IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.2.2024
COM(2024) 46 final
ANNESS
tal-
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet
(EDIRPA)
ANNESS
ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru […]
ta’ […]
li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,
Billi:
(1)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA).
(2)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 2023/2418 tibda mis-27 ta’ Ottubru 2023, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2023.
(3)Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kostijiet imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara s-27 ta’ Ottubru 2023, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-kostijiet imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata. Il-klawżola dwar azzjonijiet eliġibbli b’mod retroattiv fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2023/2418 tapplika wkoll.
(4)Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.
(5)Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mis-27 ta’ Ottubru 2023,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-paragrafu segwenti jiżdied wara l-paragrafu 14 tal-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:
“15.
32023 R 2418: Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023).
L-Istati tal-EFTA għandhom, mis-27 ta’ Ottubru 2023, jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linji baġitarji li ġejjin tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea:
- Linja baġitarja 13 01 04: “Nefqa ta’ appoġġ għall-Istrument tad-Difiża fuq Medda Qasira dwar akkwist komuni”.
- Linja baġitarja 13 06 01: “Strument tad-Difiża fuq Medda Qasira dwar akkwist komuni”.
Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara s-27 ta’ Ottubru 2023 jew, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2023/2418 jiġu ssodisfati, wara l-24 ta’ Frar 2022, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew fid-deċiżjonijiet tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.
L-Iżlanda u l-Liechtenstein għandhom jiġu eżentati mill-parteċipazzjoni fl-Istrument u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Għandha tapplika mis-27 ta’ Ottubru 2023.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Is-Segretarji
tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA
għad-deċiżjoni Nru [din id-Deċiżjoni] li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għall-estensjoni tal-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-Istrument skont ir-Regolament (UE) 2023/2418.
B’din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-Istrument stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/2418. L-Istati tal-EFTA jaħsbu li kwistjonijiet ta’ difiża jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, u għalhekk li l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE biex tinkludi kwistjonijiet ta’ difiża lil hinn mill-parteċipazzjoni fl-Istrument stabbilit bl-att imsemmi hawn fuq. L-Istati tal-EFTA jenfasizzaw ukoll li l-Iżlanda u l-Liechtenstein ma għandhomx jipparteċipaw fl-Istrument stabbilit mill-atti msemmija qabel u ma għandhomx jikkontribwixxu finanzjarjament għalih.