Brussell, 14.10.2021

COM(2021) 632 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni fl-2020 skont ir-Regolament dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra


1.Introduzzjoni

L-objettiv tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra ( 1 ) (ir-Regolament) huwa li jipprevjeni l-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra f’pajjiżi barra mill-UE, min-naħa l-oħra, f’pajjiżi barra l-UE. Jiddistingwi bejn:

-oġġetti li huma abbużivi b’mod inerenti u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati għalkollox (l-Anness II); u

-oġġetti li jista’ jkollhom użi leġittimi, bħal tagħmir tal-infurzar tal-liġi (l-Anness III) u oġġetti għal użu terapewtiku (l-Anness IV).

Il-kummerċ tal-oġġetti elenkati fl-Annessi III u IV huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet.

L-Artikolu 26(3) tar-Regolament jiddikjara li l-Istati Membri jridu jfasslu rapport annwali pubbliku tal-attività. Ir-rapport irid jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet riċevuti, l-oġġetti u l-pajjiżi kkonċernati, u d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-applikazzjonijiet. L-Artikolu 26(4) jiddikjara li l-Kummissjoni trid tfassal rapport annwali magħmul mir-rapporti annwali tal-attività ppubblikati mill-Istati Membri. Trid tagħmel ir-rapport disponibbli pubblikament.

Dan ir-rapport tal-Kummissjoni jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Istati Membri rigward l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti fl-2020( 2 ) li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għall-piena kapitali.

L-Istati Membri kollha rrapportaw dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni li ngħataw u li ġew irrifjutati skont l-Artikoli 11(1) u 16(1) u dwar l-oġġetti u l-pajjiżi ta’ destinazzjoni inkwistjoni. F’xi każijiet, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar l-għadd jew il-kwantitajiet ta’ oġġetti awtorizzati għall-esportazzjoni u l-kategorija tal-utent aħħari li lilu jkunu ġew fornuti l-oġġetti.

Awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2019/125

L-Artikoli 11(1) u 16(1) tar-Regolament jeħtieġu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet( 3 ) ta’ oġġetti elenkati fl-Anness III u fl-Anness IV, rispettivament.

L-Anness III jelenka ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-fini ta’ tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. L-oġġetti fl-Anness III jaqgħu taħt l-intestaturi li ġejjin: oġġetti maħsuba għat-trażżin tal-bnedmin; armi u apparat maħsuba għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni; u armi u tagħmir għat-tferrix ta’ sustanzi kimiċi inkapaċitanti jew irritanti għall-fini ta’ kontroll tal-irvellijiet jew ta’ awtoprotezzjoni, u ċerti sustanzi relatati.

L-Anness IV jelenka ċerti sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw f’injezzjonijiet letali.

Minbarra meta l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni (GEA - general export authorisation) tal-Unjoni stabbilita fl-Anness V tintuża għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti elenkati fl-Anness IV, l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għandha tinkiseb mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, kif elenkat fl-Anness I tar-Regolament.

L-esportazzjonijiet lejn destinazzjonijiet elenkati fil-GEA tal-Unjoni normalment jistgħu jsiru mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni individwali jew globali mogħtija minn Stat Membru. L-approċċ sa issa kien li jiġi inkluż pajjiż mhux tal-UE fl-Anness V jekk ikun irratifika ftehim internazzjonali rilevanti b’impenn li jabolixxi l-piena kapitali għar-reati kollha. Għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa, dan ifisser li l-pajjiż inkwistjoni jrid ikun irratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) mingħajr riżerva.

Madankollu, jekk ikun hemm suspett raġonevoli dwar l-abbiltà tal-esportatur li jikkonforma mat-termini tal-awtorizzazzjoni jew mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi lill-esportatur milli juża l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni.

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2019/125 jiddikjara li awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni mogħtija minn Stat Membru tista’ tkun awtorizzazzjoni individwali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż mhux tal-UE) jew awtorizzazzjoni globali (awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew distributur speċifikat wieħed jew aktar f’pajjiż mhux tal-UE speċifikat wieħed jew aktar) ( 4 ).

L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu, rispettivament, tal-oġġetti elenkati fl-Anness II. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw esklużivament għal wiri pubbliku f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom.

2.Awtorizzazzjonijiet mogħtija u rrifjutati

Fl-2020, l-għadd totali ta’ awtorizzazzjonijiet irrapportati ammontaw għal 247, bi 11-il Stat Membru jirrapportaw li kienu taw awtorizzazzjonijiet. L-Istati Membri li fadal informaw lill-Kummissjoni li ma kienu rċevew l-ebda applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament.

Billi d-definizzjonijiet ta’ “awtorizzazzjoni individwali” u ta’ “awtorizzazzjoni globali” fl-Artikolu 2 tar-Regolament ma jinkludux komponent kwantitattiv, indikazzjoni tal-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija ma tagħtix indikazzjoni tal-għadd jew tal-kwantità ta’ oġġetti kkonċernati minn dawn l-awtorizzazzjonijiet. L-informazzjoni li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni tipikament lanqas ma tagħmel distinzjoni bejn awtorizzazzjonijiet individwali u awtorizzazzjonijiet globali.

Ir-Regolament jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw jekk awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tagħtix indikazzjoni li, jekk jiġu esportati, l-oġġetti inkwistjoni jistgħux jintużaw għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (l-Anness III) jew għall-piena kapitali (l-Anness IV). Għalhekk, l-Artikolu 20(8) tar-Regolament jiddikjara li jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tirċievi “l-informazzjoni kompluta b’mod partikolari dwar l-utent aħħari, il-pajjiż ta’ destinazzjoni u l-użu aħħari tal-oġġetti”.

L-Istati Membri rrapportaw li kienu rrifjutaw 23 applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni fl-2020. Il-każijiet irrapportati ta’ rifjut kienu jikkonċernaw ċerti tranżazzjonijiet intenzjonati ma’ klijenti fl-Alġerija, Andorra, il-Brażil, il-Kamerun, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, Hong Kong, l-Iraq, il-Malasja, il-Filippini, l-Arabja Sawdija, it-Tajlandja, l-Uganda, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam. It-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati kienu jikkonċernaw primarjament oġġetti elenkati fl-Anness III bil-kodiċi 3.1( 5 )). Uħud kienu jikkonċernaw oġġetti elenkati fl-Anness III bil-kodiċijiet 1.1( 6 )) (l-Arabja Sawdija), 2.1( 7 )) (l-Alġerija), 3.4( 8 )) (Hong Kong, it-Tajlandja) u 3.6( 9 ) ) (l-Iraq). L-esportazzjoni maħsuba lejn il-Malasja kienet tikkonċerna oġġetti elenkati fl-Anness IV bil-kodiċi 1.1(d) (melħ tas-sodju tal-pentobarbital). Esportazzjoni maħsuba oħra lejn Hong Kong kienet tikkonċerna oġġetti elenkati fl-Anness IV bil-kodiċi 1.1 (Aġenti anestetiċi barbiturati oħra li jaġixxu fuq perjodu qasir u intermedju).

L-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament jipprojbixxu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu, rispettivament, tal-oġġetti elenkati fl-Anness II. Ir-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jagħtu deroga mill-projbizzjoni, iżda biss jekk jintwera li l-oġġetti kkonċernati se jintużaw esklużivament għal wiri pubbliku f’mużew (f’pajjiż mhux tal-UE jew, f’konformità mal-Artikolu 4, fi Stat Membru) fid-dawl tas-sinifikat storiku tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti rrapportaw li huma ma tawx tali derogi fl-2020.

L-Anness 1 ta’ dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fl-2020, skont il-kategorija ta’ oġġetti (l-Annessi III u IV tar-Regolament). L-esportazzjonijiet skont l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (l-Anness V) mhumiex inklużi fl-informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija.

L-Anness 2 jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet u rifjuti għall-esportazzjoni rrapportati skont il-kategorija ta’ oġġetti (l-Annessi III u IV).

L-Anness 3 jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet awtorizzati u rrifjutati matul il-perjodu 2017-2020.

L-Anness 3 jipprovdi informazzjoni dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni rrapportati li ġew maħruġa mill-Istati Membri.

L-Anness 5 jipprovdi informazzjoni dwar id-destinazzjonijiet irrapportati ewlenin ta’ esportazzjonijiet awtorizzati.

L-Anness 6 jiġbor fil-qosor l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni dwar l-użu aħħari rrapportat ta’ esportazzjonijiet awtorizzati fl-2020.

L-Annessi 7 u 8 jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-oġġetti awtorizzati għall-esportazzjoni, id-destinazzjonijiet tagħhom u l-użu aħħari rrapportat tagħhom.

(1)

()    ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1.

(2)

()    Dan ir-rapport ma jipprovdix informazzjoni dwar l-użu mill-esportaturi tal-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni, skont l-Anness V tar-Regolament, għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti elenkati fl-Anness IV.

(3)

()    L-Artikolu 2(d) tar-Regolament jiddefinixxi “esportazzjoni” bħala “kwalunkwe ħruġ ta’ oġġetti mit-territorju doganali tal-Unjoni, inkluż il-ħruġ ta’ oġġetti li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali u l-ħruġ ta’ oġġetti wara li jkunu ġew maħżuna f’żona ħielsa fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”.

(4)

()    L-Artikolu 2(p) jiddefinixxi għalkollox “awtorizzazzjoni individwali”. L-Artikolu 2(q) jiddefinixxi għalkollox “awtorizzazzjoni globali”.

(5)

()    Oġġetti elenkati fl-Anness III bil-kodiċi 3.1: armi u tagħmir li jistgħu jinġarru li jamministraw jew iferrxu doża ta’ sustanza kimika inkapaċitanti jew irritanti.

(6)

()    Oġġetti elenkati fl-Anness III bil-kodiċi 1.1: Qajd u ktajjen tal-gruppi (ħlief manetti ordinarji).

(7)

()    Oġġetti elenkati fl-Anness III bil-kodiċi 2.1: Lenbubi tax-xokkijiet elettriċi.

(8)

()    Oġġetti elenkati fl-Anness III bil-kodiċi 3.4: Taħlitiet li fihom mill-inqas 0,3 % bil-piż ta’ PAVA jew OC u solvent (pepper spray).

(9)

()    Oġġetti elenkati fl-Anness III bil-kodiċi 3.6: apparat fiss jew li jiġi mmuntat għat-tifrix ta’ aġenti kimiċi inkapaċitanti jew irritanti li jkopri firxa wiesgħa.