DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Ombudsman li ma jiftaħx investigazzjoni wara lment – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni parzjali – Inammissibbiltà manifesta parzjali”

Fil-Kawża T‑615/24,

Asociación de ciudadanos contra la corrupción y para la defensa del estado de derecho, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Gaspar Puig, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Ombudsman Ewropew,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, V. Tomljenović u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Asociación de ciudadanos contra la corrupción y para la defensa del estado de derecho, titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Ombudsman Ewropew tat‑3 ta’ Ottubru 2024 li ma tinfetaħx investigazzjoni u li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment 1604/2024/LA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2

Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiddikjara n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Ombudsman li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni;

–

tordna l-eżami mill-ġdid tal-ilment li hija ressqet u l-ftuħ ta’ investigazzjoni;

–

terġa’ tistabbilixxi l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi.

Id-dritt

3

Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli, hija tista’, f’kull ħin, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċeduri.

4

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha biżżejjed informazzjoni u tiddeċiedi, skont dan l-artikolu, li ma hemmx lok li titkompla l-proċedura.

Fuq l-ewwel kap tat-talbiet

5

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mir-rikors kollu kemm hu, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE, sa fejn l-Ombudsman għalaq l-ilment li hija ppreżentat mingħajr ma ħa azzjoni ulterjuri u mingħajr ma fetaħ investigazzjoni. Konsegwentement, minkejja li r-rikorrenti tiddikjara li tibbaża wkoll ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 265 TFUE, minkejja li hija tindika li tippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata u minkejja li, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara l-allegat nuqqas ta’ azzjoni tal-Ombudsman li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali talba ma tirrigwardax, fir-realtà, allegata astensjoni tal-Ombudsman milli jindirizzalha att fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, iżda tikkoinċidi mat-talba intiża sabiex jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-Ombudsman iddeċieda li ma jiħux azzjoni fir-rigward tal-ilment tagħha u li ma jiftaħx investigazzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel kap tat-talbiet għandu jitqies li huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

6

Fir-rigward ta’ din it-talba għal annullament, preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikorrenti, fit‑28 ta’ Awwissu 2024, ippreżentat lill-Ombudsman ilment dirett kontra l-Kummissjoni Ewropea. L-Ombudsman, wara li l-ewwel ikkonferma li rċieva l-ilment u talab informazzjoni mingħand ir-rikorrenti, informa lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Settembru 2024, li, wara eżami tal-ilment, ma kienx hemm elementi suffiċjenti sabiex tinfetaħ investigazzjoni u li l-ilment kien ser jingħalaq. Wara li ntalab mir-rikorrenti, l-Ombudsman, permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑27 ta’ Settembru 2024, tenna t-tweġiba preċedenti tiegħu. Wara li reġa’ ntalab mir-rikorrenti, l-Ombudsman, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, fakkar it-tweġibiet preċedenti tiegħu u pprovda tweġiba għat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex iniedi investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess.

7

Issa, indipendentement anki mill-kwistjoni dwar sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija purament konfermattiva tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2024, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata – bħal dik tat‑18 ta’ Settembru 2024 – ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

8

Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 228 TFUE u mill-Artikoli 2 sa 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (ĠU 2021, L 253, p. 1) jirriżulta li l-Ombudsman għandu jinvestiga l-ilmenti li huwa jirċievi dwar każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni u għandu jwettaq l-investigazzjonijiet li huwa jqis iġġustifikati (l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 228(1) TFUE). B’mod partikolari, huwa għandu jiċħad l-ilmenti li ma jaqgħux taħt il-mandat tiegħu jew li ma josservawx ċerti rekwiżiti proċedurali (Artikolu 2(4) tal-Istatut tal-Ombudsman); meta jikkonstata li lment huwa manifestament infondat, huwa għandu jagħlaq il-fajl u jinforma lil-lanjant (Artikolu 2(5) tal-imsemmi statut) u, meta jqis li dan ikun iġġustifikat, huwa jista’ jiddeċiedi li jiftaħ investigazzjoni (Artikolu 2(7) u Artikolu 3(1) tal-imsemmi statut). F’dan il-kuntest, huwa għandu jinforma kemm jista’ jkun malajr lil-lanjant bis-segwitu mogħti lill-ilment u jista’ jipproponi lil-lanjant u lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni Ewropea kkonċernati soluzzjoni intiża sabiex issolvi l-każ ta’ amministrazzjoni ħażina msemmija fl-ilment u, jekk din is-soluzzjoni tiġi aċċettata minnhom, huwa jista’ jagħlaq il-fajl (Artikolu 2(10) tal-imsemmi statut). Meta jikkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina fi tmiem investigazzjoni, l-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernati bil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u, jekk ikun il-każ, jifformula rakkomandazzjonijiet (Artikolu 4(1) tal-imsemmi statut). Wara din l-aħħar komunikazzjoni, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu kkonċernat għandu terminu ta’ tliet xhur sabiex jibgħat lill-Ombudsman opinjoni ddettaljata (Artikolu 4(2) tal-imsemmi statut), li warajha l-Ombudsman jista’ jagħlaq l-investigazzjoni u jibgħat lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernati, kif ukoll f’ċerti każijiet lill-Parlament Ewropew, rapport li fih huwa jista’ jifformula rakkomandazzjonijiet. Fl-aħħar nett, l-Ombudsman għandu jinforma lil-lanjant bir-riżultat tal-investigazzjoni, bl-opinjoni rċevuta u bir-rakkomandazzjonijiet possibbilment magħmula fir-rapport (Artikolu 4(3) tal-imsemmi statut).

9

Għaldaqstant, mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Ombudsman huwa marbut li jinforma fl-iqsar żmien lil-lanjant bis-segwitu mogħti lill-ilment tiegħu u li, meta jiskopri każ ta’ amministrazzjoni ħażina, wara li jkun ressaq il-każ quddiem l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu kkonċernati, huwa sempliċement għandu jinforma lil-lanjant bir-riżultat tal-investigazzjoni u tal-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni, mill-korp jew mill-organu kkonċernati kif ukoll bir-rakkomandazzjonijiet possibbli tiegħu (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimlinger vs L‑Ombudsman, T‑676/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:125, punt 10).

10

B’mod partikolari, wara l-eżami ta’ lment, l-Ombudsman ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu miżuri vinkolanti u r-rapport li għandu jintbagħat lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernati f’każ ta’ amministrazzjoni ħażina għandu jkun limitat għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ każ bħal dan u, fejn xieraq, jagħmel rakkomandazzjonijiet. Għalhekk, l-imsemmi rapport, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma jipproduċi l-ebda effett legali fir-rigward ta’ terzi, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u lanqas ma jorbot lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu kkonċernati, li huma liberi li jiddeċiedu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimlinger vs L‑Ombudsman, T‑676/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:125, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, f’dan il-kuntest, l-Ombudsman ma għandux is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il‑Kummissjoni, C‑167/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:633, punti 36 u 44, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni, C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 245).

11

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni motivata tal-Ombudsman li tagħlaq l-eżami ta’ lment billi ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, inkluż fl-assenza ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament, sa fejn tali deċiżjoni ma tipproduċix effetti legali fil-konfront ta’ terzi, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimlinger vs L‑Ombudsman, T‑676/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:125, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12

Għalhekk, peress li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ombudsman informa lir-rikorrenti bir-raġunijiet għall-għeluq tal-ilment tagħha mingħajr il-ftuħ ta’ investigazzjoni, jew bir-raġunijiet għalfejn ma kienx ser jiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess, dik id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

13

Konsegwentement, l-ewwel kap tat-talbiet, li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

14

Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, anki jekk jitqies li l-ewwel kap tat-talbiet għandu portata differenti mit-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni bbażat fuq l-Artikolu 265 TFUE, li l-Ombudsman naqas milli jiftaħ investigazzjoni, jew li jindirizza rapport kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali atti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE. Fil-fatt, ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa intiż li jissanzjona l-assenza ta’ adozzjoni ta’ att legalment vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts, C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 59). Issa, kif jirriżulta mill-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq, l-Ombudsman ma jiħux miżuri vinkolanti fir-rigward la tal-lanjant, u lanqas tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu kkonċernat. Konsegwentement, tali rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni u tali kap ta’ talbiet, anki jekk jitqies li, f’dan il-każ, għandhom portata awtonoma u differenti meta mqabbla mat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

Fuq it-tieni u t-tielet kap tat-talbiet

15

Permezz tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna l-eżami mill-ġdid tal-ilment u l-ftuħ ta’ investigazzjoni kif ukoll l-istabbiliment mill-ġdid tal-“ugwaljanza taċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi”.

16

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, anki jekk dawn jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha (ara d-digriet tas‑26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il‑Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet kap tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni.

18

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud parzjalment minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni u parzjalment bħala manifestament inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi nnotifikat lill-Ombudsman.

Fuq l-ispejjeż

19

Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma saret in-notifika tar-rikors lill-Ombudsman u qabel ma dan seta’ jsostni xi spejjeż, huwa biżżejjed li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud parzjalment minħabba nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni u parzjalment bħala manifestament inammissibbli.

 

2)

Asociación de ciudadanos contra la corrupción y para la defensa del estado de derecho hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Ġunju 2025.

Ir-Reġistratur

V. Di Bucci

Il-Presidenta

A. Marcoulli


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.