|
25.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 334/32 |
Azzjoni mressqa fis-17 ta’ Lulju 2014 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda
(Kawża E-13/14)
(2014/C 334/13)
Fis-17 ta’ Lulju 2014 inġiebet quddiem il-Qorti tal-EFTA azzjoni kontra l-Islanda mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Markus Schneider u Maria Moustakali, li aġixxu bħala Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, Rue Belliard 35, 1040 Brussell, il-Belġju.
L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:
|
1. |
Tiddikjara li billi naqset milli tadotta, u/jew tinnotifika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA minnufih bil-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi implimentat l-Att imsemmi fil-punt 21c tal-Anness XVIII tal-Ftehim taż-ŻEE (id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi), kif adattat għall-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 u bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 147/2009 tiegħu, fiż-żmien preskritt, l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim taż-ŻEE. |
|
2. |
Tordna lill-Islanda tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti. |
L-isfond ġuridiku u fattwali u l-eċċezzjonijiet miġjuba bħala sostenn:
|
— |
L-applikazzjoni tindirizza n-nuqqas tal-Islanda li tikkonforma, sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Awwissu 2013, ma’ opinjoni motivata mogħtija mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fis-26 ta Ġunju 2013 dwar in-nuqqas ta’ dan l-Istat li jimplimenta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (“l-Att”), kif imsemmi fil-punt 21c tal-Anness XVIII tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, u kif adattat għal dan il-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 tiegħu. |
|
— |
L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tiddikjara li l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 17 tal-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim taż-ŻEE billi ma adottatx, u/jew ma nnotifikatx lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi implimentat l-Att fiż-żmien preskritt. |