|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2305 |
19.10.2026 |
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom
L-UNJONI EWROPEA (“l-Unjoni”),
min-naħa waħda, u
IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ (“ir-Renju Unit”),
min-naħa l-oħra,
imsejħa individwalment bħala “Parti” jew flimkien bħala “Partijiet”,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-benefiċċji ta’ ħidma ma’ sħab tal-istess fehma fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ħtieġa ta’ sħubija ekonomika bbilanċjata msejsa fuq kompetizzjoni effettiva fis-swieq rispettivi,
WAQT LI JINNUTAW li l-Partijiet jikkondividu l-opinjoni li l-infurzar tajjeb u effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom huwa kwistjoni ta’ importanza biex is-swieq rispettivi tagħhom jaħdmu b’mod effiċjenti u għall-kummerċ ta’ bejniethom,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim jinkwadra l-kooperazzjoni eżistenti, bil-ħsieb li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tal-Unjoni u r-Renju Unit,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, inkluża l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, jistgħu jikkontribwixxu għall-infurzar tajjeb u effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni ta’ kull waħda mill-Partijiet,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-unika informazzjoni li tista’ tiġi kondiviża bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit hija biss informazzjoni li tinkiseb permezz tal-mezzi ta’ investigazzjoni tagħhom stess,
WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 361(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tat-30 ta’ Diċembru 2020 (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), li jiddikjara li l-Partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim separat dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim huwa ftehim supplimentari għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni,
WARA LI KKUNSIDRAW id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mir-Renju Unit, u l-Iskeda 21 tal-Data Protection Act 2018, kif imdaħħla mid-Data Protection, Privacy and Electronic Communications (Amendments etc) (EU Exit) Regulations 2019 tar-Renju Unit, li jirrigwarda l-protezzjoni adegwata tad-data personali mill-Unjoni,
FILWAQT LI JINNUTAW li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni stabbilit b’dan il-Ftehim li jippermetti l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, huwa maħsub li jkun eżawrjenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan
L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jippromwovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, b’mod li jsaħħaħ l-infurzar effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit.
Artikolu 2
Definizzjonijiet u interpretazzjoni relatata
1. F’dan il-Ftehim:
|
a. |
“awtoritajiet tal-kompetizzjoni” jew, skont il-każ, “awtorità tal-kompetizzjoni”, tfisser, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3,
|
|
b. |
“liġijiet tal-kompetizzjoni” tfisser, skont kif jitlob il-kuntest,
|
|
c. |
għall-Unjoni, “liġi domestika” tfisser il-liġi u r-regolamentazzjoni kollha, inkluża l-ġurisprudenza, tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, |
|
d. |
“attivitajiet ta’ infurzar” tfisser kwalunkwe applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni permezz ta’ investigazzjoni jew proċedimenti li jitmexxew minn awtorità tal-kompetizzjoni. |
2. Meta awtorità tal-kompetizzjoni tbiddel isimha, jew il-funzjonijiet ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jingħataw lil awtorità oħra, ir-referenza għal dik l-awtorità tal-kompetizzjoni f’dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata bħala referenza għall-awtorità bl-isem il-ġdid tagħha jew għall-awtorità suċċessur, sa fejn l-awtorità b’isem ġdid jew l-awtorità suċċessur (skont il-każ) tkompli teżerċita, jew teżerċita, funzjonijiet konformi mal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Parti rilevanti.
3. Dan il-Ftehim japplika għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet u mhuwiex maħsub biex japplika, ’il barra minn dak il-kuntest, għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Parti waħda biss. Ir-referenzi f’dan il-Ftehim għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jkollhom negozjati bejniethom jew għall-kooperazzjoni jew il-koordinazzjoni tagħhom ma’ awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni skont dan il-Ftehim għandhom jiġu interpretati skont dan.
Artikolu 3
Notifiki
1. Jekk awtorità tal-kompetizzjoni tqis li xi waħda mill-attivitajiet ta’ infurzar tagħha x’aktarx taffettwa l-interessi importanti tal-Parti l-oħra, hija għandha tinnotifika lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati l-oħrajn b’dik l-attività ta’ infurzar.
2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir minnufih wara l-ewwel pubblikazzjoni ta’ pass investigattiv fl-attività ta’ infurzar rilevanti.
Artikolu 4
Koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar
1. Jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jaħdmu jew ikollhom il-ħsieb li jaħdmu fuq l-istess attivitajiet ta’ infurzar jew attivitajiet relatati magħhom, huma jistgħu jaqblu li l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom, inkluż fir-rigward tal-għoti volontarju ta’ informazzjoni minn impriżi jew persuni fiżiċi, tkun fl-interess reċiproku tagħhom.
2. Fi kwalunkwe ħin, awtorità tal-kompetizzjoni li tkun involuta f’koordinazzjoni bħal din tista’ tinforma lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni involuti l-oħra li tkun biħsiebha tillimita jew ittemm il-koordinazzjoni u taħdem fuq l-attivitajiet ta’ infurzar tagħha b’mod indipendenti u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn li jinsabu f’dan il-Ftehim.
Artikolu 5
Korteżija negattiva
1. Fil-qafas tal-liġi domestika applikabbli għalihom u sa fejn ikun kompatibbli mal-interessi importanti tagħhom stess, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom iqisu bir-reqqa l-interessi importanti ta’ xulxin matul il-fażijiet kollha tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom.
2. Jekk ikun jidher li l-attivitajiet ta’ infurzar ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jaffettwaw l-interessi importanti ta’ kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni l-oħrajn b’mod negattiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jaslu għal akkomodazzjoni xierqa għall-interessi importanti ta’ xulxin.
Artikolu 6
Kondiviżjoni ta’ informazzjoni
1. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jikkondividu informazzjoni bejniethom sa fejn il-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni tkun legali skont il-liġi domestika applikabbli, inkluż dik dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.
2. Jekk żewġ awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew aktar ikunu qed taħdem fuq attivitajiet ta’ infurzar li jikkonċernaw l-istess suġġett jew kwistjonijiet relatati, jew kwistjonijiet ta’ interess komuni, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati għandhom, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda minnhom, jikkunsidraw li jistaqsu, sa fejn ikun possibbli u konsistenti mal-interessi importanti tagħhom u d-disponibbiltà raġonevoli tar-riżorsi, jekk persuni ġuridiċi jew fiżiċi identifikabbli li jkunu taw informazzjoni kunfidenzjali b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet ta’ infurzar jaqblux bil-miktub għall-kondiviżjoni ta’ tali informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati. Ma huwiex neċessarju li l-awtorità tal-kompetizzjoni titlob dan il-kunsens sa fejn il-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni mingħajr kunsens tkun permessa mil-liġi nazzjonali li tapplika.
3. Kwalunkwe informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim u l-fatt li tkun intbagħtet, ġiet riċevuta jew imwieġba talba għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ kooperazzjoni skont dan il-Ftehim, tista’ tiġi ddivulgata fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sa fejn tali divulgazzjoni tkun legali skont il-liġi domestika li tapplika għalihom. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ wkoll tiddivulga informazzjoni li tintbagħat mill-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, skont dan il-Ftehim, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA b’segwitu għall-obbligi tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll 23 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Marzu 1992 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza.
4. L-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim ma tistax tiġi ddivulgata ulterjorment lil awtoritajiet domestiċi oħra jew lil awtoritajiet tal-liġi tal-kompetizzjoni ta’ pajjiżi terzi ħlief bl-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tal-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti l-ewwel darba dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kkonċernata lill-awtorità speċifika kkonċernata. L-ebda informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim ma tista’ tiġi ddivulgata ulterjorment lil awtorità f’pajjiż terz li ma jkunx awtorità tal-liġi tal-kompetizzjoni.
5. L-ebda awtorità tal-kompetizzjoni ma hija obbligata tikkondividi informazzjoni skont dan il-Ftehim. Soġġett għal-liġi domestika applikabbli, kull awtorità tal-kompetizzjoni jibqa’ jkollha diskrezzjoni fl-għażla ta’ kwalunkwe informazzjoni li għandha tiġi kondiviża.
6. Id-data personali tkun tista’ tiġi ttrasferita skont dan il-Ftehim mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni trażmittenti u riċeventi biss għal finijiet kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali inġabret inizjalment.
Artikolu 7
Użu ta’ informazzjoni kondiviża
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(4), l-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim ma għandhiex tintuża għajr għall-finijiet tal-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni. L-informazzjoni, għajr l-informazzjoni disponibbli pubblikament, li tiġi divulgata lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikolu 6(3) ma għandha tintuża għal ebda skop ieħor għajr dak tal-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
2. Minkejja l-paragrafu 1, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu, bil-kunsens tal-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti, jużaw l-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim għal finijiet oħra għajr l-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni jekk dak l-użu jkun f’konformità mat-termini ta’ dak il-kunsens.
3. L-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim tista’ tintuża bħala evidenza mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni riċeventi dment li tintuża biss għall-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-suġġett li għalih dik l-informazzjoni tkun inkisbet inizjalment mill-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti.
4. L-informazzjoni trażmessa skont dan il-Ftehim tista’ tintuża bħala evidenza dment li tintuża biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq persuni fiżiċi biss jekk:
|
(a) |
il-liġi applikabbli għall-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun kisbet l-informazzjoni inizjalment tipprevedi sanzjonijiet ta’ natura simili fir-rigward ta’ ksur tal-liġijiet tal-kompetizzjoni, jew, fin-nuqqas ta’ sanzjonijiet bħal dawn, |
|
(b) |
l-informazzjoni kkonċernata tkun inkisbet inizjalement b’mod li jirrispetta l-istess livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuni fiżiċi bħal dak previst skont ir-regoli tal-awtorità riċeventi, dment li l-informazzjoni kkonċernata ma tintużax mill-awtorità riċeventi biex timponi sanzjonijiet ta’ kustodja. |
5. L-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti tista’ tispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-informazzjoni trażmessa. L-awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi ma għandhiex tuża tali informazzjoni b’mod li jmur kontra dawn it-termini u l-kundizzjonijiet mingħajr il-kunsens espliċitu bil-miktub minn qabel tal-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
1. L-awtorità tal-kompetizzjoni għandha żżomm il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni mhux pubblika li tiġi kondiviża skont dan il-Ftehim, inkluż, sakemm l-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti ma taqbilx mod ieħor, l-eżistenza ta’ talba għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni.
2. Jekk id-divulgazzjoni tintalab jew tkun meħtieġa skont il-liġi domestika applikabbli għal awtorità tal-kompetizzjoni li tirċievi informazzjoni trażmessa skont dan il-Ftehim, dik l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha tinforma minnufih lill-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti u, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ din tal-aħħar, tieħu miżuri biex tirrestrinġi kwalunkwe divulgazzjoni ta’ informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim għal dak li huwa meħtieġ biex tikkonforma mal-liġi domestika applikabbli, biex tiżgura li l-kunfidenzjalità tibqa’ protetta sa fejn ikun possibbli skont dik il-liġi domestika.
3. Xejn f’dan l-Artikolu ma jipprevjeni d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni jekk dik l-informazzjoni tkun diġà ġiet divulgata lill-pubbliku f’ċirkostanzi li ma jmorrux kontra dan il-Ftehim.
Artikolu 9
Użu jew divulgazzjoni aċċidentali
Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni li tirċievi informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim issir taf li dik l-informazzjoni tkun intużat jew ġiet divulgata aċċidentalment b’mod li jikser dan il-Ftehim, hija għandha tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti minnufih. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni involuti fil-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni għandhom jikkonsultaw minnufih dwar passi xierqa biex jimminimizzaw kwalunkwe ħsara li tirriżulta minn tali użu jew divulgazzjoni, filwaqt li jqisu r-riskju speċifiku għall-impriżi jew għall-persuni fiżiċi kkonċernati u n-natura ta’ dak ir-riskju.
Artikolu 10
Djalogu dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-funzjonament tal-Ftehim
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq jistgħu jidħlu fi djalogu ma’ xulxin biex jiddiskutu kwistjonijiet tekniċi relatati mal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ testendi kwalunkwe djalogu bħal dan għal waħda jew aktar mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni elenkati fl-Anness.
Artikolu 11
Rieżami
Mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom jibdew rieżami konġunt tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bl-għan li jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni ta’ bejniethom fl-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni tagħhom.
Artikolu 12
Liġi eżistenti
L-ebda parti minn dan il-Ftehim ma għandha tirrikjedi bidla fil-liġi domestika eżistenti, jew tirrikjedi li awtorità tal-kompetizzjoni tieħu kwalunkwe azzjoni li tkun inkonsistenti mal-liġi domestika eżistenti, jew tipprevjeni awtorità tal-kompetizzjoni milli tieħu kwalunkwe azzjoni stipulata fil-liġi domestika eżistenti.
Artikolu 13
Komunikazzjonijiet skont dan il-Ftehim
1. Il-komunikazzjonijiet skont dan il-Ftehim jistgħu jsiru b’mezzi sempliċi, bħall-posta elettronika, sakemm l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati ma jaqblux mod ieħor wara li jikkunsidraw, b’mod partikolari, il-possibbiltà li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni jkun hemm bżonn li ssir permezz ta’ mezzi aktar siguri.
2. Kwalunkwe talba għal rieżami skont l-Artikolu 11 għandha ssir bil-miktub permezz tal-mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 14
Dispożizzjonijiet finali
1. Kull Parti għandha tapprova dan il-Ftehim f’konformità mal-proċeduri tagħha stess. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra meta ttemm il-proċeduri rispettivi.
2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun saret l-aħħar notifika prevista fil-paragrafu 1.
3. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sa 60 jum wara d-data li fiha waħda mill-Partijiet tkun innotifikat lill-Parti l-oħra bil-miktub li tixtieq li ttemm dan il-Ftehim.
4. Dan il-Ftehim mhuwiex soġġett għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Titolu I tas-Sitt Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
5. Skont l-Artikolu 779 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, dan il-Ftehim għandu jintemm mat-tmiem tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
6. Wara t-terminazzjoni, l-informazzjoni kollha kondiviża skont dan il-Ftehim għandha tibqa’ protetta f’konformità mal-protezzjoni u s-salvagwardji stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9.
Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana u Ungeriża, b’kull test ugwalment awtentiku.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.
ANNESS
|
L-Istati Membri tal-Unjoni |
L-Awtorità |
|
Il-Belġju |
L-Awtorità Belġjana għall-Kompetizzjoni Belgische Mededingingsautoriteit/Autorité belge de la Concurrence |
|
Il-Bulgarija |
Il-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni Комисия за защита на конкуренцията |
|
Iċ-Ċekja |
L-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni Úřad pro ochranu hospodářské soutěže |
|
Id-Danimarka |
L-Awtorità Daniża għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur Konkurrence- og Forbrugerstyrelsen |
|
Il-Ġermanja |
L-Awtorità Ġermaniża għall-Kompetizzjoni Bundeskartellamt |
|
L-Estonja |
L-Awtorità Estonjana għall-Kompetizzjoni Konkurentsiamet |
|
L-Irlanda |
Il-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Coimisiún um Iomaíocht agus Cosaint Tomhaltóiri |
|
Il-Greċja |
Il-Kummissjoni Ellenika għall-Kompetizzjoni Επιτροπή Ανταγωνισμού |
|
Spanja |
Il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq u l-Kompetizzjoni Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia |
|
Franza |
L-Awtorità Franċiża għall-Kompetizzjoni Autorité de la Concurrence |
|
Il-Kroazja |
L-Aġenzija Kroata għall-Kompetizzjoni Agencija za zašto tržišnog natjecanja |
|
L-Italja |
L-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato |
|
Ċipru |
Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni Επιτροπή Προστασίας του Ανταγωνισμού |
|
Il-Latvja |
Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Konkurences padome |
|
Il-Litwanja |
Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba |
|
Il-Lussemburgu |
L-Awtorità tal-Lussemburgu għall-Kompetizzjoni Autorité de la Concurrence |
|
L-Ungerija |
L-Awtorità Ungeriża għall-Kompetizzjoni Gazdasági Versenyhivatal |
|
Malta |
Malta Competition and Consumer Affairs Authority L-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijet tal-Konsumatur |
|
In-Netherlands |
L-Awtorità għall-Konsumaturi u s-Swieq Autoriteit Consument en Markt |
|
L-Awstrija |
L-Awtorità Awstrijaka għall-Kompetizzjoni Bundeswettbewerbsbehörde |
|
Il-Polonja |
L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Urzad Ochrony Konkurencji i Konsumentów |
|
Il-Portugall |
L-Awtorità Portugiża għall-Kompetizzjoni Autoridade da Concorrência |
|
Ir-Rumanija |
Il-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni Consiliul Concurenţei |
|
Is-Slovenja |
L-Aġenzija Slovena għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni Javna Agencija Republike Slovenije za Varstvo Konkurence |
|
Is-Slovakkja |
L-Uffiċċju Kontra l-Monopolju tar-Repubblika Slovakka Protimonopolný úrad Slovenskej republiky |
|
Il-Finlandja |
L-Awtorità Finlandiża għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur Kilpailu- ja kuluttajavirasto |
|
L-Iżvezja |
L-Awtorità Żvediża għall-Kompetizzjoni Konkurrensverket |
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/2305/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)