European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2619

24.11.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2619

tat-23 ta’ Novembru 2026

b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (“l-Istrateġija tal-UE”).

(2)

L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (is-“CWC”) u tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (l-“OPCW”) fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa mill-armi kimiċi. Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE, l-Unjoni impenjat ruħha li taħdem biex tikseb l-aderenza universali għal trattati u ftehimiet ewlenin dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, inkluż is-CWC.

(3)

Mill-2004, l-Unjoni appoġġat l-attivitajiet tal-OPCW permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/569/PESK (1); 2012/166/PESK (2); (PESK) 2015/259 (3), (PESK) 2019/538 (4); (PESK) 2021/1026 (5), (PESK) 2021/2073 (6), (PESK) 2023/1344 (7), (PESK) 2024/1984 (8), (PESK) 2025/2354 (9) u l-Azzjonijiet Konġunti tal-Kunsill 2004/797/PESK (10); 2005/913/PESK (11) u 2007/185/PESK (12).

(4)

It-tkomplija tal-għoti ta’ assistenza intensiva u mmirata bħal din min-naħa tal-Unjoni għall-OPCW hi meħtieġa fil-kuntest tal-implimentazzjoni attiva tal-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE. B’mod partikolari, hemm ħtieġa għal aktar attivitajiet biex tissaħħaħ l-effettività operazzjonali tal-OPCW u l-kapaċità tal-Istati Parti għas-CWC biex iwettqu l-obbligi tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tadotta din id-Deċiżjoni sabiex tipprovdi dik l-assistenza.

(5)

Jenħtieġ li s-Segretarjat Tekniku tal-OPCW jiġi fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet li jridu jitwettqu skont din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva, l-Unjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (is-“CWC”) permezz ta’ azzjoni operazzjonali. L-objettiv ġenerali ta’ dik l-azzjoni huwa li tiġi żgurata l-kapaċità tas-Segretarjat tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) li jiffaċilita u jtejjeb l-implimentazzjoni tas-CWC mill-Istati Partijiet, bil-għan ji tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali permezz tar-rispett tan-normi tas-CWC u sabiex armi kimiċi ma jerġgħux ifiġġu, filwaqt li jippromwovi l-użi paċifiċi tal-kimika.

2.   L-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

tivverifika l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe ħażniet ta’ armi kimiċi u faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ armi kimiċi mhux iddikjarati li fadal, soġġett għall-miżuri ta’ verifika previsti fis-CWC;

(b)

tiżgura li r-reġim ta’ verifika jkun kapaċi jirrispondi għal żviluppi ġodda u li qed ifiġġu, għal effettività aħjar tas-CWC u għal konformità aħjar magħha;

(c)

tnaqqas it-theddid tal-użu tal-armi kimiċi u tipprevjeni li jerġa’ jfiġġ permezz tan-nonproliferazzjoni,;

(d)

iżżomm il-kapaċità organizzazzjonali effettiva sabiex tipprevjeni u, fuq talba, tirrispondi, għal allegazzjonijiet tal-użu ta’ armi kimiċi, jew użi oħra ta’ sustanzi kimiċi tossiċi pprojbiti skont is-CWC;

(e)

tikkontribwixxi għall-prontezza u l-kapaċità ta’ rispons tal-OPCW u tal-Istati Parti għat-talbiet għal assistenza u protezzjoni mill-użu u t-theddid tal-użu ta’ armi kimiċi;

(f)

tiżgura li l-OPCW tibqa’ tajba biex taqdi l-iskop tagħha skont l-avvanzi mil-lat xjentifiku u teknoloġiku;

(g)

twassal messaġġ favur dinja ħielsa mill-armi kimiċi u li l-użi paċifiċi tal-kimika; u taħdem lejn aderenza universali mas-CWC;

(h)

tintegra l-isforzi sostantivi tal-bini tal-kapaċità għall-kooperazzjoni internazzjonali.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW.

3.   Is-Segretarjat Tekniku tal-OPCW għandha twettaq il-kompitu msemmi fil-paragrafu 2 taħt is-superviżjoni tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-fini, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 3 978 934,10.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ kontribuzzjoni mas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW. Il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku tal-OPCW għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod adatt għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lura lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW. Ir-rapporti tar-Rappreżentant Għoli għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż ebda ftehim f’dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/569/PESK tas-27 ta’ Lulju 2009 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/569/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat-23 ta’ Marzu 2012 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/166(1)/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/259 tas-17 ta’ Frar 2015 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 43, 18.2.2015, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/259/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/538 tal-1 ta’ April 2019 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 93, 2.4.2019, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/538/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1026 tal-21 ta’ Ġunju 2021 b’appoġġ għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 224, 24.6.2021, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1026/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2073 tal-25 ta’ Novembru 2021 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) permezz tal-immaġni bis-satellita (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2073/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1344 tas-26 ta’ Ġunju 2023 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) (ĠU L 168, 3.7.2023, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1344/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1984 tal-15 ta’ Lulju 2024 b’appoġġ għall-Ippjanar Tranżizzjonali Istituzzjonali għal Missjonijiet Mhux ta’ Rutina u Kapaċitajiet Investigattivi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) (ĠU L, 2024/1984, 16.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1984/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/2354 tal-20 ta’ Novembru 2025 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-attivitajiet tal-missjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) relatati mas-Sirja u l-Ukrajna u t-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-OPCW permezz ta’ immaġnijiet bis-satellita (ĠU L, 2025/2354, 21.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2354/oj).

(10)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/797/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/797/oj).

(11)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK tat-12 ta’ Diċembru 2005 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/913/oj).

(12)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK tad-19 ta’ Marzu 2007 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/185/oj).


DOKUMENT TA' PROĠETT GĦAL DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL B'APPOĠĠ GĦALL-OPCW

Sfond u Loġika

L-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (l-“OPCW”) hija organizzazzjoni internazzjonali stabbilita bil-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (is-“CWC”). Is-CWC daħlet fis-seħħ fid-29 ta' April 1997 u issa għandha 193 Stat Parti, li jirriflettu sħubija kważi universali. Il-missjoni tal-OPCW hija li tikseb dinja ħielsa mill-armi kimiċi permezz tal-qerda vverifikata ta' ħażniet ta' armi kimiċi ddikjarati u l-prevenzjoni tal-emerġenza mill-ġdid tal-produzzjoni u l-użu ta' armi kimiċi.

F'Diċembru 2003, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (Strateġija tal-UE), li fiha rrikonoxxiet it-theddida kkawżata mill-armi ta' qerda massiva għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (“CWC”) u tal-OPCW fil-ksib ta' dinja ħielsa mill-armi kimiċi. L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE huma komplementari għal dawk tas-CWC. L-UE u l-OPCW, sa mill-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE, fittxew il-kooperazzjoni inkluż l-impenn permezz ta' sensiela ta' Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet. (1) Il-Memorandum ta' Qbil bejn l-UE u l-OPCW (2024) ikompli jsaħħaħ din is-sħubija essenzjali fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi ewlenin tal-OPCW.

Bil-qerda tal-ħażniet iddikjarati kollha ta' armi kimiċi vverifikata fl-2023, l-OPCW tkompli tadatta għall-evoluzzjoni rapida fix-xjenza u t-teknoloġija, xenarju tal-armi kimiċi li qed jinbidel u ambjent ta' sigurtà internazzjonali degradat. Fl-istess ħin, għad fadal prijoritajiet biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tas-CWC u r-reġim ta' verifika, tiġi pprovduta prevenzjoni effettiva kontra l-użu ta' armi kimiċi, jingħata kontribut għat-tnaqqis tat-theddid u jiġi evitat li jerġgħu jitfaċċaw armi kimiċi, u jiġu promossi l-użi paċifiċi tal-kimika. Is-sħubija u l-appoġġ permezz tal-baġit tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE wrew li huma strumentali fl-amplifikazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet tal-OPCW u fl-assistenza għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi tagħha sal-lum. L-appoġġ kontinwu tal-UE jibqa' essenzjali biex jiġi żgurat li s-Segretarjat tal-OPCW ikun mgħammar bis-sħiħ biex jidentifika u jindirizza l-prijoritajiet attwali u emerġenti b'mod effettiv. L-OPCW tilqa' l-impenn kontinwu tal-UE li tappoġġa l-isforzi tagħha biex twettaq il-mandati tagħha, u b'hekk tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Barra minn hekk, filwaqt li tirrikonoxxi sfidi emerġenti, l-OPCW tilqa' wkoll l-interess kontinwu tal-UE fit-tisħiħ tal-appoġġ tagħha lit-timijiet tekniċi tal-OPCW meta tipprovdi assistenza lill-Istati Parti, kif meħtieġ, fl-implimentazzjoni attiva tal-Kapitoli II u III tal-Istrateġija tal-UE.

Objettivi Ġenerali tal-Azzjoni Proposta

L-objettiv ġenerali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE huwa li tiġi żgurata l-kapaċità tas-Segretarjat li jiffaċilita u jtejjeb l-implimentazzjoni tas-CWC. Tali appoġġ jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali permezz tar-rispett tan-normi tas-CWC. Jikkontribwixxi wkoll biex armi kimiċi ma jerġgħux ifiġġu, filwaqt li jippromwovi l-użi paċifiċi tal-kimika.

Objettivi Speċifi tal-Azzjoni Proposta

—

Tivverifika l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe ħażna u faċilità ta' produzzjoni mhux iddikjarati li fadal ta' armi kimiċi, soġġett għall-miżuri ta' verifika previsti fis-CWC.

—

Tiżgura li r-reġim ta' verifika jkun kapaċi jirrispondi għal żviluppi ġodda u li qed ifiġġu, għal effettività aħjar tal-Konvenzjoni u għal konformità aħjar magħha.

—

Tnaqqas it-theddid tal-użu tal-armi kimiċi u, permezz tan-nonproliferazzjoni, tipprevjeni li jerġa' jfiġġ.

—

Iżżomm il-kapaċità organizzazzjonali effettiva sabiex tipprevjeni u, fuq talba, tirrispondi għal allegazzjonijiet tal-użu ta' armi kimiċi, jew użi oħra ta' sustanzi kimiċi tossiċi pprojbiti skont il-Konvenzjoni; u, Tikkontribwixxi għall-prontezza u l-kapaċità ta' rispons tal-OPCW u tal-Istati Parti għat-talbiet għal assistenza u protezzjoni mill-użu u t-theddid tal-użu ta' armi kimiċi.

—

Tibqa' tajba, bħala organizzazzjoni, biex taqdi l-iskop tagħha skont l-avvanzi mil-lat xjentifiku u teknoloġiku.

—

Twassal messaġġ favur dinja ħielsa mill-armi kimiċi u li jippromwovi l-użi paċifiċi tal-kimika; u taħdem lejn aderenza universali mas-CWC.

—

Tintegra l-isforzi sostantivi tal-bini tal-kapaċità għall-kooperazzjoni internazzjonali.

Riżultati Mistennija tal-Azzjoni

—

Riżultat 1: Tinżamm il-kapaċità organizzazzjonali biex jitħejjew xenarji u soluzzjonijiet immirati bbażati fuq istituzzjonalizzazzjoni robusta tal-għarfien u r-rekords dwar id-demilitarizzazzjoni kimika.

—

Riżultati mistennija: Kapaċità ta' rispons istituzzjonali ppreservata għal kwalunkwe talba għall-qerda ta' armi kimiċi biex tiġi identifikata faċilità jew tagħmir speċjalizzat għall-verifikazzjoni tal-qerda f'konformità mas-CWC.

—

L-attivitajiet indikattivi ser ikopru: L-integrazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ta' informazzjoni speċjalizzata dwar il-verifika tad-demilitarizzazzjoni f'bażi tad-data tal-għarfien interattiva u sigura. L-applikazzjoni tal-bażi tad-data biex tinforma t-taħriġ tat-TS dwar l-operazzjonijiet ta' verifika (żvilupp u introduzzjoni) u missjonijiet ta' rutina (Art IV u V), l-iskjeramenti u l-attivitajiet ta' verifika li jkopru l-faċilitajiet ta' produzzjoni, qerda u ħżin.

—

Riżultat 2: L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' miżuri ta' verifika tal-industrija li jiżguraw valutazzjoni komprensiva u jimmiraw għażla tas-sit ibbażata fuq ir-riskju għal probabbiltà akbar kontra d-devjazzjoni u l-prevenzjoni ta' tfaċċar mill-ġdid.

—

Riżultati mistennija: Metodoloġiji ta' verifika tal-industrija adattati biex jipprovdu stampa komprensiva tal-attivitajiet fil-faċilitajiet iddikjarati, inkluż permezz tal-użu ta' firxa usa' ta' sorsi ta' informazzjoni u teknoloġiji fil-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' verifika.

—

L-attivitajiet indikattivi ser ikopru: Il-ħolqien ta' sistemi personalizzati għal informazzjoni b'sors miftuħ li jintegraw teknoloġiji ġodda fi ħdan il-politiki tal-OPCW u l-proċessi tar-reġim ta' verifika. L-istabbiliment ta' ambjent favorevoli għall-użu mis-Segretarjat ta' analiżijiet u data b'sors miftuħ għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-verifiki tal-industrija. L-iżvilupp u l-użu ta' għodod diġitali avvanzati (bħal teknoloġiji ta' taħriġ immersiv (VR)) biex jappoġġaw il-valutazzjoni u l-użu tal-verifika tal-industrija. L-aġġornament tal-proċeduri ta' spezzjoni biex jirriflettu l-avvanzi fit-teknoloġija - inkluż fir-rigward ta' proċessi ġodda ta' produzzjoni, tekniki avvanzati ta' manifattura, u teknoloġiji kimiċi emerġenti.

—

Riżultat 3: Żieda fil-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet biex jipprevjenu l-emerġenza mill-ġdid ta' armi kimiċi u jnaqqsu t-theddid emerġenti tal-użu ta' armi kimiċi.

—

Riżultati mistennija: Tnaqqis fir-riskji ta' theddid permezz ta' żieda fil-kapaċitajiet tal-partijiet ikkonċernati; dispożizzjonijiet estiżi għas-sikurezza u s-sigurtà kimika; u sforzi estiżi biex jiġi indirizzat it-theddid kimiku, inkluż dak maħluq minn atturi mhux statali.

—

L-attivitajiet indikattivi ser ikopru: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti (l-awtoritajiet nazzjonali, l-istati partijiet, l-industrija, eċċ.) permezz ta' taħriġ iddedikat f'oqsma bħal: id-dwana u l-kontrolli fil-fruntieri, l-implimentazzjoni tar-reġim ta' trasferiment tas-CWC, l-applikazzjoni u l-infurzar għal sustanzi kimiċi skedati, il-miżuri rilevanti ta' sigurtà kimika u l-leġiżlazzjoni rispettiva, is-sikurezza u s-sigurtà kimika, eċċ. L-espansjoni tal-involviment u l-kapaċitajiet tal-OPCW tal-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw u jinvolvu ruħhom mal-industrija u l-kummerċ tas-sustanzi kimiċi permezz ta' diversi mekkaniżmi ta' koordinazzjoni. L-iżgurar li l-approċċi għat-teknoloġiji emerġenti (IA, UAVs, eċċ.) ikunu integrati, adattati u reattivi għal xenarju ta' theddid dinamiku.

—

Riżultat 4: Kapaċitajiet effettivi għall-assistenza u l-protezzjoni, il-prevenzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' armi kimiċi u l-investigazzjoni ta' allegazzjonijiet ta' użu.

—

Riżultati mistennija: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali ta' tħejjija u tat-tħejjija istituzzjonali ppreservati biex jirrispondu għat-talbiet tal-Istati Partijiet għal assistenza u protezzjoni; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet forensiċi biex jiġu analizzati u identifikati aġenti ta' theddid kimiku, prekursuri, u prodotti ta' degradazzjoni; u kapaċitajiet imsaħħa tal-OPCW għall-prevenzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' armi kimiċi u ż-żamma tal-konformità mal-Konvenzjoni.

—

L-attivitajiet indikattivi ser ikopru: Żieda fil-kapaċitajiet ta' rispons ta' assistenza u protezzjoni tal-Istati Partijiet (taħriġ speċjalizzat, programm ta' skambju għall-iżvilupp tal-għalliema, eżerċizzji CHEMEX, eċċ.). L-esspansjoni tal-applikazzjoni tal-forensika mil-lat organizzazzjonali, inkluż għal protokolli investigattivi, taħriġ, u sforzi ta' tfassil ta' profili kimiċi.

—

Riżultat 5: Jiġu indirizzati u inkorporati innovazzjonijiet fix-xjenza u t-teknoloġija fi ħdan is-Segretarjat biex jiġi żgurat bilanċ bejn ir-riskji u l-opportunitajiet, u titħejja aħjar l-OPCW biex tassisti lill-Istati Parti u tindirizza t-theddid tal-lum u tal-futur.

—

Riżultati mistennija: Il-kapaċitajiet tas-Segretarjat jiġu infurmati mill-innovazzjonijiet attwali fix-xjenza u t-teknoloġija. Il-kapaċitajiet operazzjonali tas-Segretarjat għat-tħejjija u l-iskjerament tal-missjonijiet jiġu msaħħa. Aktar kapaċitajiet analitiċi u ta' ġestjoni għal-laboratorji fl-Istati Partijiet biex jiskambjaw u jiksbu għarfien espert u jiżviluppaw metodi u approċċi analitiċi ġodda. Network globali estiż ta' laboratorji deżinjati li jipprovdu kapaċitajiet adegwati għall-OPCW biex twettaq kompiti analitiċi possibbli li jirriżultaw minn spezzjonijiet jew ħtiġijiet oħra relatati mal-implimentazzjoni tas-CWC.

—

L-attivitajiet indikattivi ser ikopru: Il-forniment ta' pjattaforma għal involviment usa' dwar il-kapaċitajiet u l-użi paċifiċi tal-kimika inkluż: il-kapaċitajiet u t-taħriġ tal-laboratorju, ix-xjenza għad-diplomatiċi, l-isfida/i tar-riċerka xjentifika. It-tisħiħ tar-rieda tal-OPCW li tindirizza l-progress fix-xjenza u t-teknoloġija permezz tal-Bord Xjentifiku u Konsultattiv (SAB) tal-OPCW, il-Gruppi ta' Ħidma Temporanji (TWGs) tagħha u sessjonijiet ta' ħidma relatati. L-espansjoni tal-interfaċċi bejn ix-xjenza u t-teknoloġija bl-integrazzjoni organizzazzjonali tal-IA f'oqsma li jistgħu jinkludu iżda mhumiex limitati għad-diġitalizzazzjoni tal-IA tal-għodod (bażijiet tad-data, validazzjonijiet, forensika), l-isforzi biex jiġu indirizzati r-riskji assoċjati mal-użu ħażin tal-mudelli tal-IA, u tbassir ieħor tal-futuri. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-OPCW għat-tħejjijiet u l-implimentazzjoni tal-missjonijiet.

—

Riżultat 6: It-tisħiħ tal-awtorità tat-tmexxija u l-komunikazzjonijiet globali tal-OPCW permezz tal-involviment ma' udjenzi differenti, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-espansjoni tal-universalità tan-normi globali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni flimkien mal-użi paċifiċi tal-kimika.

—

Riżultati mistennija: Sensibilizzazzjoni effettiva u komunikazzjonijiet organizzazzjonali koerenti jżidu l-fehim tas-CWC u l-fiduċja fis-sorveljanza tas-CWC mill-OPCW.

—

L-attivitajiet indikattivi ser ikopru: It-tisħiħ tar-rwol tal-OPCW fil-promozzjoni tal-użi paċifiċi u awtorizzati tal-kimika għal udjenzi differenti li qed jikbru. Is-salvagwardja tal-integrità u l-kredibbiltà organizzazzjonali permezz tar-reżiljenza istituzzjonali għall-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni. L-għoti ta' involviment u bini ta' kapaċitajiet speċjalizzati lill-udjenzi fil-mira (is-soċjetà ċivili, l-NGOs, iż-żgħażagħ, in-nisa, eċċ.). Sforzi kontinwi biex tiġi żgurata l-universalità. Implimentazzjoni ulterjuri ta' sħubija approfondita bejn l-OPCW u l-UE.

—

Riżultat 7: Tiġi stabbilita programmazzjoni reġjonali u subreġjonali vijabbli biex jiġu appoġġati u jinbnew il-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet bl-għan li jiġu ssodisfatti l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni.

—

Riżultati mistennija: Koordinazzjoni mtejba għal avvenimenti reġjonali u subreġjonali li jirrispondu għall-ħtiġijiet ivvalidati tal-Istati Partijiet, bi programmazzjoni integrata ppilotata għal Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali u appoġġ speċjalizzat.

—

L-attivitajiet indikattivi ser ikopru: Il-konnessjoni tal-pajjżi (fil-livell tar-reġjuni, is-sottoreġjuni) ma' sfidi simili ta' implimentazzjoni u t-tfassil ta' approċċi għall-bini tal-kapaċitijiet f'konformità ma' prijoritajiet u kuntesti speċifiċi. L-espansjoni ta' inizjattivi ta' mentoraġġ, sħubija u tagħlim bejn il-pari biex jiġi aċċellerat l-iskambju ta' esperjenza prattika u jissaħħu l-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni fl-Istati Partijiet.

Benefiċjarji Finali

Il-benefiċjarji jinkludu: Il-persunal u t-timijiet tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW; u partijiet ikkonċernati tas-CWC inkluż Stati Partijiet, Awtoritajiet Nazzjonali, is-Soċjetà Ċivili, Unitajiet tal-Protezzjoni Ċivili, Universitajiet, Laboratorji Sħab, Organizzazzjonijiet Internazzjonali u Intergovernattivi, il-pubbliku.

Tul ta' żmien

Id-durata totali stmata tal-Azzjoni hija ta' 36 xahar.


(1)  Inkluż l-Azzjoni Konġunta 2004/797/CFSP (skaduta); l-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK (skaduta); l-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK (skaduta); id-Deċiżjoni 2009/569/PESK (skaduta); l-Azzjoni Konġunta 2012/166/PESK (skaduta); id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2015/259 (estiża bid-Deċiżjoni (PESK) 2018/294 u skaduta); (PESK) 2017/2302 (estiża bid-Deċiżjoni (PESK) 2019/1092, skaduta); (PESK) 2017/2303 (estiża bid-Deċiżjoni (PESK) 2018/1943 u (PESK) 2019/2112, skaduta); (PESK) 2019/538 (skaduta); (PESK) 2021/1026 (skaduta), u (PESK) 2021/2073 (skaduta); (PESK) 2023/1344 (fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026); (PESK) 2024/1984 (fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2027); u (PESK) 2025/2354 (tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2619/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)