|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6814 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Irlanda
(C/2024/6814)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Irlanda żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f’termini ta’ disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Irlanda bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Irlanda. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta’ April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta’ Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fit-28 ta’ Mejju 2021, l-Irlanda ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fit-8 ta' Settembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Irlanda tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
L-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 fit-30 ta' April 2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2024 fl-10 ta' Mejju 2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Irlanda dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(9) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Irlanda. Dan ivvaluta l-progress tal-Irlanda fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Irlanda. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Irlanda fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(10) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, is-surplus tal-gvern estiż tal-Irlanda baqa' stabbli fil-livell ta' 1,7 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 44,4 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 43,7 % fi tmiem l-2023. |
|
(11) |
Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li l-Irlanda tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (13), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Kunsill irrakkomanda li l-Irlanda taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Irrakkomanda wkoll li l-Irlanda tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet espansjonarja, b'0,9 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,8 % tal-PDG. Dan jinkludi t-tnaqqis ta’ 0,1 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirati għall-enerġija għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll iż-żieda ta’ 0,1 % tal-PDG fil-kost tal-offerta ta’ protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kinitx dovuta għall-appoġġ ta’ emerġenza mmirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, u kienet parzjalment biss dovuta għall-appoġġ għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) kien immotivat ukoll minn żidiet permanenti fil-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku, u nfiq ogħla fuq il-kura tas-saħħa. Kumplessivament, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 0,1 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta' 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. L-Irlanda ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Hija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-elettrifikazzjoni tal-linji tal-ivvjaġġar pendolari u programm biex tiġi pprovduta infrastruttura diġitali lill-iskejjel. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(12) |
Fil-Programm ta' Stabbiltà 2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,6 % fl-2024 u 3,9 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta’ 2,1 % kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 1,6 % tal-PDG fl-2024 u jiżdied għal 1,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 41,5 % sa tmiem l-2024 u 39,5 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, is-surplus tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 1,5 % tal-PDG fl-2026, u jiżdied għal 1,7 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 37,8 % fl-2026, u 36,7 % fl-2027. |
|
(13) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber b'1,2 % fl-2024 u 3,6 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-HICP ser tkun ta' 1,9 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025. |
|
(14) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern ta' 1,3 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 42,5 % sa tmiem l-2024. Is-surpluses aktar baxxi jirriflettu approċċ kawt fir-rigward tal-persistenza possibbli ta’ tkabbir għoli fl-infiq fl-2024 u l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2024 jirrifletti prinċipalment is-surplus tal-gvern u jkun akbar li kieku ma kienx għal aġġustamenti sinifikanti bejn l-istokk u l-flussi. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali f'livell ta' -0,1 % tal-PDG fl-2024. |
|
(15) |
In-nefqa li tammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, b'mod simili għall-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Irlanda. |
|
(16) |
Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li l-Irlanda żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Irlanda huwa pprojettat li jkun 1,8 % tal-PDG fl-2024, minn 1,0 % fl-2023, u b’hekk ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tal-pajjiż li jkollu bilanċ strutturali ta’ -0,5 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(17) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Irlanda tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, l-Irlanda tiżgura li tali miżuri ta’ appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (16) tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 0,4 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(18) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Irlanda tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 2,3 % tal-PDG fl-2023 għal 2,5 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija tibqa' stabbli fil-livell ta' 0,1 % tal-PDG fl-2024. |
|
(19) |
Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta’ suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern ta' 1,2 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 41,3 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment is-surplus tal-gvern u jkun akbar li kieku ma kienx għal aġġustamenti sinifikanti bejn l-istokk u l-flussi. |
|
(20) |
Hemm tħassib relatat mal-impatt fuq is-sostenibbiltà fiskali tal-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa. L-Irlanda hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni mingħajr kopertura universali tal-kura primarja, u dan ipoġġi aktar pressjoni fuq l-isptarijiet. It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa mistenni li jpoġġi pressjoni fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa: huwa pprojettat li jwassal għal żieda ta’ 1,5 punti perċentwali fin-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa bħala perċentwal tal-PDG għall-Irlanda sal-2070, li huwa ferm ogħla miż-żieda pprojettata ta’ 0,4 punti perċentwali għall-Unjoni. |
|
(21) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Irlanda permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Irlanda tkompli timplimenta r-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b'saħħitha. Dan jinkludi s-sottomissjoni f’waqtha tat-talbiet għall-ħlas li ġejjin. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(22) |
Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), l-Irlanda hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. L-Irlanda għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. L-Irlanda tkompli tirreġistra disparitajiet ekonomiċi u soċjali importanti bejn iż-żoni metropolitani u żoni oħra fil-pajjiż, speċjalment fir-reġjun tat-Tramuntana u tal-Punent. Hemm dgħufijiet sinifikanti fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, li qed jiffaċċaw riskji għoljin b’mod sproporzjonat ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Filwaqt li l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi għadhom rilevanti, huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom. Għadu rilevanti l-objettiv li jissaħħu l-ekosistemi tal-innovazzjoni fil-livell reġjonali, li jinkludi l-għan li jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjun tat-Tramuntana u tal-Punent u ż-żewġ reġjuni l-oħra. L-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi soċjali u l-iżvilupp ta’ miżuri mmirati għall-ħiliet għall-aktar gruppi żvantaġġati, biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħaddiema, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, għadhom importanti. L-Irlanda tista’ tuża l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), biex tagħti spinta lill-investimenti fid-diġitalizzazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u r-riċerka għal teknoloġiji tal-enerġija nadifa f’konformità mal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, il-“Viżjoni tal-Istrateġija tal-Industrija 4.0 tal-Irlanda 2020-2025”, u l-istabbiliment ta’ Future Manufacturing Ireland. |
|
(23) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, l-Irlanda qed tiffaċċa diversi sfidi relatati mal-provvista tal-ilma tax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi, kif ukoll is-sistema tal-ġestjoni tal-iskart. Barra minn hekk, għad hemm sfidi fir-rigward tas-sistema tal-elettriku, l-infrastruttura tal-enerġija u t-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti, u l-effiċjenza enerġetika. |
|
(24) |
Għad hemm nuqqasijiet sinifikanti fis-setturi tal-ilma u tal-ilma mormi li jaffettwaw il-kwalità tal-ilma. Dawk in-nuqqasijiet huma aggravati minn rati ta’ tnixxija persistentement għoljin fis-sistema tal-provvista tal-ilma. L-Irlanda għandha prestazzjoni baxxa fir-rigward tal-istandards deskritti fid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (19), peress li ammont sinifikanti ta’ ilma mormi urban għadu mhux ittrattat jew mhux miġbur, l-aktar minħabba infrastruttura qadima. Sehem sinifikanti tal-popolazzjoni Irlandiża għadu mhuwiex konness ma’ mill-inqas trattament sekondarju tal-ilma mormi. L-estrazzjoni tal-ilma u l-bidliet fil-korpi tal-ilma mhumiex ikkontrollati biżżejjed minħabba n-nuqqas ta’ qafas legali xieraq. In-nuqqas ta’ infrastruttura adegwata għall-provvista tal-ilma tax-xorb u għall-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi jista’ jillimita l-bini tad-djar jew tal-industrija f’ċerti żoni, u b’hekk jaffettwa l-kompetittività. |
|
(25) |
Is-sistema tal-enerġija tal-Irlanda kompliet turi sinjali ta’ vulnerabbiltà fl-2023 hekk kif il-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku baqgħu ogħla mill-medja tal-Unjoni. Fit-tieni nofs tal-2023, l-Irlanda kellha l-ogħla prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi fl-Unjoni, u dawn il-prezzijiet għadhom għoljin. L-Irlanda stabbiliet miri ambizzjużi għas-sehem tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli u bdiet twettaq l-użu ta’ sorsi addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli, li ser ipoġġu pressjoni fuq is-sistema tal-elettriku permezz ta’ volumi akbar ta’ ġenerazzjoni varjabbli. Hija meħtieġa kapaċità addizzjonali tal-grilja kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni, inkluż għal proġetti transfruntieri ġodda. L-impatt tal-kapaċità insuffiċjenti tal-grilja għandu wkoll impatt fuq il-kompetittività, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-attrazzjoni u ż-żamma tal-kumpaniji. Il-limitazzjonijiet tal-kapaċità jirriżultaw ukoll f’kostijiet ogħla tal-produzzjoni, li jistgħu jiskoraġġixxu lin-negozji. L-awtorità regolatorja nazzjonali ngħatat il-kompitu li tipprovdi pjan għall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda biex is-sistema tal-enerġija Irlandiża tkun tista’ topera b’mod effiċjenti b’ishma għoljin ta’ elettriku rinnovabbli. Il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u t-titjib sostanzjali fl-infrastruttura tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni u tal-ħżin ser ikunu kruċjali jekk l-Irlanda trid tilħaq il-mira ta’ 80 % elettriku rinnovabbli kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Klima, tnaqqas ir-restrizzjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli eżistenti, u tintegra l-5 GW ippjanati tal-ġenerazzjoni tar-riħ lil hinn mill-kosta sal-2030. Aktar azzjoni għall-promozzjoni tal-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’riżorsi tal-enerġija distribwiti hija meħtieġa biex tippermetti l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi filwaqt li ttejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni tal-konsumatur fis-servizzi tal-ibbilanċjar u l-flessibbiltà. |
|
(26) |
Minkejja l-progress fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, għadhom meħtieġa aktar miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u jiġi dekarbonizzat l-istokk tal-bini, b’mod partikolari t-titjib tal-enerġija residenzjali, il-modifika retroattiva u tranżizzjoni aċċellerata lejn it-tisħin rinnovabbli. L-Irlanda għadha ma rnexxilhiex trażżan l-użu tal-enerġija, li huwa pprojettat li jiżdied lejn l-2030 skont ir-rapport dwar il-Projezzjonijiet tal-Enerġija Nazzjonali tal-Irlanda u taqbeż il-limiti massimi tal-emissjonijiet settorjali stabbiliti għas-settur tal-ambjent mibni. Filwaqt li l-volum reali ta’ modifiki retroattivi profondi għadu limitat, l-Irlanda bdiet timplimenta l-miri ambizzjużi tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Klima. Aktar minn EUR 400 miljun ġew allokati għall-effiċjenza enerġetika fil-bini fl-ambitu tal-baġit tal-Istat għall-2024. L-implimentazzjoni tal-programmi komprensivi tal-iffrankar tal-enerġija għas-settur pubbliku tista’ żżid ir-rendiment tal-enerġija tal-istokk tal-bini pubbliku. Huma meħtieġa wkoll aktar sforzi biex jiġi indirizzat il-konsum tal-enerġija fit-trasport u fl-industrija billi jkomplu jiġu elettrifikati l-linji tal-ivvjaġġar pendolari u jiġu inċentivati s-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll tal-enerġija. |
|
(27) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Irlanda, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. Tindirizza ż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età billi tagħmel is-sistema tal-kura tas-saħħa aktar kosteffettiva. |
|
2. |
Tindirizza l-isfidi rilevanti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU ladarba jiġi adottat, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta’ dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Iżżid l-investimenti fl-infrastruttura tal-ilma tax-xorb u tal-ilma mormi biex ittejjeb il-kwalità tal-ilma u jitnaqqsu t-tnixxijiet. |
|
4. |
Iżżid l-isforzi biex ittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-elettriku u timmodernizza u tespandi l-kapaċità tal-grilja. Tiżviluppa u timplimenta strateġija biex tippromwovi r-rispons min-naħa tad-domanda u tissimplifika l-ippjanar u l-permessi għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-elettriku u l-konnetturi tal-grilja. Iżżid l-isforzi biex ittejjeb ir-rendiment tal-enerġija tal-bini privat biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u l-kostijiet tas-sistema tal-enerġija. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 11046/21 INIT u ST 11046/21 ADD 1.
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda (ST 15965/23 u ST 15965/23 ADD 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Irlanda tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Irlanda tal-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 52).
(13) Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Irlanda fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni finanzjarja, huwa stmat fil-livell ta’ 9,2 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(14) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Irlanda (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 58).
(16) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(17) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(19) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/271/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6814/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)