KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑25 ta’ Marzu 2021 ( 1 )

Kawża C‑144/20

AS LatRailNet,

Latvijas dzelzceļš VAS

vs

Valsts dzelzceļa administrācija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Trasport ferrovjarju ‑ Żona ferrovjarja unika Ewropea ‑ Tariffi tal-infrastruttura ferrovjarja ‑ Direttiva 2012/34/UE ‑ Artikolu 32(1) ‑ Tariffa ta’ aċċess minimu ‑ Żidiet ‑ Baġits għall-applikazzjoni taż-żieda ‑ Kompetittività ‑ Kapaċità tas-suq li jiflaħ għal dan”

1.

It-tilwima li hija fl-oriġini ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bejn AS LatRailNet (entità inkarigata biex twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Latvja) ( 2 ) u l-Valsts dzelzceļa administrācija (il-korp regolatorju tas-settur ferrovjarju f’dan il-pajjiż) ( 3 ).

2.

It-tilwima tirrigwarda ż-żieda fuq it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja applikabbli għat-taqsima tat-trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija. Id-Direttiva 2012/34/UE ( 4 ), taħt ċerti kundizzjonijiet, tippermetti li ma’ dawn it-tariffi (li l-kalkolu tagħhom għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss il-kumpens tal-ispejjeż diretti) ikun hemm żidiet għal kull taqsima tas-suq ( 5 ).

3.

It-tilwima qamet meta l-korp regolatorju obbliga lil LatRailNet tintroduċi xi tibdiliet fil-formola ta’ kalkolu taż-żieda applikabbli għall-impriżi li jipprovdu s-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija “fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku”, bl-esklużjoni ta’ operaturi oħra ( 6 ).

4.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti titlob li d-Direttiva 2012/34 tiġi interpretata: a) fir-rigward tas-setgħat tal-korp regolatorju (l-ewwel u t-tieni domanda); u b) fir-rigward taż-żieda fuq it-tariffi prevista fl-Artikolu 32(1) tagħha (it-tielet domanda).

5.

Skont l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss it-tielet domanda preliminari.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2012/34

6.

L-Artikolu 31 (“Il-Prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”) jipprovdi li:

“[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 32, l-imposti għall- pakkett ta’ aċċess minimu u għal aċċess għal infrastrutturi li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta’ servizz għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.

[…]”.

7.

Skont l-Artikolu 32 (“Eċċezzjonijiet għall-prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”):

“1.   Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż magħmula mill-maniġer tal-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ għalihom, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, waqt li jiggarantixxi l-aħjar kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju. Is-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandha tirrispetta ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji.

Iżda l-livell tal-imposti ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu jħallsu għall-inqas l-ispejjeż imġarrba direttament b’riżultat tat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju, u rata ta’ redditu li jiflaħ għaliha s-suq.

Qabel ma japprovaw l-impożizzjoni ta’ tali mark-ups, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jivvalutaw ir-rilevanza tagħhom għal taqsimiet speċifiċi tas-suq, filwaqt li jqisu mill-inqas il-pari elenkati fil-punt 1 tal-Anness VI u jżommu dawk rilevanti. Il-lista ta’ taqsimiet tas-suq definita mill-maniġers tal-infrastruttura għandu jkun fiha mill-inqas dawn it-tliet taqsimiet li ġejjin: is-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku u servizzi oħra għall-passiġġieri.

[…]”.

2. Ir-Regolament Nru 1370/2007

8.

L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(e)

‘obbligu ta’ servizz pubbliku’ tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

(f)

‘dritt esklussiv’ tfisser dritt li jintitola operatur ta’ servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f’żona partikolari, bl-esklużjoni ta’ tali operatur ieħor;

(g)

‘kumpens ta’ servizz pubbliku’ tfisser kwalunkwe benefiċċju, b’mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jew f’konnessjoni ma’ dak il-perijodu;

[…]”.

9.

L-Artikolu 3 (“Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”) jipprovdi li:

“1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.

[…]”

B.   Id-dritt Latvjan Dzelzceļa likums (il-Liġi dwar il-Ferroviji)

10.

L-Artikolu 11 jipprovdi li:

“(1) Wara konsultazzjoni mal-applikanti u mal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji għall-użu pubbliku, il-persuna responsabbli biex twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji għall-użu pubbliku għandha tiżviluppa u tapprova sistema ta’ tariffi relatati mal-aċċess minimu msemmi fl-Artikolu 121(1) ta’ din il-liġi u mal-aċċess għal infrastrutturi li huma konnessi ma’ faċilitajiet tas-servizz, u għandha tibgħatha lill-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji ta’ użu pubbliku sabiex tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni tan-network. Ħlief fil-każijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 111(10) ta’ din il-liġi, il-persuna responsabbli biex twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji għall-użu pubbliku għandha tiżgura li s-sistema ta’ tariffi msemmija hija bbażata fuq l-istess prinċipji fin-network kollu u li din is-sistema topera b’tali mod li t-trasportaturi differenti li jipprovdu servizzi simili f’taqsima simili tas-suq iħallsu tariffi ekwivalenti u nondiskriminatorji.

(2) It-tariffa għal aċċess minimu […] u għall-aċċess għal infrastrutturi li huma konnessi mal-infrastrutturi b’faċilitajiet ta’ servizz għandha tiġi bbażata fuq l-ispejjeż li għandhom jitħallsu direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju […]”.

11.

L-Artikolu 111 jipprovdi li:

“(1)   Sabiex jiġu rkuprati kompletament l-ispejjeż imġarrba mill-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji għall-użu pubbliku, sabiex jitwettqu l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji għall-użu pubbliku l-persuna responsabbli tista’, sakemm is-suq ikun jiflaħ għalihom, tapplika żidiet fuq it-tariffa għall-aċċess minimu msemmija fl-Artikolu 121(1) ta’ din il-liġi u għall-aċċess għal infrastrutturi li huma konnessi ma’ faċilitajiet ta’ servizz.

(2)   Qabel ma jiġu applikati ż-żidiet, il-persuna responsabbli sabiex twettaq il-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji għall-użu pubbliku għandha tevalwa l-importanza tagħhom, mill-inqas fit-taqsimiet tas-suq li ġejjin u għandha tagħżel dawk l-iktar rilevanti fosthom:

1)

it-trasport ta’ persuni u ta’ merkanzija.

[…]

(7)   Iż-żidiet għandhom jiġu applikati abbażi tal-prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, filwaqt li tiġi żgurata l-aħjar kompetittività tal-ferroviji u jiġu osservati ż-żidiet fil-produttività miksuba mit-trasportaturi. L-ammont tat-tariffi ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għall-użu pubbliku minn taqsimiet tas-suq li jistgħu jħallsu mill-inqas l-ispejjeż diretti, flimkien ma’ rata ta’ redditu li jiflaħ għaliha s-suq”.

II. Il-fatti u d-domanda preliminari

12.

Fit‑30 ta’ Ġunju 2017, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji ( 7 ), LatRailNet adottat is-sistema ta’ tariffi li hija s-suġġett tat-tilwima.

13.

L-ammont taż-żieda f’kull taqsima tas-suq ġie ddeterminat skont formola li l-komponenti tagħha jinkludu l-koeffiċjent ta’ ponderazzjoni tas-suq “mcbs”.

14.

Dan il-koeffiċjent tista’tvarja bejn valur 0 (fil-każ tagħha, ma tiġi applikata l-ebda żieda fuq it-taqsima tas-suq inkwistjoni) u valur 1 (li jimplika inklużjoni ta’ żieda massima).

15.

Sabiex jiġi stabbilit il-koeffiċjent “mcbs” jiġu applikati tliet fatturi jew kriterji ta’ evalwazzjoni, imsejħa Cs, Vs u Ss. L-ogħla kriterju għandu jiddetermina l-valur tal-koeffiċjenti “mcbs”.

16.

Skont il-mudell adottat minn LatRailNet għat-taqsima tas-suq ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ( 8 ), il-valur tal-kriterju Ss, kien ugwali għal 1. Min-naħa l-oħra, f’taqsimiet oħra tas-suq, dan il-valur jiġi stabbilit abbażi ta’ evalwazzjoni mwettqa minn espert.

17.

Bħala konsegwenza ta’ dan il-mudell, il-kriterji Cs u Vs huma diġà indifferenti għalkemm il-valur tagħhom huwa 0. Fil-fatt, ladarba l-valur Ss għat-taqsima tas-suq ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku jiġi stabbilit għal 1, il-koeffiċjent ta’ ponderazzjoni tas-suq “mcbs” jitla’ awtomatikament għal 1, mingħajr ebda ħtieġa li tiġi evalwata s-sitwazzjoni tas-suq.

18.

Fis‑27 ta’ Ġunju 2018, il-korp regolatorju annulla s-sistema ta’ tariffi implimentata minn LatRailNet, fejn ordnalha sabiex taġġusta s-sistema fir-rigward taż-żieda applikabbli għat-taqsima tas-suq ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.

19.

Fis‑26 ta’ Lulju 2018, LatRailNet appellat id-deċiżjoni tal-korp regolatorju quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), li qieset bħala invalida għal dawn ir-raġunijiet:

–

Sa fejn Pasažieru vilciens teżerċita d-dritt esklużiv li tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku f’rotot reġjonali interurbani bil-ferrovija, ma hemm l-ebda kompetizzjoni fil-provvista ta’ dawn is-servizzi.

–

Ma huwiex possibbli għall-korp regolatorju li jissorvelja s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ta’ servizzi ferrovjarji meta taqsima minn dan is-suq (dik relatata mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku esklużiv) ma tkunx miftuħa għall-kompetizzjoni.

–

Din l-istess assenza ta’ kompetizzjoni tfisser li l-amministratur tal-infrastrutturi ma jistax “jevalwa l-kompetittività u r-redittu tat-taqsima tas-suq inkwistjoni qabel ma japplika ż-żieda u jiddetermina l-ammont tagħha” ( 9 ).

20.

Latvijas Dzelzceļš, fil-kwalità ta’ amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Latvjani, intervjeniet fil-kawża prinċipali b’żewġ modi:

–

Minn naħa, fil‑5 ta’ Diċembru 2018 ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-korp regolatorju tas‑7 ta’ Novembru 2018, li permezz tiegħu ġie deċiż li d-deċiżjoni kienet nieqsa mil-locus standi sabiex tikkontesta s-sistema tat-tariffi.

–

Min-naħa l-oħra, hija ġiet mistiedna mill-qorti tar-rinviju (permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2018) sabiex tipparteċipa bħala terzi kkonċernata fil-proċeduri mibdija minn LatRailNet.

21.

Fil‑5 ta’ Frar 2019, il-qorti tar-rinviju għaqqdet iż-żewġ proċeduri kontenzjużi kkontestati.

22.

Fl-argumenti tagħha, Latvijas dzelzceļš “tqis li huwa possibbli li jiġi stabbilit valur massimu għall-kriterju Ss, peress li Pasažieru vilciens, li hija l-unika rappreżentant tat-taqsima tas-suq ta’ trasport ta’ passiġġieri, li tħallas […] it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi (inkluża ż-żieda), kienet protetta wkoll minn kwalunkwe dannu li jista’ jirriżulta mid-determinazzjoni ta’ din it-tariffa” ( 10 ).

23.

F’din is-sitwazzjoni, l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) għamlet, fost oħrajn, din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ):

“3)

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva [2012/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost f’dan il-paragrafu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu kompetittivita ottimali ta’ partijiet tas-suq ferrovjarju, fid-determinazzjoni taż-żidiet applikabbli għall-ħlas għall-użu tal-infrastruttura għall-partijiet ta’ suq mingħajr kompetizzjoni, minħabba b’mod partikolari li, fil-parti tas-suq ikkonċernat, it-trasport huwa assigurat biss minn impriża waħda li ngħatat id-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007 sabiex topera fuq din il-parti tas-suq?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Id-deċiżjoni tar-rinviju ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2020.

25.

Latvijas dzelzceļš, il-korp regolatorju, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li kienet neċessarja seduta.

IV. L-evalwazzjoni

26.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-possibbiltà biex l-Istati Membri jimponu “mark-ups […] waqt li jiggarantixxi l-aħjar kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju” (Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34) tapplikax meta f’ċertu taqsima tas-suq, it-trasport ta’ passiġġieri jitwettaq minn operatur ferrovjarju uniku, fil-qafas ta’ skema esklużiva.

A.   It-tariffi u ż-żidiet fil-finanzjament tal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji

27.

Sabiex jiġu stabbiliti t-termini tad-dibattitu, għandu jitfakkar li fost is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti lill-impriżi ferrovjarji, konformement mal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, hemm:

–

Dawk inklużi fil-pakkett ta’ aċċess minimu, li jsir riferiment għalihom fil-punt 1.

–

Dawk imniżżla fil-punti 2, 3 u 4 korrispondenti, rispettivament, għall-faċilitajiet ta’ servizz, is-servizzi addizzjonali u s-servizzi anċillari.

28.

Fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/34 jiġu ttrattati l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi ferrovjarji jista’ jkollhom aċċess għad-diversi servizzi:

–

Fil-każ tal-pakkett ta’ aċċess minimu, dan għandu jiġi pprovdut mill-amministraturi tal-infrastrutturi b’mod nondiskriminatorju (punt 1).

–

Fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ servizz, huma l-operaturi tagħhom li għandhom jipprovdu lill-impriżi ferrovjarji l-“aċċess, inkluż l-aċċess għall-binarji, lill-faċilitajiet imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II, kif ukoll is-servizzi pprovduti f’dawn il-faċilitajiet” (punt 2).

29.

Id-Direttiva 2012/34 tipprevedi l-ħlas tat-tariffi għall-użu kemm tal-infrastrutturi ferrovjarji, kif ukoll tal-faċilitajiet ta’ servizz. Dawn it-tariffi jitħallsu lill-amministratur tal-infrastrutturi u lill-operatur tal-faċilità ta’ servizz, rispettivament, u jintużaw għall-finanzjament tal-attività tagħhom (l-Artikolu 31(1)), konformement ma’ dawn il-kriterji:

–

Fir-rigward tal-pakkett ta’ aċċess minimu, it-tariffi “għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju” (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34).

–

Fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ servizz, it-tariffa ma għandhiex taqbeż l-ispiża tal-provvista tas-servizz flimkien ma’ profitt raġonevoli (l-Artikolu 31(7) tal-istess direttiva).

30.

Għaldaqstant, l-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji huwa ffinanzjat ( 12 ), fost sorsi oħra ( 13 ), mid-dħul li jirriżulta mit-tariffi għall-użu tal-infrastrutturi mħallsa mill-impriżi li jużawhom. Xejn ma jimpedixxi li jiġi ffinanzjat ukoll mill-Istat ( 14 ).

31.

Ir-regolazzjoni ta’ dan is-sors ta’ dħul, permezz ta’ tariffi u żidiet, tinsab fl-Artikoli 31 u 32 tad-Direttiva 2012/34 ( 15 ), li skonthom, essenzjalment:

–

Ir-regola ġenerali (l-Artikolu 31(3)) hija li t-tariffa għall-aċċess minimu u għall-aċċess għal infrastrutturi li huma konnessi ma’ faċilitajiet ta’ servizz hija ekwivalenti għall-ispejjeż direttament imġarrba minħabba l-operat tas-servizz ferrovjarju (spejjeż diretti) ( 16 ).

–

Bħala eċċezzjoni (l-Artikolu 32(1), jistgħu jiżdiedu żidiet sabiex “ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż magħmula mill-maniġer tal-infrastruttura” (lil hinn mill-ispejjeż diretti). Dan jista’ jsir biss meta “[s]-suq jiflaħ għalihom […] waqt li jiggarantixxi l-aħjar kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju”. L-implimentazzjoni tiegħu għandha tkun ibbażata “fuq […] prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji”.

32.

Skont din l-iskema, l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jista’ jittrasferixxi l-ispejjeż diretti għal fuq it-tariffi ferrovjarji. Min-naħa l-oħra, ikun awtorizzat li jintroduċi żidiet sabiex jirkupra l-bqija tal-ispejjeż biss jekk is-suq ikun jiflaħ għalihom u tiġi ggarantita l-aħjar kompetittività tat-taqsimiet tas-suq affettwati.

33.

It-tielet domanda preliminari tagħmel riferiment, preċiżament, għar-rekwiżiti li għandhom jirregolaw l-istabbiliment taż-żieda.

B.   Ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni taż-żieda

34.

Skont id-Direttiva 2012/34, meta jistabbilixxi żidiet, l-amministratur tal-infrastrutturi għandu jikkunsidra l-partikolaritajiet speċifiċi tat-taqsima tas-suq inkwistjoni. Ir-rekwiżit prinċipali sabiex jistabbilixxihom huwa, intenni, li “[s]-suq jiflaħ għalihom” ( 17 ).

35.

Il-qorti tar-rinviju madankollu tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-kunċett ta’ kompetittività li jinsab fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34. F’dan ir-rigward tenfasizza li:

–

It-taqsima tas-suq li fir-rigward tagħha tiġi applikata ż-żieda inkwistjoni hija dik tat-trasport ta’ passiġġieri, fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku pprovdut b’mod esklużiv minn impriża ferrovjarja waħda.

–

Jista’ jiġi argumentat li, billi ma hemmx kompetizzjoni f’din it-taqsima tas-suq, l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 ma japplikax peress li ma huwiex neċessarju li tiġi żgurata l-“aħjar kompetittività” fiha.

36.

Dan l-approċċ jikkoinċidi, parzjalment, ma’ dak tal-amministratur tal-infrastrutturi Latvjan. Fil-fatt, Latvijas dzelzceļš tipproponi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34 timplika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni fit-taqsima tat-trasport ta’ passiġġieri jimpedixxi eo ipso l-evalwazzjoni tal-kompetittività tagħha u tar-redditu tagħha ( 18 ).

37.

Minħabba li jiġi enfasizzat il-fattur tal-kompetittività, jitħalla fil-ġenb il-fatt li l-element ewlieni (iċ-ċentru ta’ gravità awtentiku) tar-regolazzjoni tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipji tat-tqegħid ta’ tariffi, fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34 ma huwiex dan il-fattur, iżda li ż-żidiet ikun jiflaħ għalihom is-suq li jġarrabhom.

38.

Madankollu huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat x’implikazzjonijiet għandha, f’dan il-kuntest, il-kompetittività msemmija fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34. B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi vverifikat jekk dan il-kunċett jiġix identifikat ma’ dak tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji.

39.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(5) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2012/34 jipprovdu li “l-atti ta’ implimentazzjoni [li tista’ tadotta l-Kummissjoni] m’għandhomx jirriżultaw fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew jaffettwaw il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju”.

40.

Fl-istess linja, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34, bħalma diġà indikajt, jitlob sabiex “[i]t-trasport bil-ferrovija jista’ jikkompeti ma’ mezzi oħrajn tat-trasport”. Il-premessa 5 tagħha tuża espressjoni simili, fejn tiddikjara li trasport ferrovjarju jkun “kompetittiv ma’ mezzi oħra ta’ trasport”.

41.

Nemmen li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu l-linji gwida sabiex fil-kuntest tad-Direttiva 2012/34 jiġu distinti, minn naħa, il-“kompetizzjoni” bħala kundizzjoni li taħtha għandhom jaġixxu l-impriżi ferrovjarji u, min-naħa l-oħra, il-“kompetittività” tas-settur ferrovjarju jew ta’ wieħed mit-taqsimiet tiegħu:

–

Meta d-Direttiva 2012/34 tagħmel riferiment għall-kompetizzjoni, dan tagħmlu fis-sens ta’ espressjoni ta’ dak li għandu jeżisti bejn l-impriżi ferrovjarji, fil-provvista tas-servizzi ferrovjarji jew fis-swieq tat-trasport ferrovjarju.

–

Min-naħa l-oħra, meta d-Direttiva 2012/34 tagħmel riferiment għall-kompetittività, dan it-terminu tużah bħala karatteristika tas-settur ferrovjarju (jew tat-taqsimiet tas-suq ferrovjarju), iżda ma tassimilahx għall-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji.

42.

L-eżami tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 ( 19 ) jikkorrobora din l-evalwazzjoni. Il-kompetittività li għandhom jiżguraw l-amministraturi tal-infrastrutturi hija dik li għandu jkollha t-taqsima tat-trasport ferrovjarju (li fuqha ser tiġi applikata ż-żieda) fir-rigward ta’ mezzi oħra ta’ trasport alternattivi.

43.

Din kienet ukoll l-orjentazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-Direttiva 2001/14, li l-premessa 39 tagħha tagħmel riferiment għal “rata ta’ ritorn li s-suq jiflaħ għalihom” ( 20 ).

44.

Il-kompetittività li għandha tiġi osservata miż-żieda, għaldaqstant, ma hijiex sinonima għall-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji. Dak li ż-żieda ma għandhiex tipprovoka huwa li taqsima partikolari titlef il-kapaċità tagħha biex tikkompeti ma’ mezzi ta’ trasport differenti oħra (jiġifieri, il-kompetittività tagħha). Fil-każ tat-trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija, din il-kapaċità li jikkompeti tippermettilu jaffaċċja t-trasport bl-ajru, bit-triq jew permezz ta’ mezzi oħra.

45.

Iż-żieda, minn din il-perspettiva, għandha tevalwa r-redditu tat-taqsima, quddiem modalitajiet oħra tat-trasport mhux ferrovjarju. Għaldaqstant, l-impriżi ferrovjarji jistgħu jassumu l-ħlas tat-tariffa u, barra minn hekk, dak taż-żieda, sakemm din tal-aħħar ma tkunx tant għolja li ġġegħelhom iżidu t-tariffi sal-punt li jsiru dissważivi għall-utent, li mbagħad jagħżel li juża mezzi ta’ trasport oħrajn.

46.

In-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi ferrovjarji ma jipprevjenix l-evalwazzjoni tal-kompetittività ta’ taqsima tat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri. Dan jista’ jsir kompetittiv (meta mqabbel ma’ mezzi tat-trasport oħra), anki jekk ikun operat minn impriża ferrovjarja waħda ( 21 ).

47.

Huwa minnu li s-sistema ta’ tariffi tista’ tħalli impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni bejn impriżi ferrovjarji. Il-funzjonijiet tal-korp regolatorju għaldaqstant jinkludu l-prevenzjoni ta’ tariffi li potenzjalment imorru kontra l-kompetizzjoni (sussidji sovrapposti, l-iffissar ta’ prezzijiet predatorji u l-iffissar ta’ prezzijiet eċċessivi), li jistgħu jkunu relatati maż-żidiet ( 22 ). Madankollu, dan huwa aspett wieħed tal-problema li huwa nieqes mir-rinviju, u li huwa ffokat fuq ir-rekwiżiti meħtieġa għall-impożizzjoni taż-żidiet.

48.

Essenzjalment, jekk l-iskop li jiġu rkuprati kompletament l-ispejjeż imġarrba mill-amministratur tal-infrastrutturi, lil hinn mill-ispejjeż diretti, fil-prinċipju, jawtorizza l-implimentazzjoni ta’ żidiet, din il-possibbiltà tiġi implimentata “jekk is-suq jiflaħ għalihom”.

49.

Il-kapaċità li s-suq jiflaħ għalihom timplika, min-naħa tagħha, fost fatturi oħra, li ż-żieda ma tiddeterjorax il-kompetittività tat-taqsima ferrovjarja affettwata ( 23 ). B’mod partikolari, jekk l-impriżi tat-trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija ma jkollhomx il-kapaċità li jħallsu ż-żieda, minħabba li l-impatt tagħha fuq il-prezzijiet finali li għandhom iħallsu l-utenti jiddisswadihom milli jużaw is-servizzi tagħhom, tista’ tiġi pperikolata l-“aħjar kompetittività” ta’ din it-taqsima.

50.

Din il-pożizzjoni ma tinjorax l-għanijiet tad-Direttiva 2012/34, bil-kontra ta’ dak li qiegħda tiddefendi Latvijas dzelzceļš, peress li l-irkupru permezz taż-żidiet, tal-ispejjeż (għajr dawk diretti) imġarrba mill-amministratur tal-infrastrutturi ma huwiex mingħajr kundizzjonijiet, iżda huwa suġġett għall-kriterji diġà analizzati tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva.

51.

It-teżi sostnuta minn Latvijas dzelzceļš (iż-żieda taħt il-limitu massimu tagħha timpedixxi lill-amministratur tal-infrastruttura milli jirkupra l-ispejjeż kollha) ( 24 ) tħassar għalkollox il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2012/34 f’dan ir-rigward.

C.   Iż-żidiet u l-provvista tas-servizz fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku

52.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi li “[q]abel ma japprovaw l-impożizzjoni ta’ tali mark-ups, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jivvalutaw ir-rilevanza tagħhom għal taqsimiet speċifiċi tas-suq”. Waħda mit-taqsimiet li għandha b’mod obbligatorju tgħaddi minn tali evalwazzjoni hija dik tas-“servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku”.

53.

Il-qari ta’ dan l-artikolu għaldaqstant jiżvela li xejn ma jipprekludi, fil-prinċipju, l-impożizzjoni ta’ żidiet fuq it-tariffi mġarrba mill-impriżi ferrovjarji meta jiġġestixxu t-trasport ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku.

54.

Ir-Regolament Nru 1370/2007 jirrikonoxxi l-possibbiltà li l-Istati Membri u l-entitajiet lokali jagħtu kuntratti tas-servizz pubbliku li jistgħu jinvolvu drittijiet esklużivi għall-operat ta’ xi servizzi. Għal din il-possibbiltà – u għad-dispożizzjoni korrispondenti – tagħmel riferiment il-premessa 19 tad-Direttiva 2012/34 li tħeġġeġ interpretazzjoni b’mod koerenti ma’ dan ir-regolament.

55.

Ir-Regolament Nru 1370/2007 jistabbilixxi l-kuntratt tas-servizz pubbliku bħala għodda sabiex tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri fuq l-art “li huma meħtieġa fl-interess ekonomiku ġenerali”, f’każijiet fejn “ma jistgħux jitħaddmu fuq bażi kummerċjali” ( 25 ).

56.

Il-mekkaniżmi sabiex l-awtorità kompetenti tħallas lill-operatur tas-servizz pubbliku huma, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, l-għoti ta’ “dritt esklussiv u/jew kumpens” ( 26 ).

57.

L-Artikolu 2(f) tal-istess regolament jiddefinixxi d-dritt esklużiv bħala “dritt li jintitola operatur ta’ servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f’żona partikolari, bl-esklużjoni ta’ tali operatur ieħor”.

58.

L-obbligi tas-servizz pubbliku normalment jiżvelaw l-effetti tagħhom f’kuntest ta’ nuqqas ta’ redditu ekonomiku, li għalih, ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikawhom huma sovrapposti. L-operatur li jieħu f’idejh dawn l-obbligi ma jagħmilx dan (jew ma jeħodhomx f’idejh sal-istess punt jew bl-istess kundizzjonijiet) jekk jieħu inkunsiderazzjoni biss l-interess kummerċjali tiegħu stess ( 27 ).

59.

F’konformità ma’ dan il-mudell, l-impriża ferrovjarja topera s-servizz pubbliku tat-trasport ta’ passiġġieri u tħallas it-tariffi lill-amministratur ferrovjarju u lill-operatur tal-faċilità ta’ servizz, rispettivament. Min-naħa l-oħra, din l-impriża tirċievi d-dħul li jirriżulta mill-operat (jiġifieri, il-bejgħ tal-biljetti) u, fejn xieraq, il-kumpens għall-provvista tas-servizz pubbliku.

60.

Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni ( 28 ) li l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 ma jiqafx japplika meta impriża ferrovjarja tkun iffirmat kuntratt li jagħtiha d-dritt li topera servizzi pubbliċi tat-trasport ta’ passiġġieri bl-esklużjoni ta’ operaturi oħra.

61.

Teoretikament, xejn ma jipprevjeni lill-impriżi ferrovjarji li jiġġestixxu t-trasport ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku milli jiksbu redditu partikolari. F’tali sitwazzjoni, l-amministratur tal-infrastrutturi, wara evalwazzjoni ta’ dan ir-redditu, jista’ japplika ż-żieda, flimkien mat-tariffa, għalihom, jekk jiġu ssodisfatti l-bqija taċ-ċirkustanzi mniżżla fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34.

62.

Fi kwalunkwe każ, bħalma diġà osservajt, l-evalwazzjoni tar-redditu tat-taqsima teħtieġ evalwazzjoni bir-reqqa. Għaldaqstant, il-ftehim ta’ LatRailNet tal‑21 ta’ Awwissu 2018, adottat b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju, kien jindika li “l-valur tal-kriterju Ss għandu jiġi ddeterminat għat-taqsimiet kollha tas-suq abbażi ta’ evalwazzjoni mwettqa minn espert” ( 29 ).

63.

B’dan il-mod, l-iskema tat-taqsima tas-suq tat-trasport ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku titqabbel ma’ dik ta’ taqsimiet oħra li għalihom kienet diġà ġiet stabbilita l-istess miżura ( 30 ).

D.   Il-kalkolu taż-żieda u l-finanzjament b’fondi pubbliċi

64.

Min ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub f’dan ir-rinviju ddeċieda, b’xi mod jew ieħor, fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju ( 31 ) dwar l-intestaturi tal-finanzjament pubbliku li għandhom jitħallew barra mill-bażi tal-kalkolu taż-żidiet ( 32 ).

65.

Ma nargumentax li din il-kwistjoni tippreżenta interess għall-partijiet fil-kawża, iżda li huwa minnu huwa li l-qorti tar-rinviju ma tagħmilx allużjoni għaliha fit-tielet domanda preliminari tagħha. Din il-qorti ma tesprimi l-ebda dubju f’dan ir-rigward, la fil-formulazzjoni tagħha u lanqas fir-raġunamenti li jiġġustifikaw it-talba ( 33 ), u għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tintervjeni f’dan id-dibattitu.

V. Konklużjoni

66.

Fid-dawl ta’ dak li esponejt iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li t-tielet domanda preliminari tal-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) tingħata risposta fit-termini li ġejjin:

“L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, ladarba jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, xejn ma jipprevjeni l-impożizzjoni ta’ żidiet fuq it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura lil impriża ferrovjarja li tiġġestixxi t-trasport ta’ passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku minħabba li ġiet mogħtija dritt esklużiv”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Fil-verità, skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċessi, l-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi fil-Latvja huwa VAS Latvijas dzelzceļš. Madankollu, billi din il-kumpannija tintegra oħrajn b’mod vertikali, li fosthom insibu lil LDZ CARGO, li tipprovdi s-servizz ta’ trasport ta’ merkanziji u ta’ trasport internazzjonali ta’ passiġġieri, Latvijas dzelzceļš ma tistax teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi. Dawn il-funzjonijiet jiġu ddelegati lil LatRailNet, kumpannija li tappartjeni wkoll lill-grupp ta’ Latvijas dzelzceļš.

( 3 ) Iktar ’il quddiem, il-“korp regolatorju”.

( 4 ) Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32, u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67). Din id-direttiva emendat parzjalment, fasslet mill-ġdid u għaqqdet oħrajn preċedenti, fosthom id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).

( 5 ) Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, il-lista ta’ taqsimiet tas-suq hija ddefinita mill-amministratur tal-infrastrutturi, iżda għandu jinkludi mill-inqas tlieta: “is-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku u servizzi oħra għall-passiġġieri”.

( 6 ) F’dan il-każ, kienet AS Pasažieru vilciens, kumpannija li sas-sena 2031 għandha r-responsabbiltà esklużiva tal-ġestjoni tas-servizzi ta’ trasport pubbliku fuq il-linji ferrovjarji reġjonali tal-Latvja. L-operat tas-servizz pubbliku b’mod esklużiv, limitat għal linja, network jew żona partikolari, huwa awtorizzat mill-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

( 7 ) L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/34, bħala funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastrutturi jelenka “[t]-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferrovija individwali, u […] [t]-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-piżijiet fuq l-infrastruttura, inkluż id-determinazzjoni u l-ġbir tal-piżijiet […]”.

( 8 ) Preċiżament, it-Taqsima II tal-Anness 3, intitolata “Kriterji kwantitattivi għad-determinazzjoni taż-żidiet applikabbli f’taqsimiet tas-suq speċifiċi”, punt 3.

( 9 ) It-tielet subparagrafu tat-tielet paragrafu in fine tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 10 ) It-tielet subparagrafu tar-raba’ paragrafu tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 11 ) Skont il-ħames subparagrafu tas-sitt paragrafu tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-inizjattiva li ssir id-domanda preliminari ġiet minn Latvijas dzelzceļš.

( 12 ) Id-Direttiva 2012/34 tagħti l-libertà lill-Istati sabiex “jipprovdu lill-maniġer tal-infrastruttura […] b’finanzjament konsistenti mal-funzjonijiet tiegħu […], mad-daqs tal-infrastruttura u mar-rekwiżiti finanzjarji, b’mod partikolari sabiex ikopru investimenti ġodda. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiffinanzjaw dawn l-investimenti permezz ta’ mezzi oħra minbarra l-finanzjament dirett tal-Istat” (Artikolu 8(2).

( 13 ) Meta l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34, jagħmel riferiment għall-kontabbiltà tal-amministratur tal-infrastrutturi, isemmi “dħul mill-piżijiet tal-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn, dħul minn sorsi privati li ma jistax jitħallas lura u l-fondi mill-Istat, […], inkluzi ħlasijiet bil-quddiem mill-Istat, meta jkun xieraq”.

( 14 ) Latvijas dzelzceļš issostni li l-użu tal-finanzjament mill-Istat jaffettwa l-indipendenza tagħha bħala amministratur tal-infrastrutturi, peress li jwassalha fil-pożizzjoni ta’ applikant fir-rigward tal-Istat (punt 32 tal-osservazzjonijiet tagħha). Dan ma huwiex il-każ: biex entità tidħol għal fondi pubbliċi d-dispożizzjoni fid-Direttiva 2012/34 timplika, b’definizzjoni, li l-indipendenza fis-sens tal-Artikolu 4 tagħha ma għandhiex tiġi affettwata.

( 15 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34 jesprimi bħala “mira possibbli fit-tul” li l-ispejjeż jiġġarrbu mill-utenti meta t-trasport ferrovjarju jkun f’kundizzjoni li jikkompeti ma’ mezzi tat-trasport oħra fil-qafas tariffarju tal-Artikolu 31 u 32.

( 16 ) Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat‑12 ta’ Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (ĠU 2015, L 148, p. 17).

( 17 ) Skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, is-sistema ta’ tariffi għandha tosserva ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji. Bl-istess mod, l-ammont tat-tariffi ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastrutturi minn xi taqsimiet tas-suq li jistgħu jħallsu għall-inqas, l-ispejjeż imġarrba direttament b’riżultat tal-operat tas-servizz ferrovjarju, u rata ta’ redditu li jiflaħ għaliha s-suq.

( 18 ) Fil-punti 28 u 29 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Latvijas dzelzceļš tafferma li l-oppost jikkomprometti li jintlaħqu għanijiet oħra tad-Direttiva, bħall-kopertura tal-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-infrastruttura. Fil-fehma tagħha, din iċ-ċirkustanza tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ żieda fl-ammont massimu tagħha.

( 19 ) F’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-Ispanjol, huwa t-terminu “competitividad”, u mhux “competencia”, li jidher. Għaldaqstant, bil-Franċiż, “compétitivité” u mhux “concurrence”; bl-Ingliż, “competitiveness” u mhux “competition”; bit-Taljan, “competitività” u mhux “concorrenza”; bil-Portugiż, “competitividade” u mhux “concorrência”; jew bil-Ġermaniż, “Wettbewerbsfähigkeit” u mhux “Wettbewerb”.

( 20 ) “Il-livell globali ta’ rkupru tal-prezz permezz ta’ piżijiet infrastrutturali jaffettwa l-livell neċessarju ta’ kontribuzzjoni tal-gvern; Stati Membri jistgħu jeħtieġu livelli differenti ta’ rkupru globali tal-prezz permezz ta’ piżijiet li jinkludu mark-ups jew rata ta’ ritorn li s-suq jiflaħ għalihom […]”. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 jinkludi dispożizzjoni ekwivalenti għal dik li hija s-suġġett ta’ interpretazzjoni f’dan ir-rinviju.

( 21 ) Dan jista’ jseħħ jekk il-prezz jew iż-żmien tal-ivvjaġġar tal-istess rotta, jew fatturi analogi, jagħmluh iktar attraenti minn mezzi oħra tat-trasport.

( 22 ) Skont l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34, il-korp regolatorju għandu s-setgħa jissorvelja s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, anki meta tista’ tkun affettwata mis-sistema ta’ tariffi msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1. Ara wkoll l-Artikolu 56(12) tad-Direttiva 2012/34 b’rabta mal-Anness VIII(2)(c) tagħha.

( 23 ) L-istess orjentazzjoni hija riflessa fl-aħħar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020) 260 final). B’riferiment għaż-żidiet, il-memorandum ta’ spjegazzjoni jipprovdi li “[l]-Artikolu 32 [tad-Direttiva fis-seħħ] jippermetti lill-Istati Membri jimponu mark-ups li jiġu stabbiliti fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tat-taqsimiet rispettivi tas-suq ferrovjarju. Bħala tali, dan il-prinċipju jimplika li l-mark-ups jistgħu jkunu soġġetti għal flutwazzjonijiet u jistgħu jonqsu f’każ li tonqos il-kapaċità ta’ ħlas tat-taqsimiet tas-suq ikkunsidrati”.

( 24 ) Punt 32 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 25 ) Premessa 5.

( 26 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li Pasažieru vilciens ingħatat l-operat esklużiv tas-servizz u kumpens.

( 27 ) Ara l-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007.

( 28 ) Punti 38 u 39 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 29 ) Punt 5 tad-digriet tar-rinviju.

( 30 ) Il-qorti tar-rinviju hija dik li għandha tivverifika jekk id-differenza fit-trattament fis-sistema ta’ tariffi hijiex iġġustifikata biżżejjed u jekk tosservax il-prinċipju li ż-żidiet ma jkunux diskriminatorji.

( 31 ) B’mod speċifiku, il-korp regolatorju obbliga lil LatRailNet teskludi l-ispejjeż preċedentement ipprogrammati li kienu koperti mill-baġit tal-Istat jew mill-baġits tal-amministrazzjonijiet lokali u li t-trasportaturi ta’ passiġġieri ma setgħux ikopru mid-dħul li jkun ġej mit-trasport.

( 32 ) Il-korp regolatorju jispjega r-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta din il-parti tad-deċiżjoni tiegħu (punti 6 sa 9 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu). Il-Kummissjoni taqbel mal-korp regolatorju li għandu jiġi “eskluż il-kumpens tas-servizz pubbliku mill-kalkolu li jsir skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva” (punt 44 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha). Latvijas dzelzceļš toppondi din l-esklużjoni (punt 6.2 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha).

( 33 ) Punti 9 sa 13 tad-deċiżjoni tar-rinviju.