Official Journal L 167 , 30/06/1975 P. 0019 - 0019
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0176
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0052
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0176
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0202
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 1 P. 0202
Id-Deċiżjoni Tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1975 li jistabbilixxi Kumitat ta’ Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblika (75/365/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi l-applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kunsill fejn għandu x’jaqsam l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti dawn is-servizzi u l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet provduti bil-liġi, bir-regolament jew bl-azzjoni amministrattiva fejn għandhom x’jaqsmu attivitajiet tat-tobba tista’ tqajjem problemi li għandhom jiġu eżaminati flimkien; Filwaqt li kumitat immexxi mill-Kummissjoni, li jikkonsisti f’rappreżentanti ta’ l-Istati Membri mill-awtoritajiet ta’ dawn ta’ l-aħħar, għandu jiġi stabbilit b’dan il-għan, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: L-Artikolu 1 Kumitat ta’ Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblika, minn hawn ’l quddiem imsejjaħ "il-kumitat", għandu jiġi stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni. L-Artikolu 2 Il-mandat tal-kumitat għandu jkun: - li jiskopri u janalizza xi diffikultajiet li jistgħu jitqajmu mill-implimentazzjoni tad-Direttivi Nru 75/362/KEE [1] u Nru 75/363/KEE [2]; - li jiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kondizzjonijiet li taħthom kura medika ġenerali u speċjalizzata tingħata fl-Istati Membri; - li jagħti opinjonijiet li jistgħu jiggwidaw ix-xogħol tal-Kummissjoni bil-għan li d-Direttivi msemmija hawn fuq jiġu emendati. L-Artikolu 3 1. Il-kumitat għandu jikkonsisti f’uffiċjali anzjani mill-Istati Membri li għandhom responsabbiltà diretta fis-settur tas-saħħa ġenerali. 2. Il-membri tal-kumitat għandhom jinħatru mill-Istati Membri, fejn kull wieħed minnhom għandu jaħtar membru wieħed u altern wieħed. 3. Il-kumitat għandu jkun immexxi minn rappreżentant tal-Kummissjoni. L-Artikolu 4 Il-kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 1975. Għall-Kunsill Il-President R. Ryan [1] ĠUL 167, tat-30.6.1975,p 1. [2] ĠUL 167, tat-30.6.1975,p 14. --------------------------------------------------