14.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/94


P9_TA(2022)0353

L-eskalazzjoni min-naħa tar-Russja tal-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar l-eskalazzjoni min-naħa tar-Russja tal-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna (2022/2851(RSP))

(2023/C 132/12)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,

—

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

—

wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-30 ta' Settembru 2022 dwar l-Ukrajna,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Settembru 2022 dwar ir-“referenda” fażulli illegali mir-Russja fir-reġjuni ta' Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia,

—

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, tat-28 ta' Settembru 2022, dwar pakkett ġdid ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja u l-messaġġ tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, tat-30 ta' Settembru 2022, dwar l-annessjoni illegali tar-reġjuni Ukreni min-naħa tar-Russja,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tat-22 ta' Settembru 2022 dwar il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u tat-28 ta' Settembru 2022 dwar il-ħruġ ta' gass mill-pipelines ta' Nord Stream,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-Istati kollha jgawdu minn sovranità ugwali u fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jeħtiġilhom jastjenu milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat; billi kwalunkwe annessjoni ta' territorju ta' Stat min-naħa ta' Stat ieħor li tkun riżultat tat-theddid jew tal-użu tal-forza tikkostitwixxi ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali; billi dan il-prinċipju ġie affermat mill-ġdid dan l-aħħar mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres;

B.

billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, għandha r-responsabbiltà politika speċjali biex iżżomm il-paċi u s-sigurtà fid-dinja, iżda qiegħda tikser b'mod persistenti l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-azzjonijiet ta' aggressjoni tagħha fil-konfront tas-sovranità, tal-indipendenza u tal-integrità territorjali tal-Ukrajna, u qiegħda tisfida sfaċċatament lill-komunità internazzjonali meta ħabbret l-atti illegali tagħha, bi ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, waqt li tkun għaddejja s-sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

C.

billi l-Federazzjoni Russa kompliet matul dawn l-aħħar xhur il-gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u inġustifikata tagħha kontra l-Ukrajna; billi kontroffensiva ta' suċċess min-naħa tal-Ukrajna li bdiet fil-bidu ta' Settembru 2022 wasslet biex ir-Russja tilfet parti sinifikanti mit-territorji li kienet okkupat fir-reġjun ta' Kharkiv fl-Ukrajna u f'reġjuni oħra fl-Ukrajna tal-Lvant u tan-Nofsinhar; billi din il-liberazzjoni wasslet għall-iskoperta ta' provi ġodda tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-delitti tal-gwerra kommessi mill-forzi Russi u mill-proxies tagħhom, bħal oqbra tal-massa b'aktar minn 440 katavru f'Izyum;

D.

billi eluf ta' ċivili diġà nqatlu u ħafna aktar kienu vittmi ta' torturi, vessazzjonijiet, attakki sesswali, serq jew spostamenti furzati; billi din l-imġiba diżumana mill-forzi Russi u mill-proxies tagħhom turi diżrispett totali lejn id-dritt umanitarju internazzjonali;

E.

billi l-forzi Russi sofrew telf ta' għexieren ta' eluf ta' membri tal-persunal, li nqatlu fl-azzjoni jew għebu minn mindu bdiet l-invażjoni, u l-qerda tal-materjal militari tagħhom;

F.

billi l-komunità internazzjonali tkompli ssostni lill-Ukrajna b'tagħmir modern, b'munizzjon, b'taħriġ u bil-kondiviżjoni tal-intelligence, u l-aktar eżempju reċenti huwa l-approvazzjoni min-naħa tal-Kungress tal-Istati Uniti ta' abbozz ta' liġi skont liema huma previsti aktar minn USD 12,3-il biljun f'assistenza;

G.

billi skont l-uffiċjali Ukreni, l-armata Ukren teħtieġ karrijiet armati ewlenin moderni, aktar sistemi mill-wiċċ għall-ajru u mill-wiċċ għall-wiċċ, vetturi korazzati għat-trasport tat-truppi kif ukoll aktar ċentri ta' taħriġ u kontributi ulterjuri fil-forma ta' munizzjon;

H.

billi mid-9 sal-11 ta' Settembru 2022 saru elezzjonijiet reġjonali u lokali fir-Russja kif ukoll fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol' tal-Ukrajna annessi illegalment, u billi l-UE ma tirrikonoxxix dawn l-elezzjonijiet;

I.

billi r-“referenda” fażulli organizzati ta' malajr saru bejn it-23 u s-27 ta' Settembru 2022 fiż-żoni tal-Ukrajna parzjalment okkupati mir-Russja, fl-oblast' ta' Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia u fost l-Ukreni ddeportati bil-forza, u l-awtoritajiet Russi ħabbru perċentwali prestabbiliti u irrealistikament għoljin ta' parteċipazzjoni tal-votanti li marru jivvutaw u ta' voti favur l-annessjoni min-naħa tar-Russja; billi matul il-proċess tal-votazzjoni saru abbużi sistemiċi tad-drittijiet tal-bniedem u intimidazzjonijiet, b'mod partikolari l-preżenza ta' suldati Russi armati; billi r-referenda fażulli kienu bħar-referendum organizzat mir-Russja fil-Krimea wara li okkupat il-peniżola fil-bidu tal-2014; billi fit-30 ta' Settembru 2022 ir-Russja ħabbret l-annessjoni illegali formali ta' dawk it-territorji, segwita mill-approvazzjoni unanima mid-Duma tal-Istat u mill-Kunsill tal-Federazzjoni;

J.

billi fil-21 ta' Settembru 2022, Vladimir Putin ħabbar l-ewwel mobilizzazzjoni tar-Russja mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn; billi, skont ir-rapporti tal-mezzi ta' informazzjoni, il-mobilizzazzjoni tinvolvi bejn 300 000 riżervista militari u 1,2 miljun li qegħdin jissejħu għall-forzi armati; billi, bil-maqlub ta' dak li tħabbar uffiċjalment, jiġifieri li l-awtoritajiet kienu se jsejħu għal-lieva ċ-ċittadini li servew dan l-aħħar fl-armata u kellhom esperjenza ta' ġlied, ir-rapporti jindikaw li ċerti persuni kienu se jinqabdu bil-lieva mingħajr ma kellhom l-ebda esperjenza militari, b'mod partikolari mir-reġjuni fqar u mbiegħda u minn fost il-minoranzi etniċi, u li l-persuni kienu qegħdin jinqabdu bil-lieva bħala miżura repressiva, bħal fil-Krimea okkupata, fejn issejħu aktar minn 1 500 Tataru tal-Krimea; billi jeżistu wkoll rapporti ta' mobilizzazzjoni furzata fl-oblast' Ukreni annessi illegalment dan l-aħħar; billi jeżistu rapporti ta' rekluti ġodda li ntbagħtu fil-front kważi immedjatament;

K.

billi t-tħabbira tal-mobilizzazzjoni tar-Russja tat lok għal protesti, u l-awtoritajiet Russi s'issa arrestaw aktar minn 2 400 dimostrant; billi, wara t-tħabbir tal-mobilizzazzjoni, diversi mijiet ta' eluf ta' Russi ħarbu mir-Russja biex jevitaw il-lieva; billi l-awtoritajiet Russi waqqfu ċentri tal-lieva f'diversi punti ta' qsim tal-fruntiera sabiex iqassmu l-avviżi ta' lieva fuq il-post u jiskoraġġixxu liċ-ċittadini milli jitilqu mill-pajjiż;

L.

billi l-forzi Russi għadhom qed jokkupaw l-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Zaporizhzhia; billi Ihor Murashov, id-Direttur Ġenerali tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Zaporizhzhia, insteraq mill-forzi Russi fit-30 ta' Settembru 2022 u mbagħad inħeles; billi l-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Zaporizhzhia huwa l-akbar impjant nukleari fl-Ewropa u l-aħħar reattur tiegħu ntefa fil-bidu ta' Settembru 2022 minħabba l-ġlied fl-impjant u fil-viċinanzi tiegħu; billi r-riskju ta' katastrofi nukleari madankollu għadu preżenti;

M.

billi f'diskors li xxandar fuq it-televiżjoni fil-21 ta' Settembru 2022, Vladimir Putin wissa li jekk l-integrità territorjali tar-Russja tiġi mhedda, jiġifieri t-territorji tal-Ukrajna annessi illegalment, ċertament se nużaw “il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħna biex nipproteġu r-Russja u l-poplu tagħna”; billi l-kliem “il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħna” huwa rikatt nukleari mhux daqstant moħbi;

N.

billi fis-26 u fis-27 ta' Settembru 2022 ġie osservat tnaqqis drastiku fil-pressjoni fil-pipelines Nord Stream 1 u 2 minħabba t-tnixxija li hemm suspetti li huma r-riżultat ta' splużjonijiet deliberati taħt il-baħar x'aktarx orkestrati minn attur statali; billi għalkemm il-volum eżatt ta' metan ħiereġ fl-atmosfera huwa diffiċli li jitkejjel, il-kwantità x'aktarx hija konsiderevoli u se tħalli impatt negattiv fuq l-ambjent;

O.

billi fit-30 ta' Settembru 2022, l-President Volodymyr Zelenskyy ħabbar li l-Ukrajna kienet applikat uffiċjalment għall-adeżjoni mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO);

1.

Ifakkar fl-appoġġ sod tal-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna, u għas-sovranità, għall-indipendenza u għall-integrità territorjali tagħha fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni inġustifikata u mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna; ifakkar li l-Russja terfa' r-responsabbiltà totali tal-gwerra u li jeħtiġilha twaqqaf minnufih il-gwerra u tirtira l-forzi kollha tagħha, inklużi dawk proxy, mit-territorji rikonoxxuti fuq livell internazzjonali li jagħmlu parti mill-Ukrajna;

2.

Ifaħħar il-kuraġġ kbir tal-poplu Ukren, li qed jagħmel sagrifiċċji enormi biex jiddefendi lil pajjiżu u lill-valuri Ewropej bħal-libertà, id-dinjità u d-demokrazija; ifakkar id-dritt leġittimu tal-Ukrajna, konformement mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li tiddefendi lilha nnifisha mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja biex terġa' tieħu f'idejha l-kontroll sħiħ tat-territorju kollu tagħha fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali; ifaħħar il-kuraġġ tal-forzi armati Ukreni u l-azzjonijiet effikaċi ħafna tagħhom kemm fil-kamp tal-battalja kif ukoll minn perspettiva morali, u jirrikonoxxi l-kontribut importanti li qegħdin jagħtu lis-sigurtà Ewropea;

3.

Jistieden lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha jikkundannaw b'mod inekwivoku l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja u t-tentattivi tagħha li tikseb territorju bil-forza u permezz tar-referenda fażulli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiddjalogaw b'mod attiv mal-ħafna gvernijiet li adottaw pożizzjoni newtrali rigward l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna sabiex tinbena oppożizzjoni internazzjonali b'saħħitha għal kwalunkwe bidla fil-fruntieri tal-Ukrajna bil-forza u bħala difiża tad-dritt internazzjonali;

4.

Jikkundanna bil-qawwa l-ksur massiv u gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-delitti tal-gwerra kommessi mill-forzi armati Russi, mill-forzi proxy tagħhom u mill-awtoritajiet ta' okkupazzjoni insedjati mir-Russja fl-Ukrajna; jinsisti li l-uffiċjali governattivi u l-mexxejja militari responsabbli u l-awturi tad-delitti tal-gwerra u tad-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju, jeħtiġilhom jagħtu kont ta' għemilhom;

5.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi l-oħra li jappoġġaw lill-Ukrajna jżidu notevolment l-assistenza militari tagħhom, b'mod partikolari fl-oqsma li fihom hija rikjesta mill-Gvern Ukren, bil-għan li l-Ukrajna tkun tista' terġa' tieħu f'idejha l-kontroll sħiħ tat-territorju kollu tagħha rikonoxxut fuq livell internazzjonali u tiddefendi lilha nnifihsa b'suċċess minn kwalunkwe aggressjoni ulterjuri min-naħa tar-Russja; jagħmel appell biex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' mekkaniżmu ta' assistenza militari tat-tip “lend-lease” (kiri u self) għall-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri titubanti jagħtu s-sehem ġust tagħhom ta' assistenza militari meħtieġa biex jgħinu jqassru l-gwerra; ifakkar li t-titubanza fost dawk li jappoġġaw l-Ukrajna xejn ma tagħmel ħlief ittawwal il-gwerra u żżid il-prezz f'termini ta' ħajjiet ta' ċittadini Ukreni innoċenti; jagħmel appell lill-mexxejja tal-UE biex jibnu għaqda dejjiema fost l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-istess fehma ħalli jappoġġaw b'mod sħiħ u bla kundizzjonijiet l-Ukrajna kontra l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja;

6.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jikkoordina l-forniment tal-armi permezz ta' mekkaniżmu ta' koordinament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inkluża inizjattiva tal-UE għall-forniment ta' sistemi ta' armamenti avvanzati bħall-karrijiet armati Leopard; jistieden lill-Istati Membri jibdew minnufih iħarrġu f'dan ir-rigward lis-suldati Ukreni;

7.

Jikkundanna b'mod inekwivoku bħala illegali u illeġittimi r-referenda fażulli organizzati taħt it-theddida tal-armi biex jiġu annessi l-oblast' ta' Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia; ifakkar li r-referenda ġew organizzati bi ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali; jirrespinġi u ma jirrikonoxxix ir-riżultati ffalsifikati tar-referenda u l-inkorporazzjoni sussegwenti ta' dawn it-territorji fir-Russja; iqis ir-riżultati tagħhom nulli u bla effett; iqis li l-annessjoni mħabbra tikkostitwixxi eskalazzjoni perikoluża u irresponsabbli kif ukoll ksur evidenti tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li jiggarantixxu l-paċi, is-sigurtà, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Istati kollha f'livell internazzjonali, u li dan l-att ma jistax u mhuwiex se jibqa' mingħajr risposta min-naħa tal-komunità internazzjonali;

8.

Jiddenunzja d-digriet presidenzjali Russu tad-29 ta' Settembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-“indipendenza” tal-oblast' Ukreni ta' Kherson u Zaporizhzhia, kif ukoll it-trattati illegali dwar l-integrazzjoni fil-Federazzjoni Russa ffirmati fit-30 ta' Settembru 2022; jiddikjara l-appoġġ sod tiegħu għall-politika tal-UE ta' nonrikonoxximent dwar l-azzjonijiet illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluża l-annessjoni, u għalhekk jistieden lill-Kunsill jadotta aktar sanzjonijiet severi b'reazzjoni għal dawn l-atti;

9.

Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għat-tmien pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja; jistieden lill-Istati Membri kollha japprovaw ta' malajr il-pakkett ta' sanzjonijiet, jevitaw kwalunkwe dewmien li jkun ta' interess għalihom infushom, u jimplimentaw is-sanzjonijiet bir-reqqa; jitlob li s-sanzjonijiet jiġu estiżi għal oqsma ġodda, inkluż il-qtugħ ta' Gazprombank, Alfa Bank, Rosbank, Tinkoff Bank, Saint Petersburg Bank, il-Bank Russu għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Bank tal-Lvant Imbiegħed mis-SWIFT, filwaqt li jkomplu jissaħħu wkoll is-sanzjonijiet kontra l-kriptoassi u l-kriptovaluti; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżommu l-għaqda tal-UE u jżidu l-pressjoni fuq il-Kremlin, inkluż permezz ta' aktar pakketti ta' sanzjonijiet, inkluża l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' kwalunkwe prodott ta' teknoloġija avvanzata u oġġetti strateġiċi u sanzjonijiet oħra mmirati biex idgħajfu b'mod strateġiku l-ekonomija u l-bażi industrijali Russi, b'mod partikolari l-kumpless militari-industrijali; jappoġġa l-adozzjoni ta' sanzjonijiet individwali kontra persuni u entitajiet involuti direttament fid-deportazzjoni furzata u fl-adozzjoni ta' tfal Ukreni u fl-organizzazzjoni u l-osservazzjoni tar-referenda fażulli illegali, kif ukoll il-membri kollha tal-partiti tad-Duma li jokkupaw karigi f'parlamenti eletti fil-livelli kollha, inkluż fil-livelli reġjonali u muniċipali; jistieden lill-Istati Membri jimpedixxu, jinvestigaw u jħarrku b'mod attiv kwalunkwe ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi jaħdmu malajr biex ilestu r-reġim ġuridiku għall-konfiska tal-assi ffriżati mis-sanzjonijiet;

10.

Itenni t-talba tiegħu għal embargo immedjat u sħiħ fuq l-importazzjonijiet Russi ta' fjuwils fossili u uranju, u li l-pipelines Nord Stream 1 u 2 jiġu abbandunati kompletament, sabiex jitwaqqaf il-finanzjament tal-magna tal-gwerra ta' Putin bil-flus tal-UE; jitlob projbizzjoni ulterjuri fuq ix-xiri, l-importazzjoni u t-trasport tat-titanju, l-aluminju, ir-ram, in-nikil, il-palladju, ir-rodju u d-djamanti mir-Russja jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-UE, u fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw mir-Russja jew li huma esportati mir-Russja, inklużi minerali tal-ħadid u prodotti nofshom lesti, bl-għan li jitnaqqas id-dħul tar-Russja; jitlob li l-aċċess tar-Russja għal riżorsi, teknoloġiji u servizzi industrijali bażiċi jiġi minimizzat, speċjalment dawk meħtieġa mill-industrija militari tal-istat aggressur;

11.

Iwissi lir-reġim ta' Aliaksandr Lukashenka biex ma jgħinx lir-Russja fil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, inkluż l-isforzi ta' mobilizzazzjoni tagħha u biex ma jospitax lill-koskritti fit-territorju tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu lill-Belarussja fil-mewġa l-ġdida ta' sanzjonijiet marbuta mal-mobilizzazzjoni;

12.

Jikkundanna l-mobilizzazzjoni fir-Russja, u jitlob it-tmiem immedjat tal-lieva involontarja; jikkundanna l-miżuri li jġiegħlu lir-residenti tat-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna jservu fil-forzi armati jew awżiljarji tar-Russja, li huwa pprojbit skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra; jagħmel appelli qawwijin lill-poplu Russu kollu biex jirrifjuta li jitkaxkar f'din il-gwerra, li tikser id-dritt internazzjonali u għalhekk ġiet ikkundannata minn maġġoranza kbira ta' pajjiżi, inbdiet biss biex tasserixxi reġim kleptokratiku antidemokratiku fir-Russja u, fl-aħħar mill-aħħar, se teqred lill-ekonomija Russa u lill-prospettivi tal-poplu Russu għal futur sikur u prosperu; iħeġġeġ lill-Istati Membri joħorġu viżi umanitarji liċ-ċittadini Russi li jeħtieġu protezzjoni, bħal dawk soġġetti għal persekuzzjoni politika;

13.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-ħruġ ġenerali ta' viżi fir-rigward tal-applikanti Russi u l-kontrolli taċ-ċittadini Russi fil-fruntieri esterni, f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE u internazzjonali, u jiżguraw li kull applikazzjoni għall-ażil minn, fost l-oħrajn, dissidenti, diżerturi, dawk li jaħarbu il-lieva u attivisti, tiġi ttrattata fuq bażi individwali, filwaqt li jitqies it-tħassib dwar is-sigurtà tal-Istat Membru ospitanti u jaġixxu skont l-acquis tal-UE relatat mal-ażil; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni rigward il-viżi Russi;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għall-pajjiżi fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u fl-Asja Ċentrali, li qed jirċievu għadd sostanzjali ta' migranti, b'mod partikolari l-Georgia, il-Każakistan, l-Użbekistan, l-Armenja u l-Kirgistan, sabiex tinżamm l-istabbiltà f'dawn ir-reġjuni;

15.

Jiddenunzja d-digriet presidenzjali Russu tal-5 ta' Ottubru 2022 li jiddeżinja l-NPP ta' Zaporizhzhia “proprjetà federali” u jagħti struzzjonijiet lill-gvern Russu biex jieħu f'idejh il-kontroll tiegħu; jitlob l-irtirar immedjat tal-persunal militari Russu mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Zaporizhzhia u l-madwar u l-ħolqien ta' żona demilitarizzata madwar dan l-Impjant; ifakkar li l-ġlied fil-viċinanzi tal-Impjant jista' jwassal għal diżastru enormi b'konsegwenzi inimmaġinabbli;

16.

Jikkundanna t-theddid nukleari Russu ta' dan l-aħħar li jintużaw armi nukleari bħala irresponsabbli u perikoluż; jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab internazzjonali jħejju rispons rapidu u deċiżiv f'każ li r-Russja twettaq attakk nukleari fuq l-Ukrajna; jistieden lir-Russja twaqqaf minnufih it-theddid tagħha ta' eskalazzjoni nukleari, minħabba l-konsegwenzi globali ta' kwalunkwe katastrofi nukleari għall-ħajja tal-bniedem u l-ambjent għad-deċennji li ġejjin; ifakkar li kwalunkwe tentattiv mir-Russja biex tippreżenta attakki fuq territorji okkupati bħala attakk fuq ir-Russja u għalhekk bħala bażi għal attakk nukleari huwa illegali u bla bażi u mhux se jiskoraġġixxi lill-Unjoni Ewropea milli tagħti aktar assistenza lill-Ukrajna fl-awtodifiża tagħha;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u għall-media ħielsa fl-Ukrajna u fir-Russja u l-kooperazzjoni magħhom; jisħaq li r-reżiljenza u l-kapaċità tal-Ukrajna li tirreżisti l-gwerra ta' aggressjoni Russa jitolbu aktar enfasi u appoġġ għall-atturi umanitarji fl-Ukrajna, inkluża enfasi speċifika fuq dawk li jappoġġaw lin-nisa; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu kenn temporanju fl-UE għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, u jgħinu fil-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar temporanji li jippermettu liċ-ċittadini Ukreni maqbuda fir-Russja mingħajr id-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar tagħhom jitilqu mill-pajjiż jekk jixtiequ; jikkundanna t-tentattivi sistematiċi min-naħa Russa biex tnaqqas ir-ritmu tad-dħul tar-rifuġjati Ukreni fl-UE fil-fruntieri Estonjani u Latvjani, li dalwaqt jistgħu jwasslu għal kriżi umanitarja kbira; jistieden lill-Istati Membri u l-kontroll fil-fruntieri tagħhom biex ma jxekklux lil dawn ir-rifuġjati milli jidħlu fl-UE;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq pakkett komprensiv ta' rkupru għall-Ukrajna li għandu jkun ċċentrat fuq l-assistenza, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-pajjiż immedjati, fit-terminu medju u twil, u tgħin ulterjorment biex issaħħaħ it-tkabbir tal-ekonomija, filwaqt li tibda minnufih fejn xieraq; ifakkar li l-pakkett ta' rkupru għandu jitmexxa b'mod konġunt mill-UE, mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u mis-sħab tal-istess fehma; jitlob li l-pakkett ta' rkupru jiġi sostnut mill-kapaċità baġitarja neċessarja tal-UE;

19.

Jesprimi apprezzament għaċ-ċittadini Russi li jikkundannaw il-gwerra; jikkundanna l-arrest min-naħa tal-awtoritajiet Russi ta' eluf ta' dimostranti paċifiċi u jappella għall-ħelsien immedjat tagħhom;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jibdew jirriflettu dwar kif jinvolvu ruħhom mar-Russja fil-futur u kif jgħinuha fi tranżizzjoni b'suċċess minn reġim awtoritarju għal pajjiż demokratiku li jirrinunzja għall-politiki reviżjonisti u imperjalisti; iqis li l-ewwel pass ikun li l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu ruħhom mal-mexxejja demokratiċi Russi u mas-soċjetà ċivili u jimmobilizzaw l-appoġġ għall-aġenda tagħhom għal Russja demokratika; jappoġġa l-ħolqien ta' ċentru tad-demokrazija għar-Russja, ospitat mill-Parlament Ewropew;

21.

Ifakkar li l-isplużjonijiet ta' taħt il-baħar tal-pipelines Nord Stream seħħew fil-perjodu li fih ġie inawgurat il-Baltic Pipe l-ġdid li jgħaqqad in-Norveġja mal-Polonja permezz tad-Danimarka; jemmen li l-isplużjonijiet ta' taħt il-baħar tal-pipelines Nord Stream mhumiex kumbinazzjoni u li qiegħda tiżdied l-ispekulazzjoni li kienu r-riżultat ta' att koordinat u intenzjonat minn attur statali; jemmen li l-isplużjonijiet tal-pipelines Nord Stream juru kemm kienet perikoluża l-politika ta' dipendenza dejjem akbar mill-fjuwils fossili Russi u li l-użu tal-enerġija bħala arma laħaq livell ġdid; jistieden lill-Istati Membri jżidu u jittrattaw bħala prijorità l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea, inklużi pipelines u kejbils offshore, u jżidu r-reżiljenza tagħha kontra attakki esterni u jappoġġaw aktar ir-reżiljenza tas-sħab tal-UE fl-Ewropa tal-Lvant u fil-Balkani tal-Punent; jistieden lill-Istati Membri jwettqu investigazzjoni dwar is-sabotaġġ tal-pipelines tal-gass Nord Stream; iqis li l-isplużjonijiet intenzjonati taħt l-ilma jikkostitwixxu attakk ambjentali fuq l-UE;

22.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu ma' korpi internazzjonali biex jiġbru evidenza u jappoġġaw l-investigazzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra mwettqa fit-territorju tal-Ukrajna mill-20 ta' Frar 2014 'il quddiem;

23.

Jitlob li jiġi stabbilit tribunal internazzjonali ad hoc għad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, li fih issir il-prosekuzzjoni ta' Putin u tal-uffiċjali ċivili u militari kollha Russi u l-proxies tagħhom responsabbli mill-orkestrazzjoni, mill-bidu u mill-iżvolġiment tal-gwerra fl-Ukrajna;

24.

Jikkundanna l-istrateġija b'diversi livelli tar-Russja li tintroduċi, tamplifika u xxerred narrattivi foloz u mgħawġa u l ideoloġija neoimperjalista tar-Russkiy Mir madwar id-dinja; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jissanzjonaw lill-entitajiet Russi, lill-individwi u lil proxies oħra li jxerrdu d-diżinformazzjoni Russa u jieħdu miżuri addizzjonali biex jindirizzaw l-użu tal-informazzjoni mir-Russja bħala arma;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-awtoritajiet Belarussi.