9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/53


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/899

tat-8 ta’ Ġunju 2022

dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Indoneżja mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali taħt is-superviżjoni tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tal-Indoneżja (Otoritas Jasa Keuangan)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data (1) dwar it-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta’ kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f’pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f’pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta’ kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta’ rikonoxximent u d-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza previsti fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta’ CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f’pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta’ pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta’ CCPs, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta’ tali valutazzjoni tal-ekwivalenza huwa għalhekk li jiġi vverifikat jekk l-arranġamenti legali u superviżorji tal-pajjiż terz ikkonċernat jiżgurawx li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih mis-CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni. Ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f’attivitajiet ta’ kklirjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari.

(3)

Il-valutazzjoni ta’ jekk l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indoneżja humiex ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ibbażata mhux biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs fl-Indoneżja taħt is-superviżjoni tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tal-Indoneżja (Otoritas Jasa Keuangan (“OJK”)), iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-adegwatezza ta’ dawk ir-rekwiżiti biex ittaffi r-riskji li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom, filwaqt li tqis id-daqs tas-suq finanzjarju li fih joperaw is-CCPs fl-Indoneżja. Sabiex jinkiseb eżitu ekwivalenti ta’ mitigazzjoni tar-riskju, rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti huma neċessarji għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta’ riskju inerenti ogħla, minn dawk ta’ CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta’ riskju inerenti iktar baxx.

(4)

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji għas-CCPs taħt is-superviżjoni ta’ OJK u mhux l-arranġamenti legali u superviżorji għas-CCPs li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar fis-suq tal-komoditajiet u li huma rregolati u ssorveljati mill-Aġenzija Regolatorja tan-Negozjar tal-Futuri tal-Komodità (Badan Pengawas Perdagangan Berjangka Komoditi (Bappebti)) taħt il-Ministeru tal-Kummerċ tar-Repubblika tal-Indoneżja (Kementerian Perdagangan Republik Indonesia) jew CCPs operati u ssorveljati mill-Bank Indoneżjan.

(5)

L-Artikolu 25(6), il-punti (a), (b), (c), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet biex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(6)

Skont l-Artikolu 25(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 is-CCPs awtorizzati f’pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV ta dak ir-Regolament.

(7)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Indoneżja taħt is-superviżjoni ta’ OJK huma stabbiliti fil-Liġi tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 8 tas-Sena 1995 dwar is-Suq Kapitali (“Liġi dwar is-Suq Kapitali”) (Undang-Undang Republik Indonesia Nomor 8 Tahun 1995 tentang Pasar Modal) (2), ir-Regolament OJK Nru 3/POJK.04/2021 dwar l-Organizzazzjoni tal-Attivitajiet fis-Suq Kapitali (Peraturan OJK Nomor 3/POJK.04/2021 tentang Penyelonggaraan Kegiatan di Bidang Pasar Modal) (3) u r-Regolament OJK Numru 22/POJK.04/2019 dwar it-Tranżazzjoni tat-Titoli (Peraturan OJK Nomor 3/POJK.04/2019 tentang Transaksi Efek) (4) (minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament bħala r-‘regoli primarji’). Ir-Regolament OJK Numru 22/POJK.04/2019 jimplimenta b’mod sħiħ l-istandards internazzjonali stabbiliti skont il-Prinċipji għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju (“PFMIs”) maħruġa f’April 2012 mill-Kumitat dwar il-Pagamenti u l-Infrastruttura u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (5).

(8)

Is-CCPs għandhom ikunu awtorizzati minn OJK. Sabiex ikunu awtorizzati jipprovdu servizzi tal-ikklerjar, is-CCPs iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli primarji. Tali rekwiżiti huma ssupplimentati minn regoli u proċeduri interni tas-CCP li jiżguraw konformità mal-istandards rilevanti kollha tal-PFMIs.

(9)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Indoneżja huma sorveljati minn OJK għalhekk jikkonsistu fi struttura fuq żewġ saffi. L-ewwel livell jikkonsisti fir-regoli primarji li jistabbilixxu l-obbligi ewlenin, li s-CCPs iridu jikkonformaw magħhom biex ikunu awtorizzati jipprovdu servizzi tal-ikklerjar fl-Indoneżja. It-tieni livell jikkonsisti fir-regoli u l-proċeduri interni tas-CCP, li jridu jiġu adottati bħala Regolamenti tas-CCP bħala organizzazzjoni awtoregolatorja.

(10)

Is-suq finanzjarju Indoneżjan huwa ferm iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-CCPs awtorizzati fl-Indoneżja tesponi lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f’CCPs awtorizzati fl-Unjoni. Ir-regoli primarji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Indoneżja, ikkumplimentati mir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom, li jirrikjedu konformità mal-PFMIs, jimmitigaw b’mod adegwat il-livell aktar baxx ta’ riskju li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalih u għalhekk jistgħu jitqiesu li jiksbu eżitu ta’ mitigazzjoni tar-riskju ekwivalenti għal dak segwit mir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(11)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indoneżja jiżguraw li s-CCPs awtorizzati fl-Indoneżja jikkonformaw ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(12)

L-Artikolu 25(6), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jeħtieġ li l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward ta’ CCPs stabbiliti f’pajjiż terz iridu jipprevedu wkoll superviżjoni u infurzar effettivi tas-CCPs fuq bażi kontinwa.

(13)

OJK, bħala s-superviżur tas-CCPs, timmonitorja s-CCPs fl-Indoneżja biex tiżgura l-konformità mar-regoli primarji u mar-regoli u l-proċeduri interni tas-CCPs fuq bażi kontinwa. Is-superviżjoni ta’ kuljum titwettaq minn OJK fuq bażi regolari skont il-Liġi tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 21 tas-Sena 2011 dwar l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji (“il-Liġi OJK”) (Undang-Undang Republik Indonsia Nomor 21 Tahun 2011 tentang Otoritas Jasa Keuangan) (6) għall-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-prijoritizzazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji. OJK tista’ jwettaq investigazzjonijiet dwar ksur suspettat kif imsemmi fil-Kapitolu XI tal-Liġi OJK. OJK għandha s-setgħat komprensivi biex tiżgura l-konformità u tista’ tirtira l-liċenzja tan-negozju u l-approvazzjoni ta’ regoli u proċeduri interni, toħroġ kundizzjonijiet, rekwiżiti jew direzzjonijiet, u timponi sanzjonijiet fuq is-CCPs.

(14)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward ta’ CCPs awtorizzati fl-Indoneżja jipprovdu għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(15)

Skont l-Artikolu 25(6), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-qafas legali ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ CCPs awtorizzati taħt reġimi legali ta’ pajjiżi terzi (‘CCPs ta’ pajjiżi terzi’).

(16)

CCPs ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ joffru servizzi ta’ kklerjar ċentrali fl-Indoneżja għandhom japplikaw mal-OJK għal liċenzja tan-negozju bħala CCP skont l-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar is-Suq Kapitali. Għalhekk, CCPs mhux Indoneżjani u Indoneżjani jistgħu jipprovdu servizzi ta’ kklerjar fis-suq kapitali Indoneżjan fuq bażi mhux diskriminatorja. Iridu jikkonformaw mal-istess rekwiżiti bħas-CCPs Indoneżjani, inkluża l-konformità mal-PFMIs. Il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn OJK u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi responsabbli għas-superviżjoni tas-CCP mhux Indoneżjana hija prevista fl-Artikoli 47 u 48 tal-Liġi OJK.

(17)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indoneżja jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiż terz.

(18)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs taħt is-superviżjoni ta’ OJK jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Konsegwentement, dawk l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(19)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs taħt is-superviżjoni ta’ OJK fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha. Il-Kummissjoni, fost l-oħrajn fuq informazzjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif meħtieġ mill-Artikolu 25(6b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, se tkompli timmonitorja fuq bażi regolari l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għas-CCPs fl-Indoneżja u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(20)

Abbażi tas-sejbiet li jirriżultaw minn rieżami regolari jew speċifiku, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li temenda, jew tħassar din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin, b’mod partikolari meta l-iżviluppi jaffettwaw il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

(21)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji li ġejjin tal-Indoneżja applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali taħt is-superviżjoni tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tal-Indoneżja (Otoritas Jasa Keuangan) għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012:

(a)

Il-liġi tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 8 tas-Sena 1995 dwar is-Suq Kapitali;

(b)

Il-liġi tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 21 tas-Sena 2011 li tikkonċerna l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji;

(c)

Ir-Regolament OJK Nru 22/POJK.04/2019 dwar it-Tranżazzjoni tat-Titoli;

(d)

Ir-Regolament OJK Nru 3/POJK.04/2021 dwar l-Organizzazzjoni ta’ Attivitajiet fis-Suq Kapitali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Il-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja tas-Sena 1995 Numru 64, Suppliment għall-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 3608.

(3)  Il-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja tas-Sena 2021 Numru 71, Suppliment għall-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 6663.

(4)  Il-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja tas-Sena 2019 Numru 168, Suppliment għall-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 6387.

(5)  Il-Kumitat dwar il-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-Suq, Dokument Nru 101 tas-16 ta’ April 2012.

(6)  Il-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja tas-Sena 2011 Numru 111, Suppliment għall-Gazzetta tal-Istat tar-Repubblika tal-Indoneżja Numru 5253.