|
8.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 190/1 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-8 ta’ Mejju 2020
dwar proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa COVID-19
(CON/2020/14)
(2020/C 190/01)
Introduzzjoni u bażi legali
Fit-2 ta’ April 2020, il-Kunsill Ewropew adotta proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa COVID-19 (minn hawn ’il quddiem ‘ir-regolament propost’) (1)
Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 127(4), it-tieni paragrafu, tat-Trattat, peress illi r-Regolament propost jikkonċerna funzjonijiet monetarji u l-operazzjonijiet tas-SEBĊ taħt il-Kapitolu IV tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’), u b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, li jipprovdu illi l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) jistgħu jiftħu kontijiet għal, inter alia, entitajiet pubbliċi u jistgħu jaġixxu bħala aġenti fiskali għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u gvernijiet ċentrali.
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet ġenerali
L-istrument li se jiġi stabbilit taħt ir-regolament propost (‘l-istrument SURE’) se jipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self (‘self SURE’) mill-Unjoni Ewropea lill-iStati Membri li qegħdin jesperjenzaw jew ikunu mhedda serjament minn tfixkil economiku gravi, ikkawżat mit-tifqigħa tal-marda coronavirus 2019 (COVID-19) għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ xogħol b’ħinijiet qosra jew miżuri simili bl-għan li jiġu protetti l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk titnaqqas l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tal-introjtu. (2) It-total tal-pakkett tas-self ser ikun sa EUR 100 biljun. Il-BĊE kien laqa’ l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-ftehim tal-Grupp tal-Euro dwar tliet xbieki ta’ sigurtà għal ħaddiema, negozji u sovrani, jiġifieri l-istrument SURE, flimkien mal-appoġġ fil-kriżi pandemika (Pandemic Crisis Support) mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u fond ta’ garanzija pan-Ewropew (3).
2. Osservazzjonijiet speċifiċi
Skont l-Artikolu 10(1) tar-regolament propost, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tas-self mal-BĊE. Skont l-Artikolu 10(2) tar-regolament propost, l-iStat Membru benefiċjarju għandu jiftaħ kont speċjali mal-BĊN tiegħu għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja li jkun irċieva. Għandu jittrasferixxi wkoll il-kapital u l-imgħax dovut taħt is-self f’kont tal-Unjoni mal-BĊE, għoxrin jum tax-xogħol tat-TARGET2 qabel id-data ta’ maturità korrispondenti.
Kif ġie osservat hawn fuq, skont l-Artikolu 17 u l-Artikolu 21.2 tal-istatut tas-SEBĊ, il-BĊE u l-BĊNi jistgħu jiftħu kontijiet u jaġixxu bħala aġenti fiskali għall-Kummissjoni u l-iStati Membri. Fuq din il-bażi, fil-passat il-BĊE u l-BĊNi kienu wettqu kompiti relatati mal-amministrazzjoni tas-self li jirriżultaw minn programmi ta’ aġġustament ekonomiċi, bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) (4) u l-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għal żmien medju tal-Unjoni (MTFA) li jippermettu l-għoti ta’ self lill-iStati Membri li qed jesperjenzaw jew ikunu mhedda serjament minn diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti kurrenti jew movimenti kapitali tagħhom (5). Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tas-SEBĊ jiġi trattati bħala kwistjoni interna mis-SEBĊ, huwa ssuġġerit illi ssir referenza għall-iStat Membru benefiċjarju li qed jitrasferixxi l-pagamenti dovuti taħt is-self f’kontijiet mas-SEBĊ qabel id-data ta’ maturità korrispondenti.
Din l-opinjoni ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta’ Mejju 2020.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2020) 139 finali.
(2) Ara l-Artikolu 1(2) tar-regolament propost.
(3) Ara d-Dikjarazzjoni Introduttorja, Konferenza Stampa, Christine Lagarde, President tal-BĊE, Luis de Guindos, Viċi-President tal-BĊE, Frankfurt am Main, 30 ta’ April 2020, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu..
(4) Ara l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1); Deċiżjoni BĊE/2010/7 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2010 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self lil u mill-Unjoni taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 275, 20.10.2010, p. 10).
(5) Ara l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 332/2010 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1); Deċiżjoni BĊE/2003/14 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Novembru 2003 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skont il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja ta’ tul medju (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 35).