IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.6.2023
COM(2023) 210 final
2023/0152(BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2023/001 BE/ LNSA
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stipulati fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
2.Fis-17 ta’ Frar 2023, il-Belġju ressaq applikazzjoni EGF/2023/001 BE/LNSA għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji f’Logistics Nivelles SA (LNSA) u fornitur wieħed fil-Belġju.
3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.
SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI
|
Applikazzjoni tal-FEG
|
EGF/2023/001 BE/LNSA
|
|
Stat Membru
|
Il-Belġju
|
|
Reġjun(i) ikkonċernat(i) (livell NUTS 2)
|
Il-provinċja ta’ Brabant Wallon (BE31)
|
|
Data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni
|
17 ta' Frar 2023
|
|
Data tal-konferma ta’ meta ġiet irċevuta l-applikazzjoni
|
3 ta' Marzu 2023
|
|
Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali
|
3 ta' Marzu 2023
|
|
Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali
|
24 ta' Marzu 2023
|
|
Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni
|
14 ta' Ġunju 2023
|
|
Kriterju ta’ intervent
|
L-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691.
|
L-intrapriża primarja
|
Logistics Nivelles SA (LNSA)
|
|
Settur(i) tal-attività ekonomika
(Id-diviżjoni NACE Reviżjoni 2)
|
Diviżjoni 52 (Attivitajiet ta’ ħażna u appoġġ għat-trasport)
|
Għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni
|
1
|
|
Il-perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):
|
23 ta’ Awwissu 2022 – 23 ta’ Diċembru 2022
|
|
Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)
|
542
|
|
Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)
|
61
|
|
Għadd totali ta’ sensji (a + b)
|
603
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli
|
603
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira
|
603
|
|
Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)
|
2 484 363
|
|
|
Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG (EUR)
|
49 000
|
|
|
Baġit totali (EUR)
|
2 533 363
|
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (85 %) (EUR)
|
2 153 358
|
|
VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI
Proċedura
4.Fis-17 ta’ Frar 2023, il-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2022/001 BE/LNSA fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691. Fit-3 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Belġju. Tali informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum tax-xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum tax-xogħol minn meta tkun ġiet irċevuta l-applikazzjoni kompluta, u li fihom il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fl-14 ta’ Ġunju 2023.
Eliġibbiltà tal-applikazzjoni
Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati
5.L-applikazzjoni tirrigwarda ħaddiema ssensjati li l-attività tagħhom waqfet f’Logistics Nivelles SA (LNSA) (447 ħaddiem) u SuperTransport SA/NV, fornitur ta’ Logistics Nivelles (95 ħaddiem). L-għadd totali ta’ ħaddiema eliġibbli huwa ta’ 542.
6.Logistics Nivelles kienet taħdem fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-diviżjoni 52 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Magazzinaġġ u attivitajiet ta’ sostenn għat-trasport). Is-sensji f’din l-intrapriża jinsabu fir-reġjun NUTS 2 ta’ Brabant Wallon (BE31).
Kriterji ta’ intervent
7.Il-Belġu ressaq l-applikazzjoni fl-ambitu tal-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f’fornituri u fi produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.
8.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni jtul mit-23 ta’ Awwissu 2022 sat-23 ta’ Diċembru 2022.
9.Il-waqfien tal-attività matul il-perjodu ta’ referenza seħħ kif ġej:
–447 ħaddiem issensjati f’LNSA,
–95 ħaddiem issensjat f’SuperTransport SA/NV, fornitur ta’ LNSA.
Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien mill-attivitajiet
10.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-ħaddiema ssensjat matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt ta’ impjieg jew l-iskadenza tiegħu.
Benefiċjarji eliġibbli
11.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eleġibbli jinkludu 61 ħaddiem issensjat qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza ta’ erba' xhur. Dawn il-ħaddiema kollha waqqfu l-attività tagħhom fi żmien sitt xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza fit-23 ta’ Awwissu 2022 u/jew bejn tmiem il-perjodu ta’ referenza u l-jum qabel l-adozzjoni ta’ din il-proposta, skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691..
12.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 603.
Deskrizzjoni tal-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien mill-attivitajiet
13.L-avveniment li wassal għal dawn is-sensji huwa d-deċiżjoni ta’ Kuehne + Nagel (K+N) li tagħlaq is-sussidjarja Belġjana tagħha LNSA.
14.L-istabbiliment kien qed jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji f’dawn l-aħħar snin. Fl-2020, it-telf ta’ LNSA kien ogħla mill-baġit totali u kienet meħtieġa żieda fil-kapital sabiex jiġi kkumpensat it-telf. Fl-2021, it-telf reġa’ kien ogħla milli mistenni. LNSA ma setgħetx tkompli topera fuq terminu twil jew medju mingħajr profitt jew mingħajr ekwilibriju.
15.LNSA tipprovdi servizzi loġistiċi fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel friski u xotti, inbejjed u spirti lil Carrefour. Bl-għan li jiġġedded il-kuntratt ma’ Carrefour, K+N wettqet studju biex tiddefinixxi network futur, li jtejjeb is-servizzi bi spejjeż kompetittivi. Abbażi tar-riżultati tal-istudju, K+N iddeċidiet li tibdel id-distribuzzjoni reġjonali tagħha ta’ ikel frisk u xott f’distribuzzjoni nazzjonali. Jiġifieri, minflok il-konsenja lil ħwienet tat-Tramuntana minn Logistics Kontich NV (Kontich) u lil ħwienet tan-Nofsinhar minn LNSA, isiru l-konsenji kollha minn Kontich u LNSA tingħalaq.
16.Kontich kienet ippreferuta minħabba li l-produttività tagħha hija 25% ogħla minn ta’ LNSA, id-differenzi fl-istokkijiet (tiċkin) huma aktar baxxi u l-pożizzjoni ġeografika tagħha hija aktar konvenjenti, li jfisser ħinijiet ta’ konsenja iqsar u kostijiet tat-trasport aktar baxxi.
Impatt mistenni tal-għoti tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi
17.Fir-raba’ kwart (Q4) tal-2022, ir-rata tal-qgħad fil-Wallonia (8,4 %) kienet 2,8 punti perċentwali ogħla mir-rata tal-qgħad fil-livell nazzjonali (5,6 %). F’Diċembru 2022, ir-rata tad-domanda għall-impjiegi (is-sehem tal-persuni qiegħda rreġistrati li qed ifittxu impjieg fil-popolazzjoni attiva) fil-Wallonja kienet ta’ 13.4 %, jiġifieri 1,3 punti perċentwali ogħla milli f’Diċembru 2021.
18.Għalkemm LNSA tinsab fil-provinċja ta’ Brabant Wallon, is-sensji jikkonċernaw ukoll lil Hainaut fejn jgħixu 86.3 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Fi Frar 2023, l-għadd ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg żdied b’ 9.8 % sena wara sena f’Hainaut u b’ 3.7 % f’Brabant Wallon.
19.L-età hija assoċjata ma’ diffikultajiet fit-tiftix ta’ impjieg fi Brabant Wallon, fejn dawk li għandhom 50 sena jew aktar kienu jirrappreżentaw 30 % ta’ dawk irreġistrati li kienu qed ifittxu impjieg ffi Frari 2023. Aktar minn nofs (53.3 %) tal-ex ħaddiema tal-LNSA għandhom aktar minn 45 sena.
20.Filwaqt li l-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat it-tfittxija għal aktar ħaddiema kwalifikati fis-suq tax-xogħol Belġjan, il-forza tax-xogħol LNSA hija essenzjalment magħmula minn profili ta’ handlers. Għalhekk, dawn il-ħaddiema jistgħu jsibuha diffiċli biex jerġgħu jintegraw ruħhom f’impjieg; aktar u aktar biex isibu kuntratti stabbli, peress li s-settur jiffavorixxi kuntratti qosra.
21.L-awtoritajiet ta’ Wallonia jargumentaw li s-sensji f’LNSA se jkollhom impatt partikolari fuq żewġ kategoriji ta’ ħaddiema (dawk b’livell baxx ta’ ħiliet u dawk li għandhom aktar minn 50 sena) li diġà huma żvantaġġati fis-suq tax-xogħol reġjonali.
22.Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ekonomika (żieda fl-inflazzjoni, żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u l-enerġija, eċċ.) influwenzata mill-kuntest ġeopolitiku attwali tnaqqas il-marġnijiet tal-intrapriżi u l-kompetittività tagħhom. Għall-2023, l-IWEPS (l-Istitut tal-Wallonja għall-Evalwazzjoni, il-Prospettiva u l-Istatistika) ibassar żieda limitata għall-PDG tal-Wallonja ta’ 1.1 % (1,4 punti perċentwali inqas mill-2022). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħaddiema preċedenti ta’ LNSA se jeħtieġu appoġġ addizzjonali u mmirat biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jsibu impjiegi ġodda.
Applikazzjoni tal-Qafas tal-UE ta’ Kwalità għall-antiċipazzjoni tal-bidla u tar-ristrutturar (QFR)
23.Il-Belġu ddeskriva kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar.
24.Logistics Nivelles kienet konformi mal-liġi Belġjana dwar is-sensji kollettivi, li tistabbilixxi proċedura obbligatorja għall-informazzjoni u konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-proċedura tagħmilha possibbli li tiġi esplorata kwalunkwe possibbiltà li jiġi evitat jew li jitnaqqas l-għadd ta’ sensji. Din tfittex ukoll li ttaffi l-konsegwenzi tat-telf ta’ impjiegi permezz ta’ miżuri soċjali komplementari, bħall-appoġġ għar-riallokazzjoni jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja. In-negozjati żguraw baġit speċifiku ta’ EUR 1 500 għal kull ħaddiem biex ikopri l-kostijiet tat-taħriġ mill-ġdid.
25.Il-leġiżlazzjoni reġjonali tal-Wallonja tipprevedi appoġġ speċifiku għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, fil-forma ta’ unità ta’ riallokazzjoni (cellule de reconversion) mis-Servizz Pubbliku Reġjonali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (Forem), fuq talba tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema. L-unità ta’ riallokazzjoni ma tikkostitwix obbligu għall-impjegatur, u lanqas għal Forem. L-implimentazzjoni tal-miżuri kofinanzjati tal-FEG se tiġi ġestita permezz ta’ tali unità ta’ riallokazzjoni.
26.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jgħinu lill-ħaddiema ssensjati, il-Belġju rrapporta li l-liġi nazzjonali tax-xogħol dwar il-ġestjoni attiva tar-ristrutturar tirrikjedi li l-intrapriżi li jkunu qegħdin jiġu rristrutturati jistabbilixxu unità tal-impjiegi (cellule pour l’emploi), li l-għan tagħha jkun li tipprovdi lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja fil-kuntest ta’ sensji kollettivi, bi 30 siegħa ta’ servizzi ta’ rikollokament f’perjodu ta’ tliet (3) xhur (60 siegħa f’sitt (6) xhur għall-ħaddiema ta’ 45 sena u aktar). Is-servizzi tal-unità tal-impjiegi bdew immedjatament wara s-sensji.
Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni
27.Il-Belġju kkonferma li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.
28.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn ara s-servizzi ta’ rikollokament deskritti fil-paragrafu 26.
Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
29.Il-Belġju indika li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira, u l-imsieħba soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691.
30.Bil-għan li jitħejja pakkett sod ta’ miżuri mfassla apposta biex jappoġġaw l-isforzi tal-ħaddiema ta’ LNSA biex jerġgħu lura għax-xogħol, fis-6 ta’ April, fil-11 ta’ Mejju u fil-21 ta’ Ġunju 2022, il-Forem, it-trade unions (FGTB u CSC), u sħab oħrajn iltaqgħu, biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Il-konsulenti soċjali li akkumpanjaw lill-ħaddiema wara li ngħataw is-sensja ġew ikkonsultati wkoll. Dawn il-laqgħat irriżultaw f’pakkett ikkoordinat ta’ miżuri tal-FEG li jikkomplementa l-miżuri standard proposti mill-unità tal-impjiegi.
Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti
Benefiċjarji fil-mira
31.Il-603 ħaddiem kollha ssensjati huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell edukattiv hija kif ġej:
|
Kategorija
|
Għadd ta’
benefiċjarji mistennija
|
|
Ġeneru:
|
Irġiel:
|
586
|
(97.2 %)
|
|
|
Nisa:
|
17
|
(2.8 %)
|
|
|
Mhux binarji
|
0
|
(0.0 %)
|
|
Grupp ta’ età:
|
Taħt it-30 sena:
|
27
|
(4.5 %)
|
|
|
Bejn it-30 u l-54 sena:
|
450
|
(74.6 %)
|
|
|
Aktar minn 54 sena:
|
126
|
(20.9 %)
|
|
Livell ta’ edukazzjoni
|
Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas
|
294
|
(48.8 %)
|
|
|
Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew postsekondarja
|
277
|
(45.9 %)
|
|
|
Edukazzjoni terzjarja
|
32
|
(5.3 %)
|
Miżuri proposti
32.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett ikkoordinat li għandu jiġi pprovdut lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:
–Servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament. Dan is-sett ta’ servizzi jespandi l-attivitajiet standard b’appoġġ għall-ħaddiema preċedenti ta’ Logistics Nivelles imwettqa mill-unità tal-impjiegi ta’ Forem f’isem l-intrapriża li tat is-sensji. L-offerta standard se tiġi estiża lil hinn mill-perjodu obbligatorju u se jiġu proposti servizzi speċifiċi addizzjonali bħal ikkowċjar individwali, servizzi ta’ tiftix attiv għal impjieg u servizzi ta’ tqabbil tal-impjieg. Se tingħata attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli f’sitwazzjoni ta’ diffikultà psikoloġika, dejn, jew diżabilità rikonoxxuta permezz ta’ professjonisti speċjalizzati fl-assistenza ta’ dawn il-gruppi.
–Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali. Il-ħaddiema se jkollhom aċċess għall-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem u s-sħab tiegħu. Se jintużaw ukoll moduli speċifiċi għat-tiftix għall-impjiegi. Barra minn hekk, wara t-tfassil tal-profili u l-ftehim dwar proġetti individwali mal-konsulent vokazzjonali, se jiġi offrut taħriġ speċifiku biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati. Qiegħed jiġi offrut ukoll modulu biex jittejbu l-ħiliet tal-IT u biex tinkiseb awtonomija diġitali, żviluppat speċifikament għall-ħaddiema tal-loġistika. Dan il-modulu jikkomplementa l-modulu għall-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali li huwa parti mill-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem.
–Appoġġ lejn il-ħolqien tan-negozju. Il-miżura hija mmirata lejn ħaddiema li jixtiequ jiftħu n-negozju tagħhom. Din se tinkludi fażi ta’ dijanjożi u gwida, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija, sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-potenzjal għall-ħolqien tan-negozju permezz ta’ dijanjożi ekonomika territorjali u networking ma’ intraprendituri rilevanti u ma’ coaches iċċertifikati fil-ħolqien tan-negozju.
–Kontribuzzjoni għall-ħolqien tan-negozju. Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 15 000. Il-kontribuzzjoni se titħallas f’żewġ pagamenti, wara li tingħata prova tal-bidu u l-iżvilupp tal-attività ta’ negozju b’dokumenti ta’ sostenn.
–Inċentivi u allowances: (1) Tiftix għal impjieg u allowances għat-taħriġ. Il-ħaddiema se jirċievu EUR 2 fis-siegħa għall-parteċipazzjoni effettiva fit-taħriġ jew fl-attivitajiet ta’ tiftix għal impjieg. (2) Bonus għat-titjib tal-ħiliet tal-IT. Il-ħaddiema li jsegwu l-modulu għall-aċċess għall-awtonomija diġitali se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 400 kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tagħhom u t-tlestija tat-taħriġ. Il-bonus għandu l-għan li jnaqqas l-illitteriżmu diġitali billi jħeġġeġ lill-ħaddiema preċedenti ta’ LNSA itejbu l-ħiliet tal-IT tagħhom. (3) Bonus għat-titjib tal-ħiliet fil-lingwi. Il-ħaddiema li jsegwu modulu intensiv ta’ taħriġ lingwistiku organizzat minn Forem jew kors ta’ immersjoni tal-lingwa f’intrapriża biex itejbu l-ħiliet tal-lingwa Olandiża, Ingliża jew Ġermaniża tagħhom bħala parti minn tfittxija speċifika ta’ impjieg se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 500. L-objettiv tal-bonus huwa li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ ħiliet lingwistiċi transdixxiplinarji biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fl-impjiegi. (4) Allowance għar-ritorn għall-iskola. Se jingħata allowance ta’ EUR 350 lil ħaddiema li jibdew studji sekondarji u terzjarji full-time għal mill-anqas sena waħda, jew taħriġ kwalifikanti ta’ mill-anqas 3 xhur biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi li hemm domanda għalihom u li għalihom ir-reklutaġġ huwa diffiċli, huma relatati ma’ funzjonijiet kritiċi, jew li fihom hemm żbilanċ sinifikanti bejn il-ġeneri. (5) Allowance għall-ħolqien ta’ negozju. Sabiex il-ħaddiema jiġu appoġġjati waqt it-twaqqif tan-negozju tagħhom, se jingħata benefiċċju ta’ kull xahar ta’ EUR 350 għal massimu ta’ 12-il xahar.
33.It-taħriġ biex tinkiseb l-awtonomija diġitali msemmi hawn fuq li jikkomplementa t-taħriġ standard tal-Forem biex jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali, flimkien ma’ modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi huma f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691. Il-modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi żviluppat għall-ħaddiema preċedenti ta’ Swissport (EFG/2020/005 BE) huwa parti mill-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem kofinanzjata mill-FSE+. Għalhekk, dan ma huwiex ibbaġitjat f’din il-proposta. Barra minn hekk, l-ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi hija fil-qalba tal-offerta ta’ taħriġ taċ-ċentru ta’ taħriġ “ambjent” ta’ Forem.
34.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.
35.Il-Belġju informa li t-30/60 siegħa ta’ servizzi ta’ rikollokament li huma l-obbligu legali tal-impjegatur bdew immedjatament wara s-sensji. L-unità ta’ riallokazzjoni kofinanzjata mill-FEG ġiet inkarigata wara t-tmiem tal-obbligu legali mingħajr diskrepanza fiż-żmien.
36.Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri ma humiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.
Baġit stmat
37.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 2 533 363 li jinkludu nefqa ta’ EUR 2 484 363 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 49 000 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.
38.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 2 153 358 (85 % tal-kostijiet totali).
39.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), ir-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju speċifika li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti mill-Wallonja.
|
Miżuri
|
Għadd stmat ta’ parteċipanti
|
Il-kost stmat għal kull parteċipant
(EUR)
|
Kostijiet totali stmati
(EUR)
|
|
Servizzi personalizzati (miżuri fl-ambitu tal-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament
(konverżjoni mill-ġdid: akkomodazzjoni/orjentazzjoni/mobilizzazzjoni)
|
603
|
2 924
|
1 762 914
|
|
Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali
(formazzjonijiet u moduli speċifiċi)
|
300
|
364
|
109 200
|
|
Appoġġ lejn il-ħolqien ta’ negozju
(dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni tal-imprenditur)
|
60
|
2 028
|
121 681
|
|
Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju
(bourse de lancement)
|
12
|
10 000
|
120 000
|
|
Subtotal (a):
Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati
|
–
|
2 113 795
|
|
|
|
(85,08 %)
|
|
Allowances u inċentivi (miżuri fl-ambitu tal-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Inċentivi u allowances
(allocation de recherche d'emploi et de formation, prime numérique, prime langue, allocation de reprise d'études, allocation d'entrepreneuriat)
|
603
|
615
|
370 568
|
|
Subtotal (b):
Il-perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:
|
–
|
370 568
|
|
|
|
(14,92 %)
|
|
Attivitajiet fl-ambitu tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691.
|
|
1. L-attivitajiet preparatorji
|
–
|
0
|
|
2. Il-maniġment
|
–
|
20 000
|
|
3. L-informazzjoni u l-pubbliċità
|
–
|
15 000
|
|
4. Kontroll u rapportar
|
–
|
14 000
|
|
Subtotal (c):
Perċentwal tal-kostijiet totali:
|
–
|
49 000
|
|
|
|
(1,93 %)
|
|
Kostijiet totali (a + b + c):
|
–
|
2 533 363
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (85 % tal-kostijiet totali)
|
–
|
2 153 358
|
40.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/691 ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri huma kondizzjonali għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix għal impjieg jew ta’ taħriġ.
41.Il-Belġju, f’konformità mal-Artikolu 7(2), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691, ikkonferma li l-kostijiet tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, għan-negozji l-ġodda u għall-akkwiżizzjoni maġġoritarja mill-impjegati ma humiex se jaqbżu t-EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.
Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa
42.Il-Belġju beda jipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Awwissu 2022. Għalhekk, in-nefqa fuq il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Awwissu 2022 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
43.Il-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG fit-22 ta’ Settembru 2021. In-nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għandha għalhekk tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-22 ta Settembru 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
44.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa fl-ambitu tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jimmaniġġaw u li jikkontrollaw l-FSE+.
L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat
45.Il-Belġju ta l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:
–il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,
–ir-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati,
–LNSA, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,
–kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat,
–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-proposta baġitarja
46.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027.
47.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 2 153 358, li jirrappreżenta 85 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.
48.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif huwa stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
Atti relatati
49.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 2 153 358 għal-linja baġitarja rilevanti.
50.Fl-istess ħin li adottat din il-proposta għal deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/691.
2023/0152 (BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2023/001 BE/ LNSA
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal xogħol deċenti u impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli.
(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.
(3)Fis-17 ta’ Frar 2023, il-Belġju ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’Logistics Nivelles SA fil-Belġju. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies konformi mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 153 358 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.
(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja tal-2023, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 2 153 358 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President