|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3984 |
20.8.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Lulju 2025
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta' Franza
(C/2025/3984)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, fuq perjodu ta' 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f'dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Franza żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(4) |
Fit-28 ta' April 2021, Franza ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza (5), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fl-14 ta' Lulju 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li Franza tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(5) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Franza (7). Il-pjan ġie ppreżentat f'konformità mal-Artikolu 11 u mal-Artikolu 36(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jippreżenta firxa ta' aġġustament fiskali fuq seba' snin. |
|
(6) |
Fis-26 ta' Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2025 għal Franza. Fl-istess ġurnata, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2025, li fih hija ma identifikatx lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kienet meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (8) fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025. |
|
(7) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa' kosteffettiva, favur il-kompetittività, b'mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta' enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta' kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(8) |
Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta' pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(9) |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024. |
|
(10) |
Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għal Franza. F'dan ġie vvalutat il-progress ta' Franza fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Franza. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa Franza. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet Franza fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
Valutazzjoni tar-Rapport ta' Progress Annwali
|
(11) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għal Franza: 0,8 % fl-2025, 1,2 % fl-2026, 1,2 % fl-2027, 1,2 % fl-2028 u 1,1 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għall-2023 ta' 4,6 % fl-2025, 5,8 % fl-2026, 7,1 % fl-2027, 8,4 % fl-2028 u 9,5 % fl-2029. Fl-2025-2029, dawn ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv f'konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (9). Fit-30 ta' April 2025 Franza ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha (10), dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta' Franza dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(12) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. |
|
(13) |
Fuq il-bażi ta' data vvalidata mill-Eurostat (11), id-defiċit tal-gvern estiż ta' Franza żdied minn 5,4 % tal-PDG fl-2023 għal 5,8 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 109,8 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 113,0 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta' tkabbir tan-nefqa netta ta' 3,1 % fl-2024. Fir-Rapport ta' Progress Annwali tal-2025, Franza tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 huwa ta' 3,3 %. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet ġeneralment newtrali fl-2024. |
|
(14) |
Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji ta' Franza jistenna tkabbir tal-PDG reali ta' 0,7 % fl-2025 u 1,2 % fl-2026 (13), filwaqt li l-inflazzjoni tas-CPI hija pprojettata li tkun 1,4 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'0,6 % fl-2025 u 1,3 % fl-2026, u li l-inflazzjoni tal-HICP tkun 0,9 % fl-2025 u 1,2 % fl-2026. |
|
(15) |
Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 5,4 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 116,2 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 0,9 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 5,6 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-impatt tal-miżuri li jżidu d-dħul stmati li jammontaw għal madwar 0,5 % tal-PDG, flimkien ma' miżuri li jnaqqsu n-nefqa, l-aktar fuq il-konsum pubbliku u t-trasferimenti soċjali, b'valur ta' kważi 0,3 % tal-PDG. Dawn mhux biss jikkumpensaw in-nefqa ogħla pprojettata fuq il-benefiċċji tal-qgħad u ż-żieda fil-pagamenti tal-imgħax fuq id-dejn tal-gvern. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta' 0,9 % fl-2025. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm infiq fil-livell nazzjonali kif ukoll infiq iffinanzjat mill-UE, hija pprojettata li tkun restrittiva, b'0,9 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni li jiżdied għal 116,0 % fi tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju għoli pprojettat. |
|
(16) |
In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn ta' Franza. |
|
(17) |
In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fi Franza ammontat għal 1,7 % tal-PDG fl-2021, 1,8 % tal-PDG fl-2022 u 1,8 % tal-PDG fl-2023 (14). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 1,9 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta' 0,2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. |
|
(18) |
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fi Franza hija pprojettata li tikber b'0,9 % kemm fl-2025 u 4,1 % b'mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta ta' Franza fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata stabbilita mill-perkors korrettiv, u jikkorrispondi għal devjazzjoni (15) ta' 0,1 % tal-PDG f'termini annwali. Id-devjazzjoni pprojettata ma taqbiżx il-limitu ta' 0,3 % tal-PDG għad-devjazzjoni annwali, li jekk jinqabeż ikun hemm preżunzjoni qawwija ta' ebda azzjoni effettiva. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata kumulattiva ta' tkabbir tan-nefqa netta hija pprojettata li tkun taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Għalhekk, il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għal Franza hi sospiża. Fl-istess waqt, Franza mistiedna tkun lesta tieħu aktar miżuri biex tikkonforma mal-perkors korrettiv. Meta ssir disponibbli data tal-eżitu, titwettaq valutazzjoni aktar kompluta. |
|
(19) |
Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 4,6 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jiżdied għal 117,6 % sa tmiem l-2026. Wara l-2026, fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 4,1 % tal-PDG fl-2027, 3,4 % tal-PDG fl-2028, u 2,8 % tal-PDG fl-2029. Min-naħa tiegħu, wara l-2026, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jiżdied għal 118,1 % tal-PDG fl-2027, u mbagħad jonqos gradwalment għal 117,8 % fl-2028, u 117,2 % fl-2029. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta' 5,7 % tal-PDG fl-2026. Iż-żieda tad-defiċit fl-2026 tirrifletti prinċipalment is-suppożizzjoni li l-politika ma tinbidilx u żieda fil-pagamenti tal-imgħax fuq id-dejn tal-gvern. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 2,5 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hi pprojettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG hu pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 118,4 % fi tmiem l-2026. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju għoli pprojettat. |
|
(20) |
Ir-rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Franza tispeċifika s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn jinkludu miżuri eżistenti u intensifikati inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, bħat-tisħiħ ta' rieżami tal-infiq, riformi għall-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, riforma tal-assigurazzjoni tal-qgħad u żieda fl-infiq fuq ir-riċerka pubblika, kif ukoll riformi u investimenti addizzjonali bħar-razzjonalizzazzjoni tat-taxxa u nefqiet soċjali, ir-riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, riformi biex jiġi ssimplifikat l-ambjent tan-negozju u biex tiġi ffaċilitata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta minn Franza fir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha, il-Kummissjoni ssib li r-riformi u l-investimenti li jirfdu estensjoni, li kellhom jitlestew sat-30 ta' April 2025, ġew implimentati bl-eċċezzjoni tar-riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali meta mqabbla mal-paga minima (SMIC), li wasslu għal iffrankar kemxejn aktar baxx minn dak previst. |
|
(21) |
In-nefqiet tat-taxxa fi Franza huma numerużi u joħolqu piż baġitarju kbir. L-467 nefqa tat-taxxa fl-abbozz tal-baġit għall-2024 huma stmati li jammontaw għal EUR 83,3 biljun (2,9 % tal-PDG), li jirrappreżentaw madwar kwart tad-dħul totali tal-istat. Skont il-Qorti tal-Awdituri Franċiża, il-kost baġitarju finali tan-nefqiet tat-taxxa fl-2024 jimplika tnaqqis ta' EUR 4,55 biljun meta mqabbel mal-kost stmat inizjali tagħhom, li de facto jestendi x-xejra 'l fuq tagħhom f'termini reali mill-2013 minkejja ħafna tentattivi biex jiġu kkontrollati l-kost u l-għadd tagħhom. Barra minn hekk, il-kost imsemmi qabel ma jinkludix nefqiet tat-taxxa relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud devoluta lill-gvernijiet lokali u lill-amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali. L-akbar nefqiet tat-taxxa skont l-impatt baġitarju tagħhom fil-liġi tal-baġit tal-2024 huma l-kreditu tat-taxxa għar-riċerka (crédit d'impôt en faveur de la recherche, EUR 7,9 biljun), il-kreditu tat-taxxa għall-impjegati domestiċi (crédit d'impôt pour l'emploi d'un salarié à domicile, EUR 6,7 biljun), l-allowance ta' 10 % fuq il-pensjonijiet u l-arranġamenti tal-irtirar (abattement de 10 % sur les pension et retraites, EUR 4,8 biljun), l-eżenzjoni tas-somom imħallsa għall-parteċipazzjoni tas-salarji fil-profitti tal-impriża, il-kondiviżjoni tal-qligħ kapitali, il-pjanijiet ta' tfaddil tal-impjegati u l-pjanijiet ta' tfaddil għall-irtirar (EUR 2,8 biljun) u r-rata ta' 10 % għax-xogħlijiet ta' titjib, konverżjoni, sistemazzjoni u manutenzjoni (taux de 10 % pour les travaux d'amélioration, de transformation, d'aménagement et d'entretien, EUR 2,2 biljun). B'kuntrast ma' dan, hemm għadd kbir ta' nefqiet tat-taxxa li jinvolvu benefiċċji individwali limitati filwaqt li joħolqu piż baġitarju ġenerali mdaqqas, filwaqt li f'każijiet oħra l-għadd ta' benefiċjarji mhuwiex magħruf, u dan ifixkel il-kontroll sħiħ tagħhom. In-nefqiet tat-taxxa jnaqqsu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema fiskali ta' Franza, jintroduċu livell sinifikanti ta' kumplessità u, b'mod aktar mifrux, jikkaġunaw telf ta' effiċjenza minħabba d-distorsjoni f'deċiżjonijiet individwali. Il-liġi dwar il-programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi pluriennali għall-2023–2027, adottata f'Novembru 2023, introduċiet dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi limitat l-impatt baġitarju tan-nefqiet tat-taxxa, jiġi kontrollat l-għadd tagħhom u jsiru aktar effiċjenti, filwaqt li għandhom ukoll l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-komunikazzjoni mal-parlament fil-proċess baġitarju annwali. Madankollu, it-tentattivi fil-passat kellhom suċċess limitat fit-tnaqqis tal-kumplessità tat-taxxa u l-kost baġitarju assoċjat man-nefqiet tat-taxxa. |
|
(22) |
B'57,1 % tal-PDG fl-2024, in-nefqa pubblika ta' Franza baqgħet fost l-ogħla fl-UE, u 7,5 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-UE. It-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta diskrepanza simili fl-2025 u l-2026. B'hekk, il-konsolidazzjoni fiskali fi Franza titlob azzjoni deċiżiva fuq l-infiq pubbliku. Il-mekkaniżmu ta' rieżami tal-infiq adottat bil-liġi baġitarja tal-2023, bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għandu l-għan li jwettaq evalwazzjonijiet regolari biex jidentifika l-aktar nefqiet effiċjenti li jiffavorixxu t-tkabbir, l-inklużjoni soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, filwaqt li jappoġġa l-konsolidazzjoni fiskali billi jikseb iffrankar fin-nefqa fejn jiġu identifikati ineffiċjenzi. Bħala parti mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tagħha u biex tirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali, Franza impenjat ruħha li timplimenta għadd ta' miżuri li jindirizzaw din l-isfida. Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali Franċiż, ir-rieżamijiet tan-nefqa mwettqa fl-2024 identifikaw u ġġeneraw iffrankar stmat għal EUR 4,3 biljun fil-liġi tal-baġit tal-2025, li jimplika progress sostanzjali lejn l-ilħuq tal-objettiv fil-pjan fiskali-strutturali Franċiż fuq terminu medju ta' ffrankar permanenti kumulattiv ta' EUR 8 biljun matul l-2025–2027. 'Il quddiem, il-konsolidazzjoni fiskali tibbenefika minn integrazzjoni regolari ulterjuri ta' miri ta' ffrankar kwantifikat tan-nefqiet mir-rieżamijiet ta' nfiq fi ppjanar baġitarju annwali u pluriennali futur. |
Sfidi ewlenin tal-politika
|
(23) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u mal-Anness V, il-kriterju 2.2 ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta' Franza permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta' Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għal tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirreveduhom, u tisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(24) |
L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), aċċellerat fi Franza. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Franza diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, Franza għadha qed tiffaċċa sfidi, inkluża l-ħtieġa li jiġu sfruttati aħjar l-opportunitajiet industrijali offruti mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, l-isfidi relatati mal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari f'viċinati żvantaġġati f'żoni urbani u l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-ilma nadif u s-sanità, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi, speċjalment f'Mayotte. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-investiment fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'enfasi fuq il-gruppi l-aktar żvantaġġati, u t-tisħiħ tal-miżuri kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali, b'attenzjoni partikolari fuq it-tfal. F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Franza hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tikkunsidra fost l-oħrajn l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta' April 2025 (16) jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta' nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta' Marzu 2025. Jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għal ħames oqsma ta' prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f'teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f'setturi ta' prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+. |
|
(25) |
Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta' investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta' 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU, li jappoġġa investimenti f'oqsma ta' prijorità. Franza tista' tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi. |
|
(26) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, Franza għandha tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li jonqos relatati mal-piż regolatorju u amministrattiv, l-intensità tar-R&Ż tan-negozju, l-effettività tal-kollaborazzjoni bejn in-negozji u d-dinja akkademika, id-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u tal-bini, l-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u investimenti relatati fil-grilja u l-ħżin tal-elettriku, in-nuqqas ta' ħiliet, is-sistema edukattiva, il-professjoni tat-tagħlim u l-faqar fost it-tfal. |
|
(27) |
Kif stabbilit fil-Boxxla għall-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b'mill-inqas 25 % u b'mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn il-miri, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex tirrealizza din l-ambizzjoni, Franza trid tieħu aktar azzjoni. 84 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fi Franza (17). Franza adottat diversi riformi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv (18) u jaċċelleraw l-azzjoni pubblika (19). Dawn l-isforzi potenzjalment ikkontribwew għal tnaqqis fil-perċezzjoni li r-regolamenti tan-negozju joħolqu ostaklu fit-tul għall-investiment kif indikat mit-tnaqqis fid-ditti li jqisu r-regolamenti bħala ostaklu kbir (minn 25 % fl-2019 u 22 % fl-2020 għal 19,7 % fl-2024). Barra minn hekk, Franza tejbet il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-medja tal-UE mill-2019 (20). Bħala parti mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tagħha u biex tirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali, Franza impenjat ruħha li timplimenta għadd ta' riformi li jindirizzaw din l-isfida. Madankollu, huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex tiġi indirizzata bis-sħiħ l-isfida tal-piż regolatorju u amministrattiv. Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni (21) u l-indikaturi tal-2023 tar-Regolament dwar is-Suq tal-Prodotti tal-OECD, għas-servizzi bl-imnut u tan-negozju, li ħafna minnhom huma professjonijiet regolati, ir-restrizzjonijiet regolatorji għadhom ogħla fi Franza meta mqabbla ma' Stati Membri oħra. It-tfassil mill-ġdid tar-rekwiżiti għall-aċċess għall-attivitajiet ta' servizzi u l-eżerċizzju tagħhom jistimula l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-mobbiltà professjonali, u jkollu impatt ekonomiku ġenerali pożittiv (22). It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bl-imnut – bħar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni, l-awtorizzazzjonijiet u r-restrizzjonijiet operazzjonali inkluż fuq il-bejgħ – jista' jgħin biex jittejbu l-operazzjonijiet tan-negozju u jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi permezz ta' prezzijiet kompetittivi u għażla akbar ta' prodotti. Is-sistema ġenerali ta' liċenzjar u ta' permessi, filwaqt li hija ta' piż inqas mill-medja tal-UE, tista' titjieb aktar bl-adozzjoni tal-aħjar prattiki, inklużi rieżamijiet regolari tal-permessi u tal-liċenzji biex tiġi vvalutata l-ħtieġa tagħhom. |
|
(28) |
Filwaqt li Franza għandha l-ogħla sehem ta' appoġġ pubbliku għar-R&Ż (23) tan-negozji fl-UE (aktar mid-doppju tal-medja tal-UE kemm għall-appoġġ pubbliku totali kif ukoll għall-komponent tagħha tal-inċentivi tat-taxxa), l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji ta' Franza qed tistaġna u baqgħet kemxejn taħt il-medja tal-UE fl-2023. B'mod partikolari, kreditu tat-taxxa fuq ir-riċerka li jiswa ħafna (EUR 7,9 biljun fl-2024) huwa fis-seħħ, għalkemm l-evalwazzjonijiet kixfu dgħufijiet kbar (24). B'mod speċjali, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Evalwazzjoni ta' Politiki dwar l-Innovazzjoni fl-2021 indikat li l-iskema ma kellha l-ebda effett sinifikanti fuq ditti kbar, minkejja li nofs l-għajnuna ġiet trasferita lilhom. Kif irrakkomandat mill-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi (Inspection Générale des Finances) f'Marzu 2024 (25), fil-liġi tal-baġit tal-2025, l-iskema ta' kreditu tat-taxxa għar-riċerka ġiet iffukata mill-ġdid fuq in-nefqa tar-R&Ż, jiġifieri billi ġiet eskluża n-nefqa marbuta mal-sorveljanza tat-teknoloġija u l-proprjetà intellettwali mill-bażi tan-nefqa eliġibbli. Barra minn hekk, l-irduppjar tal-bażi għat-taxxa għar-reklutaġġ ta' riċerkaturi postdottorali taħt l-iskema ma tkompliex. Filwaqt li dawn il-miżuri mistennijin iwasslu għal xi ffrankar (26) (stmat għal 5 % tan-nefqa annwali tat-taxxa ta' dan il-kreditu ta' taxxa), mhumiex mistennija li jżidu b'mod sinifikanti r-riżultati tar-R&Ż tan-negozji, peress li jbiddlu biss marġinalment il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema. L-allokazzjoni ta' sehem akbar tal-għajnuna lill-SMEs innovattivi, lill-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u lill-istart-ups u l-iffaċilitar tal-adozzjoni tagħhom tal-iskema (27) jistgħu jagħtu spinta lill-isforzi tar-R&Ż, peress li dawk id-ditti huma aktar limitati finanzjarjament. Miżuri oħrajn eżistenti li jqawwu l-innovazzjoni jinkludu, b'mod partikolari, il-kreditu tat-taxxa fuq l-innovazzjoni u l-istatus ta' kumpaniji innovattivi ġodda (Jeunes Entreprises Innovantes), li jipprovdi benefiċċji soċjali u fiskali lill-istart-ups li jissodisfaw kriterji speċifiċi dwar l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp u t-tkabbir. Dawn huma mmirati aktar għall-SMEs, iżda għandhom baġit ħafna iżgħar (madwar EUR 332 miljun għall-kreditu tat-taxxa għall-innovazzjoni u EUR 314 miljun għan-nefqa fiskali u soċjali li jibbenefikaw minnha l-kumpaniji innovattivi ġodda (28) fl-2024). Il-benefiċċji li jirriżultaw mill-aċċess għal dawk il-miżuri aktar immirati tnaqqsu b'mod aktar sinifikanti meta mqabbla mad-daqs tagħhom milli l-kreditu tat-taxxa għar-riċerka, skont l-emendi introdotti mil-liġi tal-baġit tal-2025 u l-Liġi dwar il-Finanzjament tas-Sigurtà Soċjali għall-2025. |
|
(29) |
Rabtiet aktar mill-qrib bejn ix-xjenza u n-negozji, b'mod partikolari permezz ta' skemi ta' trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija, huma kruċjali għall-ġenerazzjoni tal-innovazzjoni. Madankollu, kif enfasizzat fir-rapport ta' evalwazzjoni tal-2019 dwar il-programm “Investimenti għall-futur”, il-kumplessità tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-ekosistema tal-valorizzazzjoni tar-riċerka ta' Franza tirrappreżenta ostaklu sinifikanti. Franza għandha punteġġ ferm taħt il-medja tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp pubbliku ffinanzjat min-negozji, sitwazzjoni li ma tjibitx mill-2019 'l hawn. Is-segmentazzjoni b'saħħitha tal-ekosistema u l-prestazzjoni subottimali ta' atturi ewlenin bħall-kumpaniji ta' aċċellerazzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija (Sociétés d'accélération du transfert de technologies, SATT), l-istituti għar-riċerka teknoloġika (Instituts de Recherche Technologique), u l-istituti tal-isptarijiet universitarji (Instituts Hopitalo-Universitaires) huma oqsma ta' tħassib (29). Madankollu, mill-2019 'l hawn ma twettqet l-ebda riforma kbira tal-mudell SATT. Reċentement, fl-2023, ġiet introdotta l-inizjattiva taċ-ċentri ta' innovazzjoni universitarji (pôles universitaires d'innovation) biex issaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali, filwaqt li tibni fuq organizzazzjonijiet u skemi eżistenti. Sabiex jitjiebu l-eżiti tal-innovazzjoni hemm bżonn li tiżdied l-effettività tal-ekosistema tat-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija. Dan jista' jinkiseb billi jiġu mmirati riżultati konkreti, bħal żieda mdaqqsa fil-preżentazzjonijiet tal-privattivi, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u l-ħolqien tan-negozji. Is-simplifikazzjoni tal-ekosistema, pereżempju billi jiġu ssimplifikati r-rwoli tal-entitajiet eżistenti jew tingħata spinta għall-kollaborazzjoni bejniethom, tista' wkoll twassal għal eżiti aħjar. |
|
(30) |
Filwaqt li l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali mistennija tippermetti lill-kumpaniji jtejbu l-prodotti u s-servizzi tagħhom, u jagħtu spinta lill-kompetittività, l-SMEs Franċiżi għadhom lura f'termini ta' diġitalizzazzjoni, bi 68,5 % biss minnhom jiksbu livell bażiku ta' intensità diġitali fl-2024, taħt il-medja tal-UE ta' 72,9 %. Dan id-distakk huwa sinifikanti wkoll fid-dawl tal-mira tad-Deċennju Diġitali tal-UE li sal-2030 dan il-livell jilħaq id-90 %. Pereżempju, is-sehem tal-SMEs Franċiżi li jagħmlu l-bejgħ elettroniku huwa aktar baxx mill-medja tal-UE (17,6 % u 23,1 %, rispettivament), li jikkuntrasta ma' sehem ferm ogħla ta' konsumaturi Franċiżi li jixtru oġġetti jew servizzi online, fil-gruppi tal-etajiet kollha, meta mqabbel mal-medja tal-UE. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali avvanzati, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) u s-servizzi tal-cloud fost in-negozji Franċiżi, b'mod partikolari l-SMEs, għadha lura meta mqabbla mal-medja fl-UE. Il-mira tal-UE li 75 % tal-kumpaniji jużaw is-servizzi tal-cloud, iwettqu analiżi tal-big data jew jużaw l-IA tidher li ma tistax tintlaħaq fid-dawl tar-rati ta' adozzjoni attwali. F'Settembru 2018, Franza stabbiliet il-pjan ta' trasformazzjoni diġitali ffukat fuq l-industrija li jkopri miżuri sal-2023 u li jammonta għal EUR 1,3 biljun, inkluż sussidju għall-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali avvanzati ġodda minn SMEs industrijali u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja ffinanzjati taħt il-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza (30). Fl-2018, Franza adottat l-istrateġija nazzjonali tagħha għall-IA. B'mod parallel, France Num, l-inizjattiva pubblika ewlenija għat-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs, inħolqot fl-2018 u minn dak iż-żmien 'l hawn kompliet tissaħħaħ. Din tipprovdi dijanjostika u taħriġ, u telenka network ta' sħab li lesti jappoġġaw lin-negozji fl-isforzi tagħhom ta' diġitalizzazzjoni. Madankollu, ir-rwol tagħha bħala sempliċi intermedjarja – li tgħaqqad in-negozji mal-fornituri ta' soluzzjonijiet diġitali u taġixxi bħala ċentru ta' dokumentazzjoni – jillimita l-kapaċità tagħha li jkollha impatt dirett fuq id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' aktar minn 100 għajnuna finanzjarja territorjali differenti bi kriterji ta' eliġibbiltà differenti u l-għadd kbir ta' awtoritajiet rilevanti tikkomplika x-xenarju għall-SMEs li jfittxu appoġġ (31). Ikun xieraq it-titjib ulterjuri tal-effettività tal-appoġġ pubbliku għad-diġitalizzazzjoni. Ikun ta' benefiċċju li l-iskemi ta' appoġġ disponibbli jiġu ssimplifikati u li t-tip ta' appoġġ jiġi allinjat aħjar mal-ħtiġijiet tan-negozji, filwaqt li jiġu ppreferuti t-teknoloġiji li x'aktarx jagħtu spinta lit-tkabbir tal-produttività (32), bħall-IA. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta' klassifikazzjoni tal-kwalità għall-fornituri ta' soluzzjonijiet diġitali elenkati fi ħdan in-network ta' France Num, possibbilment abbażi ta' feedback tal-utenti, tista' tgħin lill-SMEs jieħdu deċiżjonijiet infurmati. |
|
(31) |
It-taħlita tal-elettriku ta' Franza għadha fil-biċċa l-kbira dekarbonizzata bis-saħħa tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari tagħha. Minbarra l-perjodu tal-COVID-19 – li matulu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) naqsu b'mod artifiċjali – Franza kienet ilha tnaqqas b'mod kostanti l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha f'termini grossi b'aktar minn 3 % fis-sena mill-2019 'l hawn. Din ix-xejra 'l isfel ippermettiet lill-pajjiż jissodisfa t-tieni baġit tiegħu tal-karbonju (2019–2023), kif stabbilit fit-tieni strateġija nazzjonali għal livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, li għandha l-għan li tikseb tnaqqis ta' 40 % sal-2030 (meta mqabbel mal-1990). Bejn l-2022 u l-2023, Franza saħansitra aċċellerat l-isforzi tagħha ta' dekarbonizzazzjoni, u kisbet tnaqqis ta' 5,8 % fl-emissjonijiet grossi. Madankollu, dan il-momentum naqas b'mod sinifikanti fl-2024: skont l-estimi tas-Citepa (33), l-emissjonijiet naqsu b'1,8 % u laħqu 366 MtCO2-eq, ħafna inqas mit-tnaqqis annwali meħtieġ biex tilħaq l-ambizzjoni klimatika tagħha. Biex tibqa' allinjata mal-baġit tal-karbonju li jmiss (2024–2028) skont it-tielet strateġija għal livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju (SNBC-3), li tappoġġa l-mira ta' Franza tal-2030 li tnaqqas bin-nofs l-emissjonijiet grossi ta' gassijiet serra, Franza trid tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'5 % kull sena sal-2030. Filwaqt li s-settur tal-enerġija u l-industrija qed iżommu t-trajettorja tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, is-setturi tat-trasport u tal-bini jeħtieġu sforzi addizzjonali biex jissodisfaw it-tielet baġit tal-karbonju fil-qafas tal-SNBC-3. It-trasport jibqa' s-sors ewlieni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (34) fi Franza u huwa l-uniku settur li l-emissjonijiet tiegħu żdiedu bejn l-1990 u l-2023. Skont l-aktar estimi reċenti tas-Citepa, fl-2024 l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-settur tat-trasport naqsu b'inqas minn 1 % meta mqabbla mal-2023. L-aċċellerazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, b'mod partikolari, li tirrappreżenta sehem sinifikanti ħafna tal-emissjonijiet totali tat-trasport (35), hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, kemm għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija. Huma meħtieġa inċentivi u skemi ta' appoġġ adegwati, flimkien mal-varar tal-infrastruttura meħtieġa, sabiex is-sehem ta' vetturi b'emissjonijiet żero jkompli jiżdied bil-pass, b'enfasi speċifika fuq l-utenti tat-trasport vulnerabbli (36) u fuq il-vetturi tqal. It-trasport tal-merkanzija fi Franza għadu fil-biċċa l-kbira bbażat fuq it-toroq (85 %), filwaqt li l-vjaġġi bil-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni jammontaw biss għal 10 % u 2 % rispettivament, taħt il-medja tal-UE (37). Biex tappoġġa bidla modali mit-toroq għall-ferroviji u għall-passaġġi fuq l-ilma interni, Franza jeħtieġ li tlesti n-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) biex iżżid il-kapaċità u d-densità tan-network. L-aċċellerazzjoni tal-varar tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, li bħalissa hija operazzjonali fuq 10 % biss tan-network ewlieni tat-TEN-T tagħha (38), ittejjeb ukoll l-interoperabbiltà, l-effiċjenza u s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja tal-UE. Il-passaġġi fuq l-ilma interni joffru wkoll potenzjal għoli ta' dekarbonizzazzjoni u jistgħu jiġu sfruttati aktar b'titjib tal-interoperabbiltà tas-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, id-disponibbiltà tad-data, u d-densità tat-terminals. |
|
(32) |
Il-konsum finali tal-enerġija tas-settur residenzjali ilu jistaġna mill-2015, u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-bini residenzjali u terzjarju naqsu b'1,1 % biss fl-2024 meta mqabbla mal-2023, skont l-aktar estimi reċenti (minn Citepa). Franza qed tesperjenza dewmien fir-ritmu tar-rinnovazzjoni enerġetika tal-binjiet u s-sostituzzjoni tal-bojlers taż-żejt u tal-gass b'soluzzjonijiet aktar nodfa bħall-pompi tas-sħana, meta mqabbel mal-pjanijiet nazzjonali (39). Franza jeħtieġ li żżid l-isforzi tagħha biex tnaqqas id-distakk biex tikseb kontribut sinifikanti għall-mira tagħha ta' tnaqqis fil-konsum tal-enerġija tal-bini sal-2030, f'konformità mal-SNBC-3. Sabiex tiġi appoġġata d-domanda għar-rinnovazzjoni enerġetika, ikun ta' benefiċċju kemm li jiġu ssimplifikati l-iskemi nazzjonali kif ukoll li jiġi stabbilizzat il-finanzjament tagħhom, inkluż billi jiġi sfruttat il-finanzjament privat, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli u lir-rinnovazzjonijiet profondi. |
|
(33) |
Fl-2023, Franza kienet għadha taħt il-mira vinkolanti tagħha tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 (40). Bħala parti mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tagħha u biex tirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali, Franza impenjat ruħha li timplimenta riforma li tindirizza din l-isfida. Madankollu, l-impenji rilevanti ma jindirizzawhiex bis-sħiħ. B'mod partikolari, filwaqt li qabel Franza kienet stabbiliet mira għall-enerġija rinnovabbli sal-2030 fil-Liġi dwar l-Enerġija u l-Klima tal-2019, issa ma għandhiex impenn aġġornat u sod biex tikkonforma mal-miri attwali tal-UE sal-2030. Flimkien ma' dewmien fl-implimentazzjoni ta' regoli ġodda għall-ħruġ ta' permessi, din is-sitwazzjoni qed toħloq inċertezza għall-investituri. Min-naħa l-oħra, l-għoti ta' tali ċertezza jattira investimenti ġodda, jistimula l-ħolqien tal-impjiegi lokali u jagħti spinta lill-produzzjoni tat-teknoloġija ekoloġika, li jservi ta' kontribut għal suq Franċiż b'saħħtu. Franza jeħtieġ li taċċellera l-proċess għall-ħruġ tal-permessi u tadotta diversi atti ta' implimentazzjoni skont il-Liġi Franċiża dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Enerġija Rinnovabbli. Il-proċess tad-deżinjazzjoni taż-“żoni ta' aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” miexi bil-mod: madwar sentejn wara l-adozzjoni tiegħu (sa Lulju 2024), 34 % biss tal-muniċipalitajiet kienu ddeżinjaw “żoni ta' aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli”. Jekk jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet awtorizzanti jkollhom persunal adegwat, dan il-proċess jista' jsir aktar malajr. Barra minn hekk, għad hemm bżonn ta' skadenzi ċari u iqsar għall-proġetti barra miż-“żoni ta' aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli”, kif ukoll l-introduzzjoni ta' punti uniċi ta' servizz għall-permessi għall-enerġija rinnovabbli. |
|
(34) |
It-tnaqqis dejjem akbar tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-okkorrenzi negattivi tal-prezzijiet fl-2023 u fl-2024 jindikaw ir-restrizzjonijiet fuq il-grilji tal-elettriku u l-ħtieġa akbar għall-flessibbiltà u l-ħżin orjentat lejn id-domanda (41), inkluż il-ħżin termali. Hemm bżonn aktar soluzzjonijiet ta' flessibbiltà bħal dawn biex jiġu integrati volumi akbar ta' enerġija rinnovabbli fil-grilja u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. L-operaturi tas-sistema tal-elettriku RTE u Enedis dan l-aħħar ħabbru pjanijiet kbar ta' investiment biex jiżviluppaw il-grilja matul l-15-il sena li ġejjin (42). Madankollu, il-pjan ta' RTE għadu fil-fażi ta' konsultazzjoni tiegħu. F'dawn l-aħħar snin, Franza kkummissjonat proġetti ta' interkonnessjoni mal-Italja (Savoie-Piemonte), u aktar huma ppjanati fis-snin li ġejjin, bħall-Interkonnettur Ċeltiku u l-proġett tal-Golf tal-Biskalja. Il-finalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tempestiva ta' dawn il-pjanijiet ta' investiment jiffaċilitaw l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni. Huwa kruċjali wkoll li l-ippjanar fit-tul jikkunsidra interkonnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari mal-peniżola Iberika, biex tingħata spinta lill-integrazzjoni tas-suq tal-UE. Il-livell ta' interkonnessjoni transfruntiera tal-elettriku ta' Franza fl-2024 kien inqas mill-mira tal-UE ta' 15 % (43) għall-2030. |
|
(35) |
Filwaqt li l-persentaġġ tal-kumpaniji li rrapportaw diffikultajiet fir-reklutaġġ naqas fl-2024 u fl-ewwel trimestru tal-2025 bit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-profil inadegwat tal-kandidati jibqa' wieħed miż-żewġ ostakli ewlenin għar-reklutaġġ, flimkien man-nuqqas ta' ħaddiema, skont stħarriġ reċenti, speċjalment f'setturi ewlenin bħas-setturi tal-karozzi, tal-kostruzzjoni u tal-kura (44). Franza investiet b'mod sinifikanti fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, bl-appoġġ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li wassal għal żieda żgħira fl-għadd ta' adulti li jipparteċipaw fit-taħriġ (49,2 % fl-2022, meta mqabbel ma' 48,4 fl-2016). Madankollu, dawn il-programmi mhux dejjem irnexxielhom iżidu l-parteċipazzjoni ta' ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u ħaddiema akbar fl-età. Dawn il-programmi kellhom ukoll impatt limitat fuq il-parteċipazzjoni fit-taħriġ għas-setturi ta' prijorità (l-ICT, is-saħħa, il-kostruzzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika). L-evalwazzjoni tal-investimenti passati u reċenti, bħall-Pjan ta' Investiment fil-Ħiliet (plan d'investissement dans les compétences), tenfasizza li 25 % biss tal-offerta ta' taħriġ tikkonċerna settur prijoritarju u 20 % tal-offerta ta' taħriġ hi mmirata lejn impjiegi li jbatu minn nuqqas ta' ħiliet. Barra minn hekk, madwar 25 % tal-adulti bi kwalifiki baxxi biss ipparteċipaw fl-apprendiment fl-2022. |
|
(36) |
Minkejja n-nefqa pubblika fl-edukazzjoni, is-sistema edukattiva ta' Franza dan l-aħħar irreġistrat tnaqqis notevoli fil-prestazzjoni, li kienet immarkata aktar bl-impatt sinifikanti tal-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. L-istudenti Franċiżi fil-livell primarju u sekondarju għandhom prestazzjoni baxxa fil-matematika u x-xjenza meta mqabbla mal-pari tagħhom fl-UE (45), u s-sehem ta' studenti ta' 15-il sena bi prestazzjoni baxxa żdied b'mod sinifikanti mill-2018 fil-matematika, il-qari u x-xjenza (46), filwaqt li s-sehem ta' studenti bl-aqwa prestazzjoni naqas. Franza għandha wkoll uħud mill-akbar distakki soċjoekonomiċi fl-UE. It-titjib tal-prestazzjoni tal-istudenti fil-ħiliet bażiċi hija kruċjali, u tibda minn età bikrija. Filwaqt li l-ewwel evalwazzjonijiet juru li t-tnaqqis bin-nofs tad-daqsijiet tal-klassi f'“oqsma ta' edukazzjoni prijoritarja” kellu impatt pożittiv fuq l-eżiti edukattivi tal-istudenti, 70 % tal-istudenti żvantaġġati jattendu skejjel li jinsabu barra miż-żoni ta' prijorità u għalhekk mhumiex eliġibbli għall-appoġġ. L-allokazzjoni ta' riżorsi addizzjonali b'mod aktar gradwali u t-trawwim tal-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel żvantaġġati u l-atturi lokali jistgħu jservu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' studenti bi prestazzjoni baxxa jew żvantaġġati. Fl-2023, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħa miżuri biex iħeġġeġ taħlita soċjali aħjar fl-iskejjel pubbliċi u privati, u introduċa siegħa fil-ġimgħa ta' tagħlim differenzjat fil-Franċiż u fil-matematika għall-istudenti kollha. Madankollu, bidliet frekwenti fil-politika rriżultaw fi żmien insuffiċjenti għall-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni u għal tnaqqis fis-sjieda mill-komunità tat-tagħlim. L-użu aħjar tad-data u tal-evalwazzjonijiet eżistenti, kollaborazzjoni aħjar mal-komunità tal-edukazzjoni, u r-rispett tal-awtonomija pedagoġika tal-iskejjel u tal-għalliema jistgħu jgħinu fit-tfassil ta' strateġija aktar effettiva għall-ħiliet bażiċi. |
|
(37) |
Għalkemm l-għalliema bbenefikaw minn żieda fil-paga fl-2023, u għadu kmieni wisq biex jiġi evalwat l-impatt tagħha, għad hemm tħassib fuq l-attraenza tal-professjoni, u n-nuqqas ta' għalliema huwa ta' piż fuq l-eżiti edukattivi. Inqas u inqas kandidati qed jagħmlu l-eżamijiet kompetittivi ta' reklutaġġ fir-rigward tal-għadd ta' pożizzjonijiet miftuħa, u b'hekk dawn l-eżamijiet saru inqas selettivi, speċjalment fil-matematika u għall-għalliema primarji f'xi akkademji (47). Hemm diversi fatturi għaliex l-attraenza tal-professjoni jista' jkun qed tonqos. Fl-2022, 63 % tal-istudenti postsekondarji semmew il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż id-daqs tal-klassi (fost l-akbar fl-UE), l-ammont ta' xogħol, ir-regoli dwar il-mobbiltà, u s-salarju bħala raġunijiet għaliex ma ridux isiru għalliema (48). Barra minn hekk, iż-żieda fid-dipendenza fuq l-għalliema temporanji b'livelli aktar baxxi ta' kwalifiki u esperjenza u b'inqas aċċess għal taħriġ minn dawk permanenti tista' taffettwa l-kwalità tat-tagħlim. Ittieħdu passi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tat-tagħlim, inkluż it-tisħiħ tat-taħriġ fil-Franċiż u l-matematika għall-għalliema tal-primarja. Madankollu, hemm lok biex dawn il-miżuri jiġu estiżi aktar, b'mod partikolari bi tnaqqis tad-daqsijiet tal-klassijiet bis-saħħa ta' inqas tfal, billi t-taħriġ inizjali u kontinwu jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-istudenti kollha (49) u billi l-għalliema u l-iskejjel jingħataw aktar awtonomija (50). B'mod partikolari, il-Qorti tal-Awdituri twissi li, fil-prattika, il-kapijiet tal-għalliema għandhom ambitu limitat biex jadattaw għall-ħtiġijiet tal-istudenti u ċ-ċirkostanzi lokali (51). Il-konsultazzjoni mal-għalliema u mal-komunità usa' tat-tagħlim dwar il-pjanijiet attwali għar-riforma tal-edukazzjoni inizjali tista' żżid ukoll ir-responsabbiltà u l-attraenza. |
|
(38) |
It-tfal fi Franza jiffaċċjaw riskju ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali meta mqabbla mal-bqija tal-popolazzjoni (26,2 % vs 19 % fl-2024) u ma' pajjiżi oħra tal-UE (26,2 % vs 24,2 % fl-2024). Ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal żdied ukoll b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin (52), minkejja t-tnaqqis fl-2023 u l-2024, u s-sehem ta' tfal Franċiżi li jgħixu f'unitajiet domestiċi mingħajr impjieg laħaq 9 % fl-2024, waħda mill-ogħla rati fl-UE. Il-familji b'ġenitur wieħed, spiss immexxija minn ommijiet waħedhom, jiffaċċjaw sfidi sinifikanti u speċifiċi biex isibu xogħol, u fost dawk li jaħdmu (53), waħda minn kull ħamsa kienet f'riskju ta' faqar fl-2024. Wieħed mill-ostakli ewlenin li jiltaqgħu magħhom huwa l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Franza għandha waħda mill-akbar distakki fl-aċċess għall-indukrar tat-tfal bejn tfal vantaġġati u żvantaġġati fl-UE (41,6 punti perċentwali vs 15,8 punti perċentwali). Fl-2024, 72,6 % tat-tfal (0-3 snin) li jgħixu f'unitajiet domestiċi f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali ma bbenefikawx minn servizzi formali għall-indukrar tat-tfal. Filwaqt li s-sehem ġenerali tat-tfal li għandhom aċċess għall-indukrar tat-tfal huwa relattivament għoli fi Franza, id-disponibbiltà u l-kostijiet ivarjaw ħafna fit-territorju Franċiż (54). Barra minn hekk, il-familji li jaħdmu sigħat mhux standard jew li huma qiegħda jsibuha diffiċli biex isibu kura tat-tfal xierqa (55), u dan ifixkel it-tiftix ta' impjieg u l-isforzi ta' taħriġ tagħhom. L-indirizzar ta' ostakli speċifiċi għax-xogħol u t-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jgħinu lill-ġenituri jirċievu taħriġ, jippermettu opportunitajiet aħjar ta' impjieg, u jtejbu l-eżiti edukattivi tat-tfal fuq terminu qasir sa twil, b'impatti aktar b'saħħithom fuq it-tfal żvantaġġati (56). |
|
(39) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal Franza, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro b'rabta mal-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro b'rabta mar-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro b'rabta mal-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja mogħtija fir-Rakkomandazzjoni tal-2025. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:
|
1. |
Issaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir ta' nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025, bil-għan li ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv. Timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta' aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025. |
|
2. |
Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta' nofs it-terminu. Tuża b'mod ottimali l-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex ittejjeb il-kompetittività. |
|
3. |
Tkompli tissimplifika r-regolamentazzjoni, tnaqqas il-piż amministrattiv u r-restrizzjonijiet regolatorji fuq id-ditti, b'mod partikolari fis-settur tas-servizzi. Issaħħaħ l-intensità tar-R&Ż tan-negozji b'immirar aħjar tal-iskemi ta' appoġġ pubbliku li jinċentivaw ir-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji u jippromwovu t-tixrid tal-innovazzjoni, u billi żżid l-effettività tal-ekosistema li tappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji. Ittejjeb id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs, fosthom b'effettività aħjar tal-miżuri ta' appoġġ pubbliku eżistenti ddedikati għal dan l-objettiv. |
|
4. |
Taċċellera t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, billi tneħħi l-ostakli u tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu d-domanda u l-provvista ta' modi tat-trasport u vetturi b'emissjonijiet baxxi, billi żżid l-effiċjenza enerġetika u tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fil-bini permezz ta' inċentivi għal rinnovazzjonijiet profondi. Taċċellera l-varar ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli inkluż billi tissimplifika aktar il-proċessi għall-ħruġ tal-permessi u billi tlesti l-istabbiliment ta' “żoni ta' aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli”. Tippromwovi l-flessibbiltà orjentata lejn id-domanda u t-teknoloġiji tal-ħżin, u tiżgura investiment suffiċjenti fil-kapaċità tal-grilja elettrika inkluż fl-interkonnessjonijiet transfruntieri. |
|
5. |
Tkompli tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet billi tappoġġa l-aċċess għat-taħriġ għall-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u għal persuni akbar fl-età u ttejjeb ir-rilevanza tal-offerta ta' taħriġ għas-suq tax-xogħol. Ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni u tnaqqas l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni inkluż billi tiżgura li l-istudenti żvantaġġati kollha jibbenefikaw minn għajnuna aħjar fl-edukazzjoni. Issaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim, inkluż billi ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema. Tipprevjeni u tnaqqas il-faqar fost it-tfal, billi tneħħi l-ostakli li jfixklu l-integrazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol u l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità għall-unitajiet domestiċi l-aktar żvantaġġati. |
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza (ST 10162/21; ST 10162/21 ADD 1).
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza (ST 11150/23; ST 11150/23).
(7) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Franza (ĠU C, C/2025/659, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/659/oj).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fi Franza, ST 5033/1/25.
(10) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(11) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.
(12) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(13) Fis-snin kollha, it-tkabbir tal-PDG irrapportat fir-Rapport ta' Progress Annwali huwa aġġustat skont l-istaġun u l-kalendarju.
(14) Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista' tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.
(15) Mill-2026 dawn iċ-ċifri ser jidhru fil-kont ta' kontroll stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(16) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu - COM(2025) 123 final.
(17) “Business” attitudes towards corruption in the EU, Flash Report, Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024).
(18) Il-Liġi tat-22 ta' Mejju 2019 għat-tkabbir u għat-trasformazzjoni tan-negozji (Pacte).
(19) Il-Liġi tas-7 ta' Diċembru 2020 għall-aċċellerazzjoni u għas-simplifikazzjoni tal-azzjoni pubblika (ASAP).
(20) Il-Bank Ewropew tal-Investiment, Stħarriġ tal-Investiment tal-BEI għall-2024. Għall-UE, tiġi kkalkulata medja aritmetika.
(21) Il-Kummissjoni Ewropea, Retail restrictiveness indicator (2022 update), 2024.
(22) Il-valutazzjoni li jmiss mill-awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża tar-riformi relatati mal-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u t-tariffi tal-professjonijiet legali regolati hija mistennija fis-sajf tal-2025.
(23) L-appoġġ pubbliku ta' Franza għar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji kien ta' 0,45 % tal-PDG fl-2021, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 0,2 %. Fl-2021, l-inċentivi tat-taxxa tar-R&Ż ammontaw għal dħul mitluf ta' 0,28 % tal-PDG fi Franza, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 0,1 %. L-intensità tar-R&Ż tan-negozji ta' Franza kienet ta' 1,44 % fl-2023 (fl-istess livell bħal fl-2012), taħt il-medja tal-UE (1,49 %).
(24) OECD (2020), “How effective are R&D tax incentives? New evidence from the OECD microBeRD project”, Nota ta' Politika tad-Direttorat għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni, OECD, Pariġi.
Conseil d'analysis économique (2022), Focus No090-2022 “Renforcer l'impact du Crédit d'impôt recherche” Philippe Aghion, Nicolas Chanut et Xavier Jaravel.
(25) L-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi. Expenditure review: support to businesses, Marzu 2024, disponibbli fuq: https://www.igf.finances.gouv.fr/files/live/sites/igf/files/contributed/Rapports%20de%20mission/2024/2023-M-105-03%20Rapport%20Aides%20aux%20entreprises.pdf.
(26) L-iffrankar huwa stmat għal 5 % (Rapport Ġenerali Nru 144 (2024-2025), Volum II, Ktejjeb 1, iddepożitat f'Novembru 2024, disponibbli fuq: Projet de loi de finances pour 2025: Les conditions générales de l'équilibre financier (article liminaire et première partie de la loi de finances) - Sénat).
(27) Lignau (DGE, 2024) irrapporta li fost l-istart-ups maħluqa mill-2016 'l hawn, 44 % biss ibbenefikaw mill-iskema ta' kreditu ta' taxxa għar-riċerka fl-2017-2021, għalkemm użawha aktar minn skemi oħra bħall-istatus ta' kumpanija innovattiva ġdida jew il-kreditu ta' taxxa għall-innovazzjoni.
(28) Abbozz ta' Liġi dwar il-Finanzi tal-2024: Rapporti Leġiżlattivi dwar ir-Riċerka u l-Edukazzjoni Għolja. Rapport Ġenerali Nru 128 (2023–2024), Volum III, Anness 24, iddepożitat fit-23 ta' Novembru 2023 disponibbli fuq: Projet de loi de finances pour 2024: Recherche et enseignement supérieur - Sénat.
Ara wkoll l-Istat tal-Edukazzjoni Għolja, tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni fi Franza 2024, nru 17, Ġunju 2024, suġġett nru 23, disponibbli fuq: Les jeunes entreprises innovantes - état de l'Enseignement supérieur, de la Recherche et de l'Innovation en France no17.
(29) Kumitat ta' Monitoraġġ għall-Investimenti għall-Futur. L-Evalwazzjoni tal-Ewwel Mewġa tal-Programm ta' Investiment Futur (PIA, 2009-2019), Novembru 2019, disponibbli fuq: Le PIA, un outil à préserver, une ambition à refonder .
(30) Direction Générale des Entreprises (2024). La numérisation des entreprises industrielles en France: un soutien à la demande et à l'offre de solutions technologiques. Les Thémas de la DGE no24. Novembru, paġna 8.
(31) Is-Senat, sessjoni straordinarja 2018-2019, Rapport ta' informazzjoni li sar f'isem id-delegazzjoni tan-negozji dwar l-appoġġ għat-tranżizzjoni diġitali tal-SMEs: Franza kif tista' tirkupra ż-żmien li tilfet?, mis-Sa Pascale Gruny (Senatur), disponibbli fuq: Projet de loi de finances pour 2021: Économie - Sénat.
(32) Rapport CNP (2025) | Un monde en mutation – Productivité, compétitivité et transition numérique, paġna 188.
(33) Is-Citepa (Centre Interprofessionnel Technique d'Études de la Pollution Atmosphérique) huwa l-organizzazzjoni Franċiża li għandha l-mandat li tipproduċi l-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra u tat-tniġġis tal-arja ppreżentati lin-NU u lill-UE.
(34) Li jirrappreżentaw 34 % tal-emissjonijiet totali (esklużi l-bunkers internazzjonali bħall-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport fuq l-ilma).
(35) Fl-2023 kien jammonta għal 94 % tal-emissjonijiet tas-settur tat-trasport, bl-esklużjoni ta' bunkers internazzjonali bħall-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport fuq l-ilma (Livre | Chiffres clés du climat 2024, paġna 56).
(36) Kif definit fir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060, jiġifieri l-utenti tat-trasport li jonfqu parti akbar mill-introjtu tagħhom fuq l-enerġija u t-trasport, li, f'ċerti reġjuni, ma għandhomx aċċess għal soluzzjonijiet alternattivi u affordabbli ta' mobbiltà u trasport, u li jistgħu ma jkollhomx il-kapaċità finanzjarja li jinvestu fit-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwils fossili.
(37) Fl-UE, it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija ammonta għal 16,6 % u bil-passaġġi fuq l-ilma interni għal 4,9 % fl-2022.
(38) B'kuntrast, pereżempju, mal-Belġju (79 %) u Spanja (27 %).
(39) Kif irrimarka s-Segretarjat Ġenerali tal-Ippjanar Ekoloġiku (SGPE) f'Diċembru 2024, (Les Rencontres avec les partenaires du SGPE, Diċembru 2024, paġna 11).
(40) Fl-2023, b'sehem ta' 22,3 % tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tagħha, Franza kienet għadha taħt il-mira vinkolanti tagħha tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 ta' 23 %.
(41) Bilan électrique 2024 | RTE.
(42) RTE présente les grandes orientations de sa stratégie de transformation du réseau de transport d'électricité à l'horizon 2040 | RTE.
(43) Definita bħala kapaċità ta' importazzjoni fuq il-kapaċità ta' ġenerazzjoni installata fi Stat Membru.
(44) France Travail - Enquête besoin en main-d'œuvre 2025.
(45) Stħarriġ tal-2023 dwar ix-xejriet fl-Istudju Internazzjonali dwar il-Matematika u x-Xjenza (TIMSS).
(46) Skont l-istħarriġ tal-2022 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA, Programme for International Student Assessment), 28,8 % ta' dawk li għandhom 15-il sena kellhom prestazzjoni baxxa fil-matematika fi Franza vs 29,5 % fl-UE, 26,9 % kellhom prestazzjoni baxxa fil-qari vs 26,2 % fl-UE u 23,8 % kellhom prestazzjoni baxxa fix-xjenza vs 24,2 % fl-UE.
(47) France Stratégie, 2024, Working in Public Service: The Challenge of Attractiveness.
(48) Cour de Comptes, Devenir enseignant: la formation initiale et le recrutement des enseignants des premier et second degrés, Rapport public thématique, 2023.
(49) Education: comment mieux orienter la dépense publique, Conseil d'analyse économique, 2025, disponibbli fuq: Éducation: comment mieux orienter la dépense publique.
(50) Lastra-Anadón, C. u S. Mukherjee (2019), “Cross-country evidence on the impact of decentralisation and school autonomy on educational performance”, OECD Working Papers on Fiscal Federalism, Nru 26, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/c3d9b314-en.
(51) Cour des comptes, Mobiliser la communauté éducative autour du projet d'établissement, Rapport public thématique, 2023.
(52) Fi Franza metropolitana (li għaliha għandna serje kronoloġika komparabbli), is-sehem ta' tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali żdied minn 24,1 % fl-2019 għal 25,7 % fl-2023.
(53) Sénat (2024). Familles monoparentales: pour un changement des représentations sociétales.
(54) CNAF-ONAPE, L'accueil des jeunes enfants – Édition 2024.
(55) Cour des Comptes, La politique d'accueil du jeune enfant, Diċembru 2024.
(56) OECD (2025), Reducing Inequalities by Investing in Early Childhood Education and Care, Starting Strong, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/b78f8b25-en.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3984/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)