European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/943

21.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/943

tal-20 ta’ Mejju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 (1), li stabbiliet Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) għal perjodu ta’ sentejn mit-tnedija tal-Missjoni.

(2)

Fit-22 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/993 (2) li nediet l-EUPM Moldova u tat lill-missjoni ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perjodu mill-24 ta’ April 2023 sal-21 ta’ Mejju 2025.

(3)

Fil-kuntest tar-Reviżjoni Strateġika tal-EUPM Moldova, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li jenħtieġ li l-EUPM Moldova tiġi estiża sal-31 ta’ Mejju 2027. Barra minn hekk, il-KPS qabel li jenħtieġ li l-EUPM Moldova żżid l-għoti ta’ pariri strateġiċi lill-awtoritajiet tal-Moldova fis-settur tas-sigurtà u li jenħtieġ li ċ-Ċellula ta’ Proġetti tagħha tiffoka fuq proġetti li jkunu konformi mal-parir strateġiku pprovdut mill-EUPM Moldova taħt il-mandat tagħha.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 tiġi emendata skont dan.

(5)

EUPM Moldova ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrutturi tal-Moldova ta’ maniġġar ta’ kriżijiet iffukati fuq is-settur tas-sigurtà permezz ta’:

(i)

l-għoti ta’ pariri strateġiċi lill-awtoritajiet tal-Moldova;

(ii)

l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ taħriġ u tagħmir;

(iii)

l-implimentazzjoni gradwali tal-azzjonijiet proposti u s-soluzzjonijiet identifikati;”

;

(2)

l-Artikolu 13(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

is-sentenza “L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.” titħassar;

(b)

għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPM Moldova għall-perjodu mit-22 ta’ Mejju 2025 sal-31 ta’ Mejju 2027 għandu jkun ta’ EUR 19 817 594,70.”

;

(3)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-EUPM Moldova għandu jkollha Ċellula ta’ Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jkunu konformi mal-parir strateġiku pprovdut f’konformità mal-mandat tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 2(2).”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta’ Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni mill-KPS.”

;

(4)

l-Artikolu 18, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tapplika sal-31 ta’ Mejju 2027.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/855 tal-24 ta’ April 2023 dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (ĠU L 110, 25.4.2023, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/855/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/993 tat-22 ta’ Mejju 2023 li tniedi l-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 118, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/993/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/943/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)