European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5664

26.9.2024

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-24 ta’ Ġunju 2024

skont l-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003

(Il-Każ AT.40882 – IFF – tħassir ta’ data)

(notifikata bid-dokument C(2024) 4256 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(C/2024/5664)

Fl-24 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni skont l-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) . F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluż kull penali imposta, filwaqt li jitqies l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni tinsab fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/ )

Introduzzjoni

Id-Deċiżjoni tagħti multa ta’ EUR 15 900 000 lil International Flavors & Fragrances Inc. u International Flavors & Fragrances IFF (France) SAS talli kisru l-Artikolu 20(4) moqri flimkien mal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament KE Nru 1/2003. Matul spezzjoni, ipprovdew informazzjoni mhux kompluta.

Proċedura

Bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-binjiet ta’ International Flavors & Fragrances IFF (France) SAS fil-qafas tal-Każ AT.40826 - Fwejjaħ għall-Konsumatur. Id-Deċiżjoni ta’ spezzjoni C(2023) 1094 tal-10 ta’ Frar 2023 kienet tirrikjedi lil International Flavors & Fragrances Inc., flimkien mal-impriżi kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, inkluża International Flavors & Fragrances IFF (France) SAS, joqogħdu għal spezzjoni rigward il-parteċipazzjoni possibbli tagħha fi ftehimiet antikompetittivi u/jew prattiki miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-fwejjaħ għall-konsumatur u l-ingredjenti tal-fwejjaħ.

Matul l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni ndunat li impjegat ta’ International Flavors & Fragrances IFF (France) SAS kien ħassar il-messaġġi fuq WhatsApp mill-mobile tax-xogħol tiegħu.

Fit-12 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għal proċedimenti separati fil-konfront ta’ International Flavors & Fragrances Inc. u International Flavors & Fragrances IFF (France) SAS (flimkien “IFF”) għal dan l-aġir fil-Każ AT.40882 – IFF - tħassir ta’ data.

Il-Kummissjoni kienet involuta fi proċedura ta’ kooperazzjoni ma’ IFF, li wasslet għal fehim komuni fir-rigward tal-ambitu tal-oġġezzjonijiet u l-firxa ta’ multi possibbli li se jiġu imposti mill-Kummissjoni. Fid-29 ta’ April 2024, IFF introduċiet sottomissjoni ta’ kooperazzjoni li kienet tirrifletti l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-każ, inklużi l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà u l-ammont massimu tal-multa prevista li se tiġi imposta mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet fis-16 ta’ Mejju 2024. IFF ikkonfermat b’mod inekwivoku li d-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet kienet tikkorrispondi għall-kontenut tas-sottomissjoni ta’ kooperazzjoni tagħha u li kienet se tkompli timpenja ruħha fil-proċedura ta’ kooperazzjoni.

Fl-20 ta’ Ġunju 2024 ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti u ta opinjoni pożittiva. L-Uffiċjali tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu immedjatament wara.

Fatti

Matul l-ispezzjoni fil-Każ AT.40826 – Fwejjaħ għall-Konsumatur, fil-bini ta’ International Flavors & Fragrances IFF (France) SAS, l-ispetturi tal-Kummissjoni ndunaw, meta kienu qegħdin janalizzaw mobile tax-xogħol li ġie kkonsenjat lilhom għall-ispezzjoni, li min kien qiegħed jikkustodixxi l-mobile ħassar messaġġi fuq WhatsApp skambjati ma’ kompetitur li kienu fuq dan l-apparat wara li ġie mgħarraf li kien fil-mira tal-ispezzjoni. Min kien qiegħed jikkustodixxi l-mobile kien impjegat imlaħħaq ta’ International Flavors & Fragrances IFF (France) SAS u International Flavors & Fragrances Inc.

IFF ma kinitx infurmat lill-Kummissjoni dwar it-tħassir meta kkonsenjat l-apparat għall-ispezzjoni. L-ispetturi tal-Kummissjoni rnexxielhom ireġġgħu lura l-biċċa l-kbira tad-data mħassra jew possibbilment id-data kollha li kienet rilevanti għall-investigazzjoni. IFF ammettiet it-tħassir fil-pront u kienet proattiva fl-appoġġ tagħha lill-Kummissjoni biex treġġa’ lura d-data mħassra.

Valutazzjoni legali

L-aġir jikkonsisti minn produzzjoni tar-rekords tan-negozju meħtieġa f’għamla mhux kompluta b’intenzjoni matul spezzjoni. Dan jikkwalifika bħala ksur tal-Artikolu 20(4) moqri flimkien mal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

IFF ipproduċiet ir-rekords mitluba għall-analiżi f’għamla mhux kompluta, billi min kien qiegħed jikkustudixxi l-apparat mobbli li kien fih dawn ir-rekords kien ħassar xi rekords b’intenzjoni qabel ma kkonsenja l-apparat lill-Kummissjoni għall-analiżi. Din il-manipulazzjoni tar-rekords tan-negozju saret matul l-ispezzjoni u r-rekords li tħassru kienu jirrigwardaw is-suġġett tal-investigazzjoni.

Multi

L-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament 1/2003 jippermetti lill-Kummissjoni timponi multa li ma taqbiżx 1 % tal-fatturat totali fis-sena kontabilistika preċedenti meta impriża, b’intenzjoni jew b’negliġenza, tipproduċi l-kotba tan-negozju jew rekords oħra relatati man-negozju f’għamla mhux kompluta matul l-ispezzjonijiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament 1/2003 jew tirrifjuta li toqgħod għal spezzjonijiet b’ordni ta’ Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 20(4) tal-istess Regolament.

Meta jiġi stabbilit l-ammont ta’ kwalunkwe multa, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għandu jingħata kas kemm tal-gravità kif ukoll tad-durata tal-ksur.

Il-Kummissjoni, meta tivvaluta l-gravità tal-aġir inkwistjoni, tqis li l-ksur kien serju ħafna min-natura tiegħu u twettaq b’intenzjoni. L-informazzjoni tħassret minn impjegat imlaħħaq u kienet rilevanti għall-investigazzjoni. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-multa trid tkun ta’ deterrent biżżejjed. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li multa stabbilita għal 0,30 % tal-fatturat ta’ IFF tkun waħda xierqa.

Madankollu, il-Kummissjoni tqis ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. IFF ikkooperat b’mod proattiv mal-Kummissjoni wara li l-Kummissjoni ndunat bit-tħassir tal-informazzjoni. IFF ammettiet minnufih il-fatti u għenet kemm setgħet sabiex l-informazjoni mħassra tittreġġgħa lura fil-pront. Barra minn hekk, IFF kienet involuta fi proċedura ta’ kooperazzjoni li fiha rrikonoxxiet ir-responsabbiltà għall-ksur u aċċettat multa massima. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tnaqqas l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq IFF b’50 %.

Fil-valutazzjoni tad-durata, meta wieħed iqis li l-aġir kien jikkostitwixxi ksur istantanju, l-ammont tal-multa ma jiżdiedx ulterjorment minħabba d-durata.

Abbażi tal-elementi kollha ta’ hawn fuq, il-multa hija stabbilita għal 0,15 % tal-fatturat totali ta’ IFF fl-2023. Meta wieħed iqis li l-fatturat ta’ IFF kien jammonta għal EUR 10 615 000 000 fl-2023, il-multa hija stabbilita, wara l-ittondjar, għal EUR 15 900 000.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1)


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5664/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)