|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2334 |
20.10.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2334
tad-19 ta’ Ottubru 2026
dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa lill-Forzi Armati tan-Niġerja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex l-Istati Membri jiffinanzjaw azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu evitat l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex jiġu ffinanzjati miżuri ta' assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża. |
|
(2) |
In-Niġerja hija sieħeb ewlieni fl-inizjattivi reġjonali, Ewropej u internazzjonali li għandhom l-għan li jsaħħu l-paċi u l-iżvilupp fl-Afrika tal-Punent. L-Unjoni tinsab fi sħubija b'saħħitha mal-gvern tan-Niġerja, bl-għan li jinkiseb żvilupp fit-tul permezz ta' approċċ komprensiv u integrat. |
|
(3) |
Fis- 26 ta’ Ġunju 2026, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rċeviet talba min-Niġerja biex l-Unjoni tgħin lill-Forzi Armati tan-Niġerja bl-akkwist ta' tagħmir ewlieni biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom. |
|
(4) |
Il-miżuri ta' assistenza għandhom jiġu implimentati b'kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b'mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(5) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta' applikazzjoni u durata
1. B'dan hija stabbilita miżura ta' assistenza għall-benefiċċju tan-Niġerja (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettivi tal-miżura ta' assistenza huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u n-Niġerja fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; |
|
(b) |
li jissaħħu l-kapaċitajiet militari u ta' difiża ġenerali tan-Niġerja; |
|
(c) |
li jsir kontribut għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-unitajiet tal-Forzi Armati tan-Niġerja skjerati fit-territorju nazzjonali tagħha; |
|
(d) |
li tiġi appoġġata l-kapaċità tal-Forzi Armati tan-Niġerja li jirreaġixxu kontra atturi esterni, gruppi armati u briganti malizzjużi, u għalhekk il-kapaċità tagħhom li jipproteġu t-territorju nazzjonali tan-Niġerja; |
|
(e) |
li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' sigurtà tal-popolazzjoni ċivili; |
|
(f) |
li tittejjeb l-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun. |
3. Biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta' assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta' tagħmir li ġejjin li mhumiex imfassla biex iwasslu forza letali:
|
(a) |
tagħmir u taħriġ kontra apparati splussivi improvviżati; |
|
(b) |
tagħmir u taħriġ kontra sistemi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord; |
|
(c) |
gogils għall-viżjoni billejl; |
|
(d) |
tagħmir protettiv personali. |
4. Id-durata tal-miżura ta' assistenza għandha tkun ta' 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' EUR 20 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir- “Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta' appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tan-Niġerja appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta' kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta' kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jintużaw u jkunu disponibbli għall-operat matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza ma jintilfux, u lanqas ma jiġu ttrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f'dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta' din id-Deċiżjoni għandha ssir minn:
|
(a) |
għall-punti (a) u (b) ta’ dak il-paragrafu, Expertise France; u |
|
(b) |
għall-punti (c) u (d) ta’ dak il-paragrafu, l-Amministratur għall-miżuri ta' assistenza, inkluż permezz ta’ arranġamenti amministrattivi f’konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. |
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta' ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' ksur bħal dan, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tan-Niġerja appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza.
2. Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta' oġġetti partikolari sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta' assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta' assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jibgħat lill-KPS rapporti ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa, f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jagħti informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi għalkollox jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza f'konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista' jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta' assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
D. CALLEARY
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2334/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)