroristiċi barranin;

1.

Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt, fiċ-ċirkostanzi kollha; jistieden lill-Gvern tal-Iran jintroduċi moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni u t-tibdil tas-sentenzi tal-mewt kollha;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran jemendaw b'mod urġenti l-Artikolu 91 tal-Kodiċi Penali Iżlamiku tal-Iran biex jipprojbixxu b'mod espliċitu l-użu tal-piena tal-mewt għal reati mwettqa minn persuni taħt it-18-il sena, fiċ-ċirkostanzi kollha u mingħajr ebda diskrezzjoni għall-imħallfin li jimponu l-piena tal-mewt jew il-priġunerija għall-għomor mingħajr il-possibbiltà ta' ħelsien;

3.

Jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-familji, lill-ħbieb u lill-kollegi tal-vittmi innoċenti kollha;

4.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent sikur u abilitanti fejn ikun possibbli li jiġu difiżi u promossi d-drittijiet tal-bniedem mingħajr biża' ta' rappreżalji, kastigi jew intimidazzjoni; jappoġġja bis-saħħa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Iranjan li jixtieq jgħix f'pajjiż liberu, stabbli, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

5.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jwaqqgħu immedjatament l-akkużi kollha kontra Dr Ahmadreza Djalali, u jeħilsuh u jikkumpensawh, u jieqfu milli jheddu lill-familja tiegħu fl-Iran u fl-Iżvezja;

6.

Itenni l-appell tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu ħilithom kollha biex jipprevjenu l-eżekuzzjoni ta' Dr Ahmadreza Djalali;

7.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jikkooperaw mingħajr aktar dewmien mal-ambaxxati tal-Istati Membri f'Tehran fl-istabbiliment ta' lista komprensiva ta' persuni b’ċittadinanza doppja UE-Iran li bħalissa qed jiġu detenuti fil-ħabsijiet Iranjani;

8.

Jistieden lill-Istati Membri kollha biex flimkien jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi u jieħdu inizjattivi diplomatiċi biex jimmonitorjaw proċessi inġusti u jżuru ħabsijiet fejn qed jiġu detenuti difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri oħra minħabba twemmin, inklużi ċittadini tal-UE fl-Iran, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-akkużi kollha kontra ċ-ċittadini kollha tal-UE detenuti b'mod arbitrarju jitwaqqgħu minnufih;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem Narges Mohammadi, il-ġurnalist politiku Mehdi Mahmoudian, li reċentement ġie kkundannat għal seba’ xhur oħra ħabs b'rabta mal-ħidma tiegħu kontra l-piena tal-mewt, u r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Nasrin Sotoudeh;

10.

Jiddeplora l-użu sistematiku tat-tortura fil-ħabsijiet Iranjani u jappella għall-waqfien immedjat ta' kull forma ta' tortura u trattament ħażin tad-detenuti kollha; jikkundanna l-prattika li ċċaħħad l-aċċess għat-telefonati u għal żjarat ta' membri tal-familja għad-detenuti; jesprimi tħassib serju dwar l-inabbiltà tad-detenuti li jkollhom aċċess għal rappreżentanza legali matul l-interrogazzjonijiet;

11.

Jikkundanna bil-qawwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora b'mod sostnut fl-Iran, speċjalment għall-persuni li jappartjenu lil minoranzi etniċi u reliġjużi, abbażi ta' diskriminazzjoni politika, ekonomika, soċjali u kulturali sistemika; jiddeplora l-eskalazzjoni allarmanti fl-użu tal-piena tal-mewt kontra d-dimostranti, id-dissidenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri ta' gruppi ta' minoranza;

12.

Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jindirizzaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu lil minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-Baluch, il-Kurdi, l-Għarab, il-Baha'i u l-persuni LGBTIQ, u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha li jinsabu l-ħabs talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin jew tal-orjentazzjoni sesswali;

13.

Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, li għadhom illegali fl-Iran;

14.

Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrevokaw immedjatament il-liġi dwar “il-Popolazzjoni żagħżugħa u l-Protezzjoni tal-Familja” u jiżguraw aċċess għas-servizzi pubbliċi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi servizzi tal-abort sikuri, legali, mingħajr ħlas u ta' kwalità għolja fiċ-ċirkostanzi kollha; ifakkar li ċ-ċaħda tal-abort lin-nisa tikkostitwixxi forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u tista' tammonta għal tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti; jikkundanna bil-qawwa t-theddid mill-awtoritajiet Iranjani li jimponu l-piena tal-mewt għall-abort u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani, b'mod partikolari, jirrevokaw din id-dispożizzjoni mingħajr dewmien; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkooperaw man-NU fil-monitoraġġ mill-qrib tal-liġi l-ġdida dwar “il-Popolazzjoni Żagħżugħa u l-Protezzjoni tal-Familja”, l-impatt tagħha fuq l-imwiet materni, u kwalunkwe żvilupp li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għall-abort;

15.

Jenfasizza li ċ-ċittadini tal-Iran, permezz ta' inizjattivi mmexxija miċ-ċittadini, qed jitolbu b'mod konsistenti l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u t-tmiem tal-użu tagħha kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-użu sproporzjonat tagħha kontra l-minoranzi; jappoġġja lis-soċjetà ċivili Iranjana u l-isforzi paċifiċi tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem;

16.

Jistieden lill-Iran jippermetti żjarat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jikkoopera bis-sħiħ mal-proċeduri speċjali kollha tiegħu, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran;

17.

Iħeġġeġ lill-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-Iran; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiżgura li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkompli jqajjem kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran; jafferma mill-ġdid li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent ċentrali fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran;

18.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) bħala strument importanti għall-UE biex tissanzjona lil dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jittieħdu miżuri mmirati, bl-użu tar-reġim attwali ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem kontra l-Iran jew ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE), kontra uffiċjali Iranjani li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi eżekuzzjonijiet u detenzjonijiet arbitrarji ta' ċittadini doppji u barranin fl-Iran, u inklużi mħallfin li kkundannaw għall-mewt lill-ġurnalisti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lid-dissidenti politiċi u lill-attivisti;

19.

Iqis li se jkunu meħtieġa aktar sanzjonijiet immirati jekk l-awtoritajiet Iranjani ma jeħilsux lil Dr Ahmadreza Djalali, kif qed jitolbu l-UE u l-Istati Membri tagħha;

20.

Jissottolinja r-rwol destabbilizzanti tar-reġim Iranjan fir-reġjun usa' u jiddenunzja l-fatt li r-reġim Iranjan huwa responsabbli għall-mewt ta' bosta ċivili fis-Sirja, fil-Jemen u fl-Iraq;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mexxej Suprem u lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majles tal-Iran.