|
14.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 153/35 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1160
tal-31 ta’ Mejju 2023
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Implimentazzjoni effettiva tal-kunċett ta’ preċedent ġudizzjarju fil-pajjiżi tal-UE”
(notifikata bid-dokument C(2023) 3632)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Implimentazzjoni effettiva tal-kunċett ta’ preċedent ġudizzjarju fil-pajjiżi tal-UE” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju 2023. |
|
(2) |
Din it-talba ssegwi t-talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Implimentazzjoni effettiva tal-kunċett ta’ preċedent ġudizzjarju fil-pajjiżi kollha tal-UE” li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Frar 2023. |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2023 (C(2023) 1602 final), f’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni ppreżentata fl-14 ta’ Frar 2023, ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fil-punti (a), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-Regolament ġew issodisfati u li l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788 peress li l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li fuqu l-organizzaturi kienu bbażaw l-inizjattiva tagħhom, ma pprovdiex bażi ġuridika għall-att legali propost mill-inizjattiva, peress li dik id-dispożizzjoni hija limitata għal kwistjonijiet li għandhom implikazzjonijiet transfruntiera. L-Artikolu 82 TFUE lanqas ma seta’ jipprovdi bażi ġuridika għall-att legali propost mill-inizjattiva peress li l-objettiv tal-inizjattiva kien manifestament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-erba’ oqsma stabbiliti fl-Artikolu 82(1), il-punti (a) sa (d), TFUE. Barra minn hekk, l-inizjattiva ma kienet taqa’ taħt l-ebda wieħed mit-tliet oqsma stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 82(2) tat-TFUE u lanqas ma kienet tikkonċerna “aspett speċifiku tal-proċedura kriminali” ieħor imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 82(2) tat-TFUE. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-organizzaturi li l-Artikolu 65 tat-TFUE, imsemmi mill-inizjattiva, ma kienx rilevanti f’dan il-kuntest u li l-Artikoli 20 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma pprovdewx lill-Kummissjoni b’kompetenza biex tipproponi att legali. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-organizzaturi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788 li jistgħu jew jemendaw l-inizjattiva biex iqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jew iżommu, jew jirtiraw, l-inizjattiva inizjali f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788. |
|
(4) |
Fl-4 ta’ Mejju 2023, il-grupp ta’ organizzaturi reġa’ ppreżenta l-inizjattiva. |
|
(5) |
L-għanijiet tal-inizjattiva kif espressi mill-organizzaturi huma l-introduzzjoni ta’ “mekkaniżmu fil-livell nazzjonali li jiggarantixxi r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali adottati mill-qrati” fi Stati Membri oħra u “dwar il-possibbiltà li jiġu invokati preċedenti ġudizzjarji nazzjonali deċiżi mill-qrati tal-pajjiż inkwistjoni”. Il-mekkaniżmu propost għandu japplika sakemm: “(a) il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) kellha l-okkażjoni tinterpreta d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-UE” u li “(b) il-kawża inkwistjoni tikkonċerna kwistjonijiet legali simili jew identiċi”. L-organizzaturi jqisu li “dan il-mekkaniżmu għandu jkun fil-fatt disponibbli għall-partijiet fil-kawża, li jippermettilhom jitolbu r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni oħra rilevanti għall-każ tagħhom fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat ċertu grad ta’ flessibbiltà fid-dawl tal-klawżola “rebus sic stantibus”, li tagħmilha possibbli li tinbidel il-ġurisprudenza jekk ċerti ċirkostanzi fundamentali jkunu nbidlu.” Barra minn hekk, l-organizzaturi jqisu li l-Istati Membri għandhom ikunu “obbligati jimponu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati f’każijiet fejn il-mekkaniżmu ma jiġix rispettat”. |
|
(6) |
L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva. Huwa jiddikjara li l-“QĠUE u l-istituzzjonijiet tal-UE ripetutament sabu li f’xi pajjiżi tal-UE l-qrati għandhom it-tendenza li japplikaw id-dritt tal-UE mingħajr ma jiżguraw approċċ uniformi u koerenti” u li dan “jimmina l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-trattati” u “jwassal għal diskriminazzjoni possibbli bejn il-partijiet fil-kawża fl-Istati Membri u għal inċertezzi sinifikanti dwar kif il-konformità mad-dritt tal-UE hija żgurata fil-livell nazzjonali”. Filwaqt li jikkwota l-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-anness jispjega li l-inizjattiva “għandha l-għan li tikkonsolida prattika ġudizzjarja uniformi fost l-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta l-kultura u t-tradizzjonijiet ġudizzjarji differenti”. Huwa jiddikjara wkoll li l-proposta hija “proporzjonata u neċessarja sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-istat tad-dritt u sabiex tinżamm l-implimentazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, peress li bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu li jwassal għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji preċedenti, it-tradizzjonijiet ġudizzjarji u l-awtonomija proċedurali ta’ kull Stat Membru jiġu ppreservati”. Barra minn hekk, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jinvokaw “mekkaniżmu għar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet li huma inkompatibbli ma’ preċedenti ġudizzjarji li jikkonċernaw sitwazzjonijiet simili jew identiċi.” F’dan il-kuntest, l-anness isemmi li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jimmonitorjaw l-implimentazzjoni xierqa tal-mekkaniżmu mill-qrati nazzjonali, “li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tal-obbligi skont id-dritt tal-UE f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE”. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni tifhem li l-inizjattiva emendata għandha l-għan li tintroduċi mekkaniżmu li jiżgura r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali meħuda mill-qrati fi Stati Membri oħra u d-dipendenza fuq preċedenti ġudizzjarji nazzjonali deċiżi mill-qrati tal-Istat ikkonċernat. Dan il-mekkaniżmu japplika bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti tliet kriterji kumulattivi: (i) id-deċiżjoni ġudizzjarja finali applikat id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni; (ii) il-QĠUE diġà interpretat l-istess dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u (iii) il-każ ikkonċernat huwa rregolat minn punti ta’ liġi simili jew identiċi. |
|
(8) |
L-Artikolu 81(1) TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet f’każijiet extraġudizzjarji. Dik il-kooperazzjoni tista’ tinkludi miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Artikolu 81(2), il-punt (a) tat-TFUE jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri, b’mod partikolari meta jkunu meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bl-għan li jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni bejn l-Istati Membri tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet f’każijiet extraġudizzjarji. |
|
(9) |
Bl-istess mod, l-Artikolu 82(1) TFUE li jikkonċerna l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jipprevedi li tali kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u li għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 82(2) u fl-Artikolu 83 TFUE. Skont l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw miżuri biex jistabbilixxu regoli u proċeduri biex jiżguraw ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-forom kollha ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji. |
|
(10) |
Minħabba li l-inizjattiva għandha l-għan li tintroduċi l-kunċett ta’ rikonoxximent reċiproku f’każijiet li jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-objettiv tal-inizjattiva jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-TFUE. |
|
(11) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(12) |
Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(13) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(14) |
L-inizjattiva mhijiex manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(15) |
L-inizjattiva intitolata “Implimentazzjoni effettiva tal-kunċett ta’ preċedent ġudizzjarju fil-pajjiżi tal-UE” għandha għalhekk tiġi rreġistrata. |
|
(16) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini tal-UE intitolata “Implimentazzjoni effettiva tal-kunċett ta’ preċedent ġudizzjarju fil-pajjiżi tal-UE” għandha għalhekk tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Implimentazzjoni effettiva tal-kunċett ta’ preċedent ġudizzjarju fil-pajjiżi tal-UE”, irrappreżentat mis-Sur Marius PITIGOI u s-Sa Mihaela-Roxana GODINAC li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President