|
26.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 310/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1085/2010
tal-25 ta’ Novembru 2010
li jistabbilixxi kwoti tariffarji annwali u mod għall-ġestjoni tagħhom għall-importazzjoni tal-patata ħelwa, tal-manjoka, tal-lamtu tal-manjoka u ta' prodotti oħra rilevanti għal kodiċijiet NM 0714 90 11 u NM 0714 90 19 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1000/2010
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 144(1) u l-Artikolu 148 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Bħala riżultat tal-ftehimiet li ntlaħqu waqt in-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kummissjoni stabbilixxiet lista ta' “CXL-Communautés européennes” (minn issa 'l quddiem “il-lista CXL”) li tiġbor fiha l-konċessjonjiet li ngħataw. Din il-lista tobbliga lill-Unjoni biex tiftaħ ċerti kwoti tariffarji annwali għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 0714 10 91 , 0714 10 98 , 0714 90 11 u 0714 90 19 li joriġinaw fl-Indoneżja, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iċ-Ċina) f’partijiet kontraenti oħra għall-WTO minbarra t-Tajlandja, u f’ċerti pajjiżi terzi mhux membri tal-WTO. Taħt dawk il-kwoti d-dazju tad-dwana huwa limitat għal 6 % ad valorem. Dawn il-kwoti għandhom jinfetħu fuq bażi multiannwali u għandhom ikunu ġestiti mill-Kummissjoni. |
|
(2) |
Il-lista CXL tobbliga wkoll lill-Unjoni biex tiftaħ żewġ kwoti tariffarji ta' bla dazju għal patata ħelwa li taqa’ taħt il-kodiċi NM 0714 20 90 favur iċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra rispettivament, kif ukoll żewġ kwoti tariffarji għal lamtu tal-manjoka li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1108 14 00 favur pajjiżi terzi oħra. |
|
(3) |
Il-Ftehim permezz ta' skambju ta' ittri dwar il-konsultazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja skont l-Artikolu XXIII tal-GATT (2) (minn issa 'l quddiem msejjaħ “il-ftehim mat-Tajlandja”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/317/KE tat-13 ta' Mejju 1996, dwar il-konklużjoni tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet mat-Tajlandja skont l-Artikolu XXIII tal-GATT (3) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jistipula l-ftuħ ta' kwota tariffarja annwali awtonoma addizzjonali tal-lamtu tal-manjoka ta' 10 500 tunnellata, li 10 000 minnhom huma allokati għat-Tajlandja. Id-dazju applikabbli huwa ugwali għal dak tan-nazzjon l-iktar vantaġġat (dazju NPF – droit de la Nation la Plus Favorisée) fis-seħħ imnaqqas b'EUR 100 kull tunnellata. |
|
(4) |
Attwalment, ir-regoli dwar l-implimentazzjoni għall-ġestjoni ta' dawn il-kwoti tariffarji kollha flimkien, minn issa 'l quddiem imsejjħa “il-kwoti” huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2402/96 tas-17 ta’ Diċembru 1996 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ ċerti kwoti ta’ tariffa annwali għal patata ħelwa u karboidrat manjoku [il-lamtu tal-manjoka] (4), kif ukoll bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 27/2008 tal-15 ta’ Jannar 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji annwali għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11 u 0714 90 19 li joriġinaw f’ċerti pajjiżi terzi minbarra t-Tajlandja (5). |
|
(5) |
L-użu tal-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” irriżulta pożittiv f'setturi agrikoli oħra, u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li dawn il-kwoti jiġu ġestiti skont il-metodu indikat fl-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jsir skont l-Artikoli 308(a), 308(b) u 308(c)(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (6). |
|
(6) |
Minħabba l-partikolaritajiet marbutin mat-trasferiment minn sistema ta' amministrazzjoni għall-oħra, l-Artikolu 308(c)(2) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 m’għandux japplika għall-perjodu ta' kwota li jibda mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011. |
|
(7) |
Fil-każ tal-patata ħelwa, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn patata ħelwa maħsuba għall-konsum uman u prodotti oħra; għalhekk huwa xieraq li jiġi definit il-mod ta' kif tiġi ppreżentata u ppakkjata l-patata ħelwa maħsuba għall-użu imsemmi hawn fuq u li taqa’ taħt il-kodiċi NM 0714 20 10 u prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-preżentazzjoni u tal-ippakkjar kif definiti jitqiesu li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0714 20 90 . |
|
(8) |
Huwa meħtieġ li tinżamm sistema ta’ ġestjoni li tiżgura li prodotti li joriġinaw mill-Indoneżja, miċ-Ċina u mit-Tajlandja biss jistgħu jiġu importati skont il-kwoti allokati lil dawn il-pajjiżi. Għandu jkun ikkjarifikat liema tip ta' prova li tiċċertifika l-oriġini tal-prodotti għandha tiġi pprovduta biex wieħed jibbenefika mill-kwoti tariffarji taħt is-sistema ta' “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”. |
|
(9) |
Għaldaqstant, ir-Regolamenti (KE) Nru 2402/96 u (KE) Nru 27/2008, għandhom jitħassru u jinbidlu b'Regolament ġdid. Madankollu huwa xieraq li r-Regolamenti imsemmija jinżammu applikabbli għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa għall-perjodi tal-kwota tal-importazzjoni ta’ qabel dawk koperti b’dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1, 2 u 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1000/2010 tat-3 ta' Novembru 2010 li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 2402/96, (KE) Nru 2058/96, (KE) Nru 2305/2003, (KE) Nru 969/2006, (KE) Nru 1918/2006, (KE) Nru 1964/2006, (KE) Nru 27/2008, (KE) Nru 1067/2008 u (KE) Nru 828/2009 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dati għat-tressiq tal-applikazzjonjiet u l-forniment tal-liċenzji tal-importazzjoni għall-2011 fil-qafas tal-kwoti tariffarji relatati mal-patata ħelwa, il-lamtu tal-manjoka, il-manjoka, iċ-ċereali, ir-ross, iz-zokkor u ż-żejt taż-żebbuġa, li jidderogaw mir-Regolamenti (KE) Nru 382/2008, (KE) Nru 1518/2003, (KE) Nru 596/2004, (KE) Nru 633/2004 u (KE) Nru 951/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dati tal-forniment tal-liċenzji tal-esportazzjoni għall-2011 fis-setturi tal-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tal-bajd, tal-laħam tat-tjur, u taz-zokkor u tal-isoglukożju għajr għall-kwoti (7) li ma għadhomx japplikaw minħabba t-trasferiment tal-ġestjoni ta' dawn il-kwoti għas-sistema ta' “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” stipulata fl-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Jeħtieġ għalhekk li jitħassru. |
|
(11) |
Il-miżuri stipulati b'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat ta' ġestjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jiftaħ il-kwoti tarriffarji tal-importazzjoni stipulati fl-Anness. Dawn il-kwoti għandhom jiġu ġestiti abbażi ta' sena kalendarja, li tibda mill-1 ta' Jannar 2011.
Artikolu 2
Il-kwoti indikati fl-Anness għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. L-Artikolu 308(c)(2) u (3), tar-Regolament imsemmi ma għandux japplika għall-perjodu ta' kwota li jibda mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011.
Artikolu 3
Il-benefiċċju tal-kwoti tariffarji bin-numru tas-serje 09.0125, 09.0126 jew 09.0124 u 09.0127 indikati fl-Anness għal prodotti li joriġinaw mit-Tajlandja, mill-Indoneżja jew mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, rispettivament, għandu jkun bil-kundizzjoni tal-preżentazzjoni ta' ċertifikat tal-oriġini maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikoli 55 sa 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.
Artikolu 4
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, hija meqjusa bħala prodott maħsub għall-konsum uman fi ħdan il-kodiċi NM 0714 20 10 il-patata ħelwa, friska, u sħiħa imqiegħda f'imballaġġi immedjati, filwaqt li jsiru l-formalitajiet tad-dwana għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw biss għal patata ħelwa li mhix maħsuba għall-konsum uman skont it-tifsira stipulata fil-paragrafu 1.
3. “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-prodotti bil-kodiċi NM ex 0714 10 98 ’ huma dawk il-prodotti miksuba minn dqiq jew smida li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0714 10 98 .”
Artikolu 5
Ir-Regolmenti (KE) Nru 2402/96 u (KE) Nru 27/2008 huma mħassra. Madankollu, ikomplu japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2011 u sal-iskadenza tagħhom.
Artikolu 6
Fir-Regolament (KE) Nru 1000/2010, l-Artikoli 1, 2 u 3 huma mħassra.
Artikolu 7
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi-President
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 122, 22.5.1996, p. 16.
(3) ĠU L 122, 22.5.1996, p. 15.
(4) ĠU L 327, 18.12.1996, p. 14.
ANNESS
Mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, id-deskrizzjoni tal-prodotti hija kkunsidrata li tkun indikattiva biss. L-ambitu tal-applikazzjoni tal-kwoti, fil-qafas ta’ dan l-Anness, huwa determinat mill-iskop tal-kodiċijiet NM kif jeżistu meta jiġi adottat dan ir-Regolament.
|
Numru tas-serje |
Kodiċijiet NM/Prodott |
Oriġini |
Dazju doganali |
Kwota tariffarja annwali (f'tunnellati, piż nett) |
|
09.0124 |
0714 20 90 Patata ħelwa maħsuba għal skopijiet li mhumiex il-konsum mill-bniedem |
Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina |
Bla dazju |
600 000 |
|
09.0125 |
1108 14 00 Lamtu tal-manjoka |
It-Tajlandja |
Id-dazju applikabbli huwa ugwali għak dak tan-nazzjon l-iktar vantaġġat (dazju MFN) fis-seħħ imnaqqas b'EUR 100 kull tunnellata. |
10 000 |
|
09.0126 |
0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11 0714 90 19 Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu |
L-Indoneżja |
6 % ad valorem |
825 000 |
|
09.0127 |
0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11 0714 90 19 Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu |
Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina |
6 % ad valorem |
350 000 |
|
09.0128 |
0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11 0714 90 19 Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu |
Pajjiżi terzi membri tal-WTO bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Indoneżja |
6 % ad valorem |
145 590 |
|
09.0130 |
0714 10 91 , 0714 90 11 Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu |
pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-WTO |
6 % ad valorem |
2 000 |
|
09.0129 |
0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11 0714 90 19 Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu |
pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-WTO |
6 % ad valorem |
30 000 |
|
09.0131 |
0714 20 90 Patata ħelwa maħsuba għal skopijiet li mhumiex il-konsum uman |
Pajjiżi terżi minbarra r-Repubblika Popolari taċ-Ċina |
Bla dazju |
5 000 |
|
09.0132 |
1108 14 00 Lamtu tal-manjoka |
Il-pajjiżi terzi kollha |
Id-dazju applikabbli huwa ugwali għak dak tan-nazzjon l-iktar vantaġġat (dazju MFN) fis-seħħ imnaqqas b'EUR 100 kull tunnellata. |
10 500 |