|
12.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 187/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/765
tad-29 ta’ Mejju 2020
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2025 (2), il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fl-20 ta’ Novembru 2019. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprovdi wkoll li l-Unjoni tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u li jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin jirkupra l-popolazzjoni ta’ speċijiet mistada u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprovdi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u konservazzjoni bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, biex telimina gradwalment il-qbid skartat u tippromwovi l-metodi ta’ sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha. Il-Protokoll huwa konsistenti ma’ dawk l-objettivi. |
|
(3) |
Kif iddikjarat fil-komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà intitolata Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta’ miżuri għall-appoġġ u t-tisħiħ tal-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, it-titjib tal-governanza tagħhom huwa fundamentali għall-azzjoni tal-Unjoni f’dawn il-fora. Il-Protokoll huwa kompletament konformi ma’ dawk il-miri. |
|
(4) |
Il-Protokoll jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna/jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ approvazzjoni tal-Protokoll previst fl-Artikolu 13 tal-Protokoll.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (4).
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Mejju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
(1) Kunsens mogħti fit-13 ta’ Mejju 2020.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2025 tat-18 ta’ Novembru 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ĠU L 313, 4.12.2019, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.