SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
10 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Wild minuri b’diżabbiltà ta’ ħaddiem fruntalier – Għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà – Kundizzjoni ta’ residenza – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑257/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali tan-Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2024, fil-proċedura
PE, irrappreżentata mill-ġenituri tagħha
vs
Städteregion Aachen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, E. Regan (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u minn F. van Schaik, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 20 TFUE u tal-Artikolu 21(1) TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PE, wild minuri rrappreżentata mill-ġenituri tagħha, u l-iStädteregion Aachen (ir-reġjun Urban ta’ Aachen, il-Ġermanja), dwar ir-rifjut li tingħatalha għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 883/2004
|
3 |
Taħt it-Titolu I tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Oqsma koperti”, jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:
[…] 3. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70. […] 5. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:
[…]” |
|
4 |
Fit-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Disposizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji”, taħt il-Kapitolu 9 tiegħu, bit-titolu “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Disposizzjoni ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(ċ) tiegħu: “Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li: […]
|
|
5 |
L-Anness X tal-imsemmi regolament, taħt it-titolu “il-Ġermanja”, huwa fformulat kif ġej:
|
Ir-Regolament Nru 492/2011
|
6 |
L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi: “1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid. 2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
7 |
In-Neuntes Buch Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, id-Disa’ Ktieb), bit-titolu “Riabilitazzjoni u Parteċipazzjoni ta’ Persuni b’Diżabbiltà”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“SGB IX”), jipprevedi l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà |
|
8 |
L-Artikolu 101(1) tas-SGB IX jipprovdi: “Il-Ġermaniżi li jirrisjedu abitwalment barra mill-pajjiż ma għandhomx jibbenefikaw minn benefiċċji ta’ għajnuna għall-integrazzjoni. Jista’ jkun hemm deroga każ b’każ biss sa fejn din tkun inevitabbli minħabba sitwazzjoni ta’ emerġenza eċċezzjonali u meta fl-istess ħin jiġi pprovat li ritorn fit-territorju Ġermaniż ma jkunx possibbli għar-raġunijiet li ġejjin: 1. kura u edukazzjoni ta’ wild li jkollu jibqa’ barra mill-pajjiż għal raġunijiet legali; 2. il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal teħid ta’ responsabbiltà għal żmien twil fi ħdan istituzzjoni jew ikollha bżonn assolut ta’ kura; jew 3. att tal-awtorità pubblika”. |
|
9 |
L-Artikolu 104(1) ta’ dan is-SGB IX jipprovdi: “Il-benefiċċji ta’ għajnuna għall-integrazzjoni għandhom jiġu ddeterminati skont il-partikolaritajiet ta’ kull każ, b’mod partikolari skont in-natura tal-bżonnijiet, is-sitwazzjoni personali, l-ambjent soċjali u l-mezzi u r-riżorsi proprji […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Ġermaniża u Irlandiża mwielda fil-Ġermanja fl‑2009, tgħix mal-ġenituri tagħha fil-Belġju qrib il-fruntiera Ġermaniża. Ommha, ċittadina Ġermaniża, hija impjegata full-time bħala tabiba f’Aachen (il-Ġermanja). Missierha, ċittadin Irlandiż, kien uffiċjal tal-Unjoni Ewropea f’pożizzjoni f’Maastricht (il-Pajjiżi l-Baxxi). |
|
11 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tbati minn diżabbiltà mentali li teħtieġ kura speċifika. Wara li attendiet skola speċjalizzata f’Eupen (il-Belġju), hija tattendi, sa mis-sena skolastika 2017/2018, skejjel inklużivi f’Aachen. Fuq talba tagħha, ir-reġjun urban ta’ Aachen taha, skont id-dispożizzjonijiet tas-SGB IX, l-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà għas-snin skolastiċi 2017/2018 sa 2020/2021, billi ħallas l-ispejjeż ta’ assistenza għall-iskola għal, inizjalment, 15‑il siegħa, u sussegwentement għal 35 siegħa fil-ġimgħa. |
|
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2021, ir-reġjun urban ta’ Aachen ċaħad talba intiża għall-għoti ta’ din l-għajnuna għall-integrazzjoni għas-sena skolastika 2021/2022, minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għandha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 101(1) tas-SGB IX. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Awwissu 2021, din l-awtorità, għall-istess raġuni, ċaħdet l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni inizjali ta’ ċaħda. |
|
13 |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, is-Sozialgericht Aachen (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Aachen, il-Ġermanja) ċaħdet, ukoll għal din ir-raġuni, ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, irrappreżentata mill-ġenituri tagħha, kontra dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, dik il-qorti qieset li d-dritt għall-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX lanqas ma jista’ jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, peress li din l-għajnuna ma taqax taħt il-“benefiċċji marbutin mal-mard”, imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, u peress li l-Artikolu 3(5)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi espressament li l-imsemmi regolament ma japplikax għall-“assistenza soċjali u medika”. |
|
14 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, irrappreżentata mill-ġenituri tagħha, ippreżentat rikors quddiem il-Landessozialgericht Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għar-riforma dik is-sentenza u intiż sabiex ir-reġjun urban ta’ Aachen jiġi kkundannat, billi tiġi emendata d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2021, hekk kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Awwissu 2021, jirrimborsaha l-ispejjeż sostnuti għall-użu ta’ assistenza għall-iskola għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Awwissu 2021 u t‑30 ta’ Novembru 2021, li jammontaw għal EUR 12 782.32, filwaqt li l-Komunità tal-Belġju ta’ persuni li jitkellmu bil-Ġermaniż ħallset, mingħajr neċessità ta’ ħlas lura, l-ispejjeż ta’ akkumpanjament skolastiku għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Diċembru 2021 u t‑30 ta’ Ġunju 2022. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, ir-rikors li hija adita bih għandu jiġi miċħud. Madankollu, hija tistaqsi jekk id-dritt nazzjonali huwiex, f’dan ir-rigward, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
|
16 |
Fl-ewwel lok, dik il-qorti tistaqsi jekk din il-kawża taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. Bħala benefiċċju ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni fil-forma ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà, l-għajnuna għall-integrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, peress li din ma hijiex suġġetta għal rekwiżiti oġġettivi, bħal, b’mod partikolari, il-livell ta’ diżabbiltà, u peress li din tingħata skont il-bżonnijiet personali tal-persuna kkonċernata, abbażi ta’ eżami individwali ta’ dawn il-bżonnijiet mill-awtorità nazzjonali kompetenti. |
|
17 |
Barra minn hekk, huwa dubjuż li l-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX tista’ tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju marbut mal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) (a) tar-Regolament Nru 883/2004, peress li l-kunċett ta’ “mard”, fis-sens abitwali tiegħu, jimplika bidla temporanja fl-istat ta’ saħħa, filwaqt li din l-għajnuna għall-integrazzjoni hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha jsegwu taħriġ adattat għall-kapaċitajiet u għall-prestazzjonijiet tagħhom kif ukoll li tippromwovi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja fis-soċjetà. |
|
18 |
L-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX tidher għalhekk pjuttost li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali”, li, skont l-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa espliċitament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din l-għajnuna għall-integrazzjoni ma għandhiex rabta ma’ wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, il-perijodi ta’ attività professjonali, ta’ kontribuzzjoni jew ta’ affiljazzjoni ma għandhom ebda rwol fl-għoti tad-dritt għal din tal-aħħar, peress li din hija pprovduta każ b’każ u b’mod sussidjarju. L-imsemmija għajnuna għall-integrazzjoni lanqas ma hija benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus, fis-sens tal-Artikolu 70 ta’ dan l-istess regolament, peress li din ma tinsabx fl-Anness X tiegħu. |
|
19 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni mill-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX hijiex kompatibbli mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jipprovdi li kull ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu dritt, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, għall-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali. Peress li omm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu, hija għandha d-dritt tinvoka din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-Istat Membru li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-wild b’diżabbiltà ta’ ħaddiem fruntalier tikkostitwixxix “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. L-interpretazzjoni wiesgħa li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” tista’ timmilita favur l-inklużjoni tiegħu fiha. Il-kundizzjoni ta’ residenza li għaliha huwa suġġett l-għoti tal-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX tista’ għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, peress li din tista’, min-natura tagħha, taffettwa iktar lill-ħaddiema fruntaliera milli lill-ħaddiema nazzjonali. |
|
20 |
Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, dik il-qorti tosserva li t-tqegħid fil-perikolu tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-esklużjoni tal-persuni mhux residenti mid-dritt għall-benefiċċji. F’dan ir-rigward, l-eżistenza, fis-SGB IX, ta’ eċċezzjonijiet għal din l-esklużjoni fil-każ ta’ diffikultajiet partikolari, marbuta essenzjalment mal-għoti probabbli ta’ benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza, tippermetti li tiġi eskluża kull diskriminazzjoni mhux iġġustifikata. Barra minn hekk, jista’ jiġi sostnut li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE, ġie kkonkretizzat fl-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji ta’ assistenza soċjali, fatt li jiġġustifika li l-għajnuna għall-integrazzjoni inkwistjoni ma tistax tingħata lil persuni li ma jirrisjedux fit-territorju nazzjonali. L-imsemmija esklużjoni tikkonferma għalhekk il-prinċipju ta’ territorjalità bbażat fuq id-dritt internazzjonali pubbliku, li jipprovdi li l-benefiċċji ta’ assistenza ffinanzjati mit-taxxa għandhom jingħataw biss lill-persuni residenti fit-territorju nazzjonali. |
|
21 |
Madankollu, ma huwiex ċert li l-esklużjoni tal-persuni mhux residenti mill-benefiċċju tal-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX hija realment neċessarja għal użu tajjeb tar-riżorsi fiskali. B’mod partikolari, ma huwiex ċar sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja effettivament tiffranka l-ispejjeż permezz ta’ din l-esklużjoni introdotta wara leġiżlazzjoni iktar iebsa fl‑1 ta’ Jannar 2004. Barra minn hekk, minħabba l-imsemmija esklużjoni, iċ-ċittadini Ġermaniżi mhux residenti jkunu potenzjalment imġiegħla jirritornaw lejn il-Ġermanja, fatt li jkun iwassal għal żieda fl-ispejjeż għal dan l-Istat Membru. Sa fejn il-leġiżlatur nazzjonali pprova, permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni iktar iebsa, inaqqas l-użu abbużiv ta’ din l-għajnuna għall-integrazzjoni, dan l-għan jidher ukoll dubjuż, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ir-riskju ta’ abbuż ma jirriżultax f’dak li jirrigwarda s-servizzi in natura pprovduti fit-territorju Ġermaniż. Lanqas ma jeżistu elementi li jindikaw li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet abbuż ta’ dritt billi ħolqot artifiċjalment il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-vantaġġi soċjali msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Fl-aħħar nett, sa fejn l-għan tal-esklużjoni tal-persuni mhux residenti huwa li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiġu eżentati minn eżami oneruż tal-kundizzjonijiet għall-għoti liċ-ċittadini Ġermaniżi mhux residenti, in-neċessità tagħha tibqa’ dubjuża peress li dawn is-servizzi huma pprovduti fit-territorju Ġermaniż. |
|
22 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-esklużjoni tal-persuni mhux residenti mill-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà tikkostitwixxix restrizzjoni oġġettivament iġġustifikata tad-dritt li ċ-ċittadini tal-Unjoni jisiltu mill-Artikolu 20 TFUE u mill-Artikolu 21(1) TFUE. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija żvantaġġata minħabba s-sempliċi fatt li hija għażlet li tagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tagħha billi stabbilixxiet ir-residenza abitwali tagħha fil-Belġju. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein‑Westfalen), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
24 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li benefiċċju, bħall-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament. |
|
25 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk tali għajnuna għall-integrazzjoni tikkostitwixxix benefiċċju tas-“sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament. |
|
26 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-iskopijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Sozialministeriumservice,C‑116/23, EU:C:2024:292, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Għalhekk, benefiċċju jista’ jitqies bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, inkwantu, minn naħa, il-benefiċċju jingħata lill-benefiċjarji, irrispettivament minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u, min-naħa l-oħra, dan ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji indikati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Sozialministeriumservice,C‑116/23, EU:C:2024:292, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar li din tkun issodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jsir fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi li, ladarba jkunu ssodisfatti, jagħtu d-dritt għall-benefiċċju mingħajr ma l-awtorità kompetenti nazzjonali tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Sozialministeriumservice, C‑116/23, EU:C:2024:292, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX ma hijiex suġġetta għall-issodisfar ta’ kundizzjonijiet oġġettivi, bħal, b’mod partikolari, rata jew livell preċiż ta’ inkapaċità jew ta’ diżabbiltà, iżda li din tingħata mill-awtorità kompetenti nazzjonali, konformement mal-Artikolu 104(1) tas-SGB IX, skont il-bżonnijiet personali tal-persuna kkonċernata, abbażi ta’ eżami individwali u diskrezzjonali tas-sitwazzjoni tagħha minn din l-awtorità. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX ma tissodisfax l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li din l-għajnuna ma tikkostitwixxix benefiċċju ta’ “sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
31 |
Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jestendi l-applikazzjoni tiegħu għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus imsemmija fl-Artikolu 70 tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fit-tieni lok, jiġi vverifikat jekk l-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX tikkostitwixxix tali benefiċċju. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 70(2)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li l-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus jinftiehmu bħala dawk biss li huma elenkati fl-Anness X ta’ dan ir-regolament. Issa, l-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX ma tidhirx f’dan l-anness. Għaldaqstant, din ma tikkostitwixxix tali benefiċċju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-MoselleC‑769/18, EU:C:2020:203, punt 35). |
|
33 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċju, bħall-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà prevista mis-SGB IX, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, peress li l-għoti ta’ dan il-benefiċċju ma huwiex suġġett għall-issodisfar ta’ kundizzjonijiet oġġettivi, iżda huwa bbażat fuq evalwazzjoni individwali mill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-bżonnijiet tal-persuna kkonċernata. |
Fuq it-tieni domanda
|
34 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-wild b’diżabbiltà ta’ ħaddiem fruntalier, ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni li dan il-wild jirrisjedi fit-territorju nazzjonali. |
|
35 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post ta’ residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li jagħmel użu mid-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema u li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, dispożizzjoni li r-Regolament Nru 492/2011 huwa intiż li jikkonkretizza (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Għaldaqstant, dan ir-regolament jibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema fruntaliera li, filwaqt li jeżerċitaw l-attività tagħhom bħala persuna impjegata f’dan l-aħħar Stat Membru, jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Thermalhotel Fontana, C‑411/22, EU:C:2023:490, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li omm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ċittadina Ġermaniża li taħdem fil-Ġermanja, iżda li tirrisjedi fil-Belġju. |
|
38 |
Peress li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, tali ħaddiem fruntalier għandu għalhekk id-dritt jinvoka, kontra l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, ir-Regolament Nru 492/2011, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema f’dak li jirrigwarda l-benefiċċju tal-“vantaġġi soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-membri tal-familja ta’ tali ħaddiem fruntalier huma benefiċjarji indiretti ta’ din l-ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “vantaġġi soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan jinkludi l-vantaġġi kollha li huma marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali sempliċement minħabba r-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher ta’ natura li tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom. Ir-riferiment magħmul minn din id-dispożizzjoni għall-vantaġġi soċjali ma jistax jiġi interpretat b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Sozialministeriumservice, C‑116/23, EU:C:2024:292, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Jikkostitwixxu għalhekk vantaġġi soċjali l-benefiċċji soċjali mogħtija lill-wild dipendenti ta’ ħaddiem migrant li għandu jikkontribwixxi għall-manteniment tiegħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 1985, Deak, 94/84, EU:C:1985:264, punt 24; tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, EU:C:1987:302, punt 13, u tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Minn dan isegwi li għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà, bħal dik prevista mis-SGB IX, tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. |
|
42 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE u għandha tiġi interpretata bl-istess mod bħal din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, fil-fatt twassal għall-istess riżultat (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Issa, kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għaliha l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà, tista’, min-natura tagħha stess, tisfavorixxi lill-ħaddiema fruntaliera li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li din tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li taqa’ taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Minħabba f’hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqiegħed fi żvantaġġ lil ċerti ħaddiema minħabba s-sempliċi raġuni li huma stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, sa fejn, anki jekk applikabbli mingħajr distinzjoni, din tista’ tipprekludi jew tiddiswadi, b’mod partikolari, lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata. Sabiex tkun iġġustifikata, din għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan leġittimu u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jinkiseb dan il-għan. (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 48, u tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kundizzjoni ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-għan li jikkonsisti f’li jiġu ggarantiti, minn naħa, rabta reali bejn l-applikant għall-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà u l-Istat Membru li jagħti din l-għajnuna u, min-naħa l-oħra, l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, l-għanijiet imfittxija minn leġiżlazzjoni nazzjonali intiżi li jistabbilixxu rabta reali bejn l-applikant għal benefiċċju soċjali u l-Istat Membru kompetenti kif ukoll intiżi li jżommu l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali jikkostitwixxu, bħala prinċipju, għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Madankollu, kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-ħaddiema funtaliera jkunu jikkontribwixxu finanzjarjament għall-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti permezz tal-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dan tal-aħħar fil-kuntest tal-attività tagħhom bħala persuna impjegata li huma jeżerċitaw hemmhekk, huma għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw, b’mod partikolari, mill-vantaġġi soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema residenti. (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Hocinx, C‑27/23, EU:C:2024:404, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
F’dan ir-rigward, teżisti rabta ta’ konnessjoni reali u suffiċjenti bejn l-applikant għall-għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-ulied b’diżabbiltà u l-Istat Membru kompetenti, li hija ta’ natura li tippermetti lil dan tal-aħħar jiżgura ruħu li l-piż ekonomiku assoċjat mal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju ma jsirx irraġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Gvern Ġermaniż jenfasizza l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ambjent soċjali tal-persuna b’diżabbiltà sabiex jiġi żgurat li din l-għajnuna għall-integrazzjoni tikkorrispondi preċiżament għall-bżonnijiet speċifiċi individwali tagħha u, għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tiġi kkontrollata l-effikaċja kif ukoll l-effetti tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija għajnuna hija benefiċċju in natura pprovdut fit-territorju Ġermaniż fil-kuntest tal-iskolarizzazzjoni tal-wild b’diżabbiltà, b’tali mod li l-awtoritajiet Ġermaniżi huma perfettament f’pożizzjoni li jwettqu l-kontrolli kollha neċessarji għall-finijiet ta’ tali individwalizzazzjoni, anki jekk dan il-wild u l-ġenituri tiegħu jirrisjedu abitwalment fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, dan il-gvern ma jispjegax kif il-fatt li wieħed jirrisjedi fit-territorju nazzjonali huwa neċessarju għall-individwalizzazzjoni ta’ tali benefiċċju in natura. |
|
52 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għall-integrazzjoni fil-forma ta’ benefiċċji ta’ assistenza għall-iskola lill-wild b’diżabbiltà ta’ ħaddiem fruntalier, ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni li dan il-wild jirrisjedi fit-territorju nazzjonali, peress li tali kundizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni. |
Fuq it-tielet domanda
|
53 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.