Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU VI - IL-FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - KAPITOLU III - KOPERAZZJONI MSAĦĦA - Artikolu III-420
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0181 - 0181
Artikolu III-420 1. Kull Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa li tkun għaddejja f'waħda mill-oqsma previsti fl-Artikolu III-419(1) għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien erba' xhur mid-data li tirċievi n-notifika, tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat. Għandha tieħu nota meta neċessarju li l-kondizzjonijiet kollha ta' parteċipazzjoni ġew sodisfatti u għandha tadotta kull miżura transitorja meqjusa neċessarja rigward l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa. Madanakollu, jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma ġewx sodisfatti, għandha tindika l-arranġamenti li għandhom jiġu adottati biex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandha tistabbilixxi żmien perentorju biex terġa' tiġi eżaminata mill-ġdid it-talba. Meta jiskadi dak iż-żmien perentorju, għandha terġa' teżamina t-talba skond il-proċedura stipulata fit-tieni subparagrafu. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li xi kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu għadhom ma ġewx sodisfatti, l-Istat Membru konċernat jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill, li għandu jiddeċiedi fuq dik it-talba. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond l-Artikolu I-44(3). Jista' wkoll jadotta l-miżuri transitorji previsti fit-tieni subparagrafu fuq proposta mill-Kummissjoni. 2. Kull Stat Membru li jixtieq jipparteċipa f'koperazzjoni msaħħa li tkun għaddejja fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u lill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat, wara li jikkonsulta l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni u wara li jinnota fejn meħtieġ li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni jkunu ġew sodisfatti. Il-Kunsill fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jista' wkoll jadotta kwalunkwe miżura transitorja li tkun meħtieġa fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-atti diġà adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa. Madanakollu, jekk il-Kunsill jikkunsidra li l-kondizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ma jkunux ġew sodisfatti, hu għandu jindika l-arranġamenti li għandhom jiġu adottati biex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet u għandu jistabbilixxi terminu perentorju biex terġa' tiġi eżaminata t-talba għal parteċipazzjoni. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu u skond l-Artikolu I-43(3). --------------------------------------------------