2.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1295

tal-1 ta' Awwissu 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1469 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukrajna wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 954/2006 (2), il-Kunsill, konsegwentement għal investigazzjoni (“l-investigazzjoni oriġinali”) impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, ir-Russja u l-Ukraina. Il-miżuri kienu jikkonsistu f'dazju anti-dumping ad valorem li jvarja minn 12,3 % sa 25,7 % impost fuq l-importazzjonijiet mingħand produtturi esportaturi msemmija individwalment, b'rata ta' dazju residwa ta' 25,7 % fuq l-importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji l-oħrajn kollha fl-Ukraina. Id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq il-produttur esportatur soġġett għall-investigazzjoni attwali ta' rieżami, CJSC Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, li issa għandu l-isem LLC Interpipe Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (“l-applikant” jew “Interpipe”), kien ta' 25,1 %.

(2)

Wara li Interpipe ressqet applikazzjoni għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 sa fejn id-dazju anti-dumping iffissat għal Interpipe qabeż dak li kien ikun applikabbli kieku l-prezz tal-esportazzjoni ma ġiex aġġustat għal kummissjoni meta sar il-bejgħ permezz tal-intermedjarju tal-kummerċjant affiljat, Sepco SA (3). Fis-16 ta' Frar 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (4).

(3)

Konsegwentement għal dawn is-sentenzi, il-Kunsill emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2012 (5) biex jikkoreġi d-dazju anti-dumping impost fuq Interpipe safejn kien ġie stabbilit b'mod żbaljat. B'konsegwenza ta' dan, id-dazju applikabbli għal Interpipe kien emendat għal 17,7 %.

(4)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 585/2012 (6) il-Kunsill, konsegwentement għal rieżami tal-iskadenza, żamm il-miżuri imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 fuq l-importazzjonijiet ta' pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina.

(5)

Wara applikazzjoni minn Interpipe skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 795/2012 (7) emenda l-miżuri definittivi imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 585/2012 sa fejn hija kkonċernata Interpipe (“l-aħħar rieżami interim”). B'konsegwenza ta' dan, id-dazju applikabbli għal Interpipe kien emendat għal 13,8 %.

(6)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1469 (8) il-Kummissjoni, konsegwentement għal rieżami tal-iskadenza, żammet il-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 585/2012 kif l-aħħar emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 795/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1269/2012 (9) fuq l-importazzjonijiet ta' pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina (“l-investigazzjoni tar-rieżami tal-iskadenza”).

(7)

Id-dazji anti-dumping fis-seħħ bħalissa jvarjaw minn 35,8 % sa 24,1 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja, u minn 25,7 % sa 12,3 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ukraina.

1.2.   Talba għal rieżami interim parzjali

(8)

Fis-7 ta' Mejju 2018, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta' rieżami interim parzjali (“Notifika ta' bidu”) (10) tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Ukraina skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(9)

Ir-rieżami, li huwa limitat fl-ambitu tiegħu għall-eżami tad-dumping tal-produttur esportatur Interpipe, inbeda fuq talba sostanzjata ppreżentata mill-kumpanija. Fit-talba, Interpipe ipprovdiet biżżejjed evidenza li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri antidumping inbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema.

1.3.   Investigazzjoni

(10)

L-investigazzjoni tal-livell ta' dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2017 sal-31 ta' Marzu 2018 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami”).

(11)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni bil-bidu tar-rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta' bidu.

(12)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant, li wieġeb sal-iskadenza stabbilita.

(13)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qisitha meħtieġa sabiex jinstab il-livell tad-dumping. Saru żjarat ta' verifika fl-istabbiliment tal-applikant u fil-kumpaniji kummerċjali relatati tiegħu LLC Interpipe Ukraine, Interpipe Europe SA u Interpipe Central Trade GmbH.

2.   IL-PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott taħt rieżami

(14)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1469 tal-1 ta' Ottubru 2018 li impona l-miżuri fis-seħħ bħalissa, jiġifieri pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar (seamless pipes and tubes, SPT), b'sezzjoni trażversali tonda, ta' dijametru estern li ma jaqbiżx l-406,4 mm b'Valur Ekwivalenti tal-Karbonju (carbon equivalent value, CEV) li ma jaqbiżx iż-0,86 skont il-formula tal-Istitut Internazzjonali tal-Welding (International Institute of Welding, IIW) u analiżi kimika (11), li joriġinaw fost l-oħrajn fl-Ukraina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 7304 11 00, ex 7304 19 10, ex 7304 19 30, ex 7304 22 00, ex 7304 23 00, ex 7304 24 00, ex 7304 29 10, ex 7304 29 30, ex 7304 31 80, ex 7304 39 58, ex 7304 39 92, ex 7304 39 93, ex 7304 51 89, ex 7304 59 92 u ex 7304 59 93 (“il-prodott taħt rieżami”).

2.2.   Il-prodott simili

(15)

Kif ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll fir-rieżamijiet sussegwenti, l-investigazzjoni attwali kkonfermat li l-prodott fabbrikat fl-Ukraina u esportat lejn l-UE, il-prodott fabbrikat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Ukraina u l-prodott fabbrikat u mibjugħ fl-Unjoni mill-produtturi tal-UE għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użi aħħarija. Dawn il-prodotti għalhekk jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA

(16)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi mibdula fir-rigward tad-dumping setgħux jitqiesu bħala ta' natura dejjiema.

(17)

Matul l-investigazzjoni antidumping oriġinali fl-2006, kif ukoll fl-investigazzjoni ta' rieżami interim l-aktar riċenti ta' Interpipe fl-2012, li tkopri l-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011, il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami, jiġifieri billetti tondi tal-azzar, ġiet akkwistata minn Interpipe mingħand fornituri indipendenti.

(18)

Fit-talba tiegħu għal rieżami interim parzjali, l-applikant iddikjara li l-integrazzjoni vertikali ta' LLC Metallurgical Plant “Dneprosteel” fl-2013 wasslet għall-produzzjoni interna tal-materja prima ewlenija (billetti tal-azzar) li wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż u bidla fil-portafoll tal-prodotti. L-applikant iddikjara wkoll li, meta mqabbel mat-tipi ta' prodotti fabbrikati u esportati matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami tal-aħħar investigazzjoni ta' rieżami interim, jiġifieri grad ta' azzar “standard”, issa żied prodotti ġodda u aktar sofistikati (gradi ta' “liga għolja”, “pajpijiet tal-linja u pajpijiet mekkaniċi”) mal-portafoll tal-prodotti tiegħu, li rrappreżenta sehem importanti mill-esportazzjonijiet totali lejn l-UE matul il-perjodu attwali ta' investigazzjoni tar-rieżami mill-1 ta' April 2017 sal-31 ta' Marzu 2018.

(19)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-materja prima ewlenija kienet prodotta internament mill-applikant u li din il-bidla rriżultat f'bidla sinifikanti fl-ispejjeż u fil-portafoll tal-prodotti. L-investigazzjoni kkonfermat li t-tipi ta' prodotti esportati minn Interpipe lejn l-UE kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom differenti minn dawk esportati matul il-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami tal-aħħar investigazzjoni ta' rieżami interim. Fuq din il-bażi u minħabba n-natura strutturali ta' dawn il-bidliet, ġie konkluż li l-bidliet deskritti fil-premessa (17) kienu ta' natura dejjiema u li x'aktarx ma jinbidlux fil-futur qrib. Konsegwentement, tqies li l-applikazzjoni tal-miżuri eżistenti fil-livell attwali tagħhom jenħtieġ li tiġi vvalutata mill-ġdid.

(20)

Bidla oħra ddikjarata mill-applikant wara l-bidu ta' dan ir-rieżami, jiġifieri l-eżistenza/it-twaqqif ta' impriża konġunta bejn Interpipe u Vallourec Tubes, ma ġietx ikkunsidrata peress li seħħet wara l-bidu tar-rieżami interim preżenti.

4.   ID-DUMPING

4.1.1.   L-istruttura tal-kumpanija u l-metodoloġija użata għall-kalkolu tad-dumping

(21)

Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, Interpipe kellha żewġ produtturi esportaturi li kienu kompletament proprjetà tagħha u kkontrollati minnha (“l-entitajiet tal-manifattura”), LLC Interpipe Niko Tube (“NIKO”) u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (“NTRP”).

(22)

Fl-investigazzjoni oriġinali, minħabba li s-sistema ta' kontabilità tal-applikant ma kinitx tippermetti l-identifikazzjoni tal-kumpanija ta' produzzjoni rilevanti fir-rigward tal-bejgħ, ġie kkalkulat marġni ta' dumping komuni billi ġiet aggregata d-data kollha relatata mal-produzzjoni, il-profittabbiltà u l-bejgħ fl-UE taż-żewġ entitajiet produtturi.

(23)

Mill-aħħar rieżami interim, wara bidla sinifikanti fl-istruttura korporattiva tal-grupp li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kumpanija tal-produzzjoni rilevanti fir-rigward tal-bejgħ u l-produzzjoni u skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni ma komplietx taggrega d-data għall-kumpaniji tal-produzzjoni, iżda użat il-metodoloġija standard. Din il-metodoloġija standard kienet tikkonsisti fil-kalkolu ta' marġni tad-dumping komuni wieħed għaż-żewġ produtturi esportaturi billi l-ewwel ikkalkulat l-ammont ta' dumping għal kull produttur esportatur individwali qabel ma stabbilixxiet rata medja ponderata waħda ta' dumping għaż-żewġ kumpaniji.

(24)

Fl-investigazzjoni attwali kien ukoll possibbli li tiġi identifikata l-kumpanija tal-produzzjoni rilevanti fir-rigward tal-bejgħ. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-regolament bażiku u f'konformità mal-prattika konsistenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ġiet applikata l-istess metodoloġija bħal fl-aħħar rieżami interim.

4.1.2.   Il-valur normali

(25)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali għal kull produttur esportatur tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum totali tiegħu tal-bejgħ f'esportazzjoni lejn l-UE, jiġifieri jekk il-volum totali ta' dan il-bejgħ kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ f'esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami lejn l-UE. L-eżami stabbilixxa li l-bejgħ domestiku kien rappreżentattiv għaż-żewġ produtturi esportaturi.

(26)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta' Interpipe fis-suq domestiku tagħha għat-tip ta' prodott li huwa identiku jew paragunabbli mat-tip ta' prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta' dak it-tip ta' prodott lil konsumaturi indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b'esportazzjoni tal-prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li l-bejgħ domestiku tat-tip ta' prodott identiku għat-tip ta' prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jew komparabbli miegħu kien fil-biċċa l-kbira tiegħu rappreżentattiv matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi minn 60 sa 80 % (12) tal-mudelli esportati nstabu li kienu nbiegħu fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku.

(27)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, sussegwentement kien eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta' kull tip ta' prodott mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi setax jitqies li sar fl-andament ordinarju tan-negozju. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta' bejgћ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip esportat tal-prodott taħt rieżami matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(28)

Għal dawk it-tipi ta' prodotti fejn aktar minn 80 %, bħala volum ta' bejgħ fis-suq domestiku tat-tip ta' prodott, kienu ogħla mill-kost u l-prezz medju ponderat tal-bejgħ ta' dak it-tip kien daqs il-prezz ta' unità tal-produzzjoni jew ogħla minnu, il-valur normali, skont it-tip ta' prodott, ġie kkalkulat bħala l-medja ponderata tal-prezzijiet domestiċi reali tal-bejgħ kollu tat-tip ta' prodott ikkonċernat, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ kienx bi profitt jew le.

(29)

Meta l-volum tal-bejgħ profitabbli ta' tip ta' prodott kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum tal-bejgħ totali ta' dak it-tip ta' prodott, jew fejn il-prezz medju ponderat ta' dak it-tip ta' prodott kien taħt il-kost unitarju tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-prezz medju ponderat tal-bejgħ domestiku profittabbli biss ta' dak it-tip ta' prodott magħmul matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(30)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li bejn 35 u 55 % (13) tal-bejgħ domestiku kollu tat-tip ta' prodott li kienu identiċi jew komparabbli mat-tip ta' prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienu profittabbli u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali ġie kkalkulat bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss.

(31)

Il-valur normali għat-tipi ta' prodotti mhux rappreżentattivi (jiġifieri dawk li l-bejgħ domestiku tagħhom kien inqas minn 5 % tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-UE jew li ma nbiegħu xejn fis-suq domestiku) ġie kkalkulat skont l-ispiża tal-manifattura ta' kull tip ta' prodott flimkien ma' ammont għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-profitti. Fil-każ ta' bejgħ domestiku eżistenti, intuża l-profitt tat-tranżazzjonijiet fl-andament ordinarju tal-kummerċ fis-suq domestiku skont it-tip ta' prodott għat-tipi ikkonċernati tal-prodott. Meta ma sar l-ebda bejgħ domestiku, intuża l-profitt medju (14).

(32)

Wara d-divulgazzjoni finali, Interpipe Group ikkontesta xi elementi użati mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-valur normali. Il-pretensjonijiet kienu relatati mal-kwistjonijiet li ġejjin: (i) kalkolu tal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi; (ii) l-allegata esklużjoni ta' kostijiet operatorji oħra; (ii) l-użu ta' spejjeż finanzjarji; (iv) għadd doppju fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi.

(33)

Wara li eżaminat l-elementi fil-fajl, il-Kummissjoni ddeċidiet li taċċetta l-pretensjonijiet (ii) u (iv) ta' hawn fuq u li tiċħad il-pretensjonijiet (i) u (iii) ta' hawn fuq. Minħabba n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kummerċjali li hemm fil-pretensjonijiet ta' Interpipe Group u l-analiżi tal-Kummissjoni ta' dawn l-argumenti, il-Kummissjoni pprovdiet lil Interpipe Group b'divulgazzjoni addizzjonali dwar id-data tal-adozzjoni ta' dan ir-regolament, li fiha raġunament dettaljat.

(34)

Wara li aċċettat il-pretensjonijiet (ii) u (iv), il-Kummissjoni rrevediet il-marġni tad-dumping ta' Interpipe. Il-kumpanija ġiet ipprovduta b'divulgazzjoni addizzjonali li tiddeskrivi l-impatt fuq il-marġni tad-dumping u ġiet mistiedna biex tikkummenta. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-UE bil-bidliet fil-marġini ta' dumping tal-kumpanija.

(35)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali, Interpipe sostniet il-pretensjonijiet li l-Kummissjoni kienet ċaħdet, mingħajr ma żiedet xi elementi ġodda li setgħu jibdlu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ddivulgati lill-kumpanija.

4.1.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(36)

Il-bejgħ tal-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat lejn l-UE involva diversi entitajiet fil-grupp Interpipe; jiġifieri, l-impjanti, kumpanija ta' koordinazzjoni bbażata fl-Ukraina (“Interpipe Ukraine” jew “IPU”), importatur relatat ibbażat fil-Ġermanja (“Interpipe Central Trade GmbH” jew “IPCT”) u negozjant affiljat ibbażat fl-Iżvizzera (“Interpipe Europe SA” jew “IPE”).

(37)

Il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, ħlief għal tranżazzjonijiet permezz tal-kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur, IPCT. F'dan il-każ, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa' nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-UE, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti tal-prezz għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid kif ukoll għal profitt raġonevoli. Dawn l-aġġustamenti ġew ikkalkulati abbażi tal-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi ta' IPE u profitt nozzjonali kif miksub minn importatur mhux relatat (2,5 % tal-fatturat).

4.1.4.   Tqabbil

(38)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni taż-żewġ produtturi esportaturi tqabblu fuq bażi ta' kif il-prodott joħroġ mill-fabbrika. Sabiex ikun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konsiderazzjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fuq din il-bażi, saru aġġustamenti fir-rigward tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, l-ispejjeż tat-tagħbija u anċillari, it-tariffi fuq l-importazzjoni, id-dazji doganali, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż tal-kreditu.

(39)

Matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, Interpipe esportat il-prodott li qed jiġi rieżaminat lejn l-UE permezz ta' żewġ kanali ta' bejgħ differenti; jiġifieri permezz tal-istess kummerċjant affiljat li jinsab fl-Iżvizzera bħal fl-aħħar rieżami interim (IPE) u permezz ta' kumpanija tal-importazzjoni relatata li tinsab fl-UE (“IPCT”), stabbilita fl-2014. Dan it-tieni kanal ta' distribuzzjoni ma kienx jeżisti fl-aħħar rieżami interim. Minħabba n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni tan-negozju inkluża fl-analiżi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni pprovdiet lil Interpipe Group b'divulgazzjoni addizzjonali dwar id-data tal-adozzjoni ta' dan ir-regolament, li kien fiha raġunament dettaljat.

(40)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku kien iġġustifikat. Dan l-aġġustament ġie kkalkulat billi tnaqqsu l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi tal-kummerċjant affiljat, li ma kinux irrapportati bħala kwoti, u profitt teoretiku kif miksub minn kummerċjant mhux relatat (2,5 % tal-fatturat) mill-prezz tal-bejgħ lill-ewwel klijent mhux relatat.

(41)

Wara d-divulgazzjoni finali, Interpipe Group ikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li ma tittrattax lil IPE bħala parti minn entità ekonomika waħda flimkien mal-entitajiet l-oħra NIKO, NTRP u IPU. Wara li rrevediet l-elementi fil-fajl, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiċħad din il-pretensjoni. Kif imsemmi fil-premessa (34), il-kumpanija ġiet ipprovduta b'divulgazzjoni addizzjonali li tiddeskrivi l-impatt fuq il-marġni tad-dumping u ġiet mistiedna biex tikkummenta. Fit-tweġiba tagħha Interpipe sostniet il-pretensjonijiet li kienet ċaħdet il-Kummissjoni. Ma wasal l-ebda kumment ieħor f'dan ir-rigward.

(42)

Minħabba n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni tan-negozju inkluża fil-pretensjoni ta' Interpipe Group u fl-analiżi tal-Kummissjoni ta' dawn l-argumenti, il-Kummissjoni pprovdiet lil Interpipe Group b'divulgazzjoni addizzjonali dwar id-data tal-adozzjoni ta' dan ir-regolament, li kien fiha raġunament dettaljat.

4.1.5.   Il-marġini tad-dumping

(43)

Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju ponderat tqabbel mal-prezz medju ponderat tal-esportazzjoni għal kull tip ta' prodott u skont kif joħroġ mill-fabbrika, separatament għal kull wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi. Ġie stabbilit marġni wieħed komuni tad-dumping għal Interpipe billi ġiet ikkalkulata rata medja ponderata waħda tad-dumping għaż-żewġ produtturi esportaturi f'Interpipe.

(44)

Abbażi ta' dan, il-marġni tad-dumping, espress bћala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta' 8,1 %.

(45)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali, l-ESTA sostniet li t-tnaqqis tal-marġni tad-dumping ta' Interpipe joħloq aktar ħsara għall-industrija tat-tubi tal-azzar mingħajr saldaturi fl-UE. Il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' dazju antidumping ma jistax jaqbeż il-marġni ta' dumping, li f'dan il-każ ġie stabbilit li hu ta' 8,1 %.

(46)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku ma tax l-opinjoni tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-entrata li tikkonċerna lil LLC Interpipe Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (Interpipe NTRP) fit-tabella tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 585/2012 għandha tkun sostitwita b'din li ġejja:

“LLC Interpipe Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky

Tube Rolling Plant (Interpipe NTRP)

8,1 %

A743”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 tas-27 ta' Ġunju 2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta' skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta' skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4).

(3)  Is-sentenza tal-10 ta' Marzu 2009 fil-kawża T-249/06, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs il-Kunsill, EU:T:2009:62.

(4)  Is-sentenza tas-16 ta' Frar 2012 fil-kawżi konġunti C-191/09 P u C-200/09 P, il-Kunsill u l-Kummissjoni v Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, EU:C:2012:78.

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 540/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina (ĠU L 165, 26.6.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 585/2012 tas-26 ta' Ġunju 2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina, wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment ta' reviżjoni ta' skadenza dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja (ĠU L 174, 4.7.2012, p. 5).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 795/2012 tat-28 ta' Awwissu 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 585/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina, wara reviżjoni interim parzjali taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 238, 4.9.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1469 tal-1 ta' Ottubru 2018 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukrajna wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 246, 2.10.2018, p. 20).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1269/2012 tal-21 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 585/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw, inter-alia, mir-Russja, wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 357, 28.12.2012, p. 1).

(10)   ĠU C 159, 7.5.2018, p. 18.

(11)  Is-CEV għandu jiġi determinat b'konformità mar-Rapport Tekniku, 1967, IIW doc. IX-555-67, ippubblikat mill-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW).

(12)  Iċ-ċifra eżatta mhijiex ipprovduta billi din hija d-data speċifika għall-kumpanija.

(13)  Iċ-ċifra eżatta mhijiex ipprovduta billi din hija d-data speċifika għall-kumpanija.

(14)  Din il-bidla fil-metodoloġija hija dovuta għall-fatt li wara l-investigazzjoni oriġinali, Bord tad-WTO ħareġ, u l-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO adotta, ir-rapport fil-każ Il-Komunitajiet Ewropej - Miżura Anti-dumping fuq is-Salamun Imrobbi min-Norveġja, li jipprovdi li ma jistax jiġi injorat il-marġni tal-profitt reali stabbilit għat-tranżazzjonijiet fl-andament ordinarju tan-negozju tat-tipi rilevanti ta' prodott li għalihom irid jiġi dedott il-valur normali. Ara WT/DS337/R tas-16 ta' Novembru 2007 – adottat mill-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim fil-15 ta' Jannar 2008, il-paragrafi 7.289 sa 7.319.