IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.8.2020
COM(2020) 466 final
2020/0219(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Italja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ skont SURE iservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.
Fis-7 ta’ Awwissu 2020, l-Italja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Taljani biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata relatata direttament mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili u miżuri relatati mas-saħħa, ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:
(1)estensjoni tal-iskemi eżistenti ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar (“Cassa integrazione guadagni”). Il-miżura tkopri 80 % tas-salarju tas-soltu tal-impjegati, li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom huwa miżmum, tal-kumpaniji kompletament jew parzjalment magħluqin minħabba l-COVID-19, għal massimu ta’ 18-il ġimgħa fil-perjodu mit-23 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020.
(2)allokazzjoni ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu u April 2020 għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Il-freelancers li esperjenzaw tnaqqis ta’ mill-inqas 33 % tal-qligħ tagħhom f’Marzu u f’April 2020 fuq bażi minn sena għal sena huma intitolati wkoll għal għotja ta’ EUR 1 000 għal Mejju 2020. Għotja oħra ta’ EUR 600 għal Marzu 2020 tingħata lil persuni li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema freelance reġistrati ma’ istituzzjonijiet privati obbligatorji tas-sigurtà soċjali.
(3)varjetà ta’ miżuri mmirati lejn professjonijiet speċifiċi li ġew affettwati b’mod negattiv minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jinkludi konċessjoni ta’ EUR 600 għax-xahar ta’ Marzu 2020 u ta’ EUR 500 għax-xahar ta’ April 2020 għall-impjegati fuq terminu fiss fl-agrikoltura: għotja ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju 2020 għall-ħaddiema fl-industrija tad-divertiment (bi dħul annwali sa EUR 50 000); għotja ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju 2020 għall-kollaboraturi tal-assoċjazzjonijiet sportivi; għotja ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju 2020 għall-ħaddiema li jkunu on-call u allowance ta’ EUR 500 għax-xhur ta’ April u Mejju 2020 għall-ħaddiema domestiċi.
(4)żewġ miżuri li jindirizzaw l-impatt tas-servizzi tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-għeluq tal-iskejjel fil-forma ta’ benefiċċji ta' liv tal-ġenituri sa 30 jum fil-perjodu mill-5 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020 għall-impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom bi tfal sa 12-il sena (jew ’il fuq minn 12-il sena, fejn it-tfal huma diżabbli u għadhom jattendu l-iskola) li jkopru 50 % tal-introjtu tagħhom, u kupuni ta’ baby-sitting għal massimu ta’ EUR 2 000 bħala alternattiva għall-benefiċċji tal-liv tal-ġenituri u validi għall-istess perjodu.
(5)benefiċċji addizzjonali tal-liv tad-diżabilità għal mhux aktar minn 12-il jum fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ April 2020 u 12-il jum addizzjonali fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020 għal ħaddiema b’diżabilità severa jew ma’ qraba b’diżabilità severa. Din hija estensjoni ta’ skema eżistenti li tintitola lill-impjegati għal tlett ijiem ta’ liv għal persuni b’diżabbiltà għal kull xahar.
(6)għotjiet mhux ripagabbli għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għal intrapriżi individwali. L-ammont tal-għotja huwa kkalkulat billi jitqies it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ li sar f’April 2020 meta mqabbel ma’ April 2019 (minn ammont minimu ta’ EUR 1 000 għal massimu ta’ 20 % tat-tnaqqis fil-fatturat).
(7)żewġ miżuri relatati mas-saħħa, kreditu ta’ taxxa temporanju ġdid ta’ 60 % tal-ispejjeż għat-titjib tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (sa massimu ta’ EUR 80 000) u kreditu ta’ taxxa temporanju ġdid ta’ 60 % tal-ispejjeż ta’ sanità ta’ negozji żgħar, uffiċċji professjonali, u istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u x-xiri ta’ tagħmir ta’ sikurezza (sa massimu ta’ EUR 60 000).
L-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.
Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lill-Italja skont ir-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.
Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.
Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.
•Proporzjonalità
Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.
Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:
·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;
·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll
·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.
2020/0219 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Italja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-7 ta’ Awwissu 2020, l-Italja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.
(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Italja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2020 tal-Kummissjoni, l-Italja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 11,1 % u 158,9 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Italja huwa previst li jonqos bi 11,2 % fl-2020.
(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fl-Italja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika tal-Italja fir-rigward ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar għall-impjegati, għotjiet għal dawk li jaħdmu għal rashom, impjegati b’terminu fiss fl-agrikoltura, ħaddiema fl-industrija tad-divertiment, kollaboraturi ta’ assoċjazzjonijiet sportivi, ħaddiema domestiċi u ħaddiema li jkunu on-call, kupuni ta’ liv tal-ġenituri, benefiċċji addizzjonali tal-liv tal-ġenituri u tad-diżabbiltà, għotjiet mhux ripagabbli għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom u impriżi individwali, kif ukoll krediti ta’ taxxa b’appoġġ għall-miżuri tas-saħħa pubblika, kif stabbilit fil-premessi 4 sa 10.
(4)“Id-Digriet Amministrattiv nru 18/2020” u “d-Digriet Amministrattiv nru 34/2020”, kif inhuma msemmija fit-talba tal-Italja tas-7 ta’ Awwissu 2020, kien il-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, inkluża estensjoni tal-iskemi eżistenti ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar (“Cassa integrazione guadagni”). Il-miżura tkopri 80 % tas-salarju tas-soltu tal-impjegati, li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom huwa miżmum, tal-kumpaniji kompletament jew parzjalment magħluqin minħabba l-COVID-19, għal massimu ta’ 18-il ġimgħa fil-perjodu mit-23 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020.
(5)Għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema indipendenti, l-awtoritajiet introduċew għotja ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2020. Il-ħaddiema indipendenti li esperjenzaw tnaqqis ta’ mill-inqas 33 % tal-qligħ tagħhom f’Marzu u f’April 2020 fuq bażi minn sena għal sena huma intitolati wkoll għal allokazzjoni ta’ EUR 1000 għal Mejju 2020. Għotja oħra ta’ EUR 600 għal Marzu 2020 tingħata lil persuni li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema freelance reġistrati ma’ istituzzjonijiet privati obbligatorji tas-sigurtà soċjali.
(6)L-awtoritajiet introduċew varjetà ta’ miżuri mmirati lejn professjonijiet speċifiċi li ġew affettwati b’mod negattiv minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jinkludi konċessjoni ta’ EUR 600 għax-xahar ta’ Marzu 2020 u ta’ EUR 500 għax-xahar ta’ April 2020 għall-impjegati fuq terminu fiss fl-agrikoltura: għotja ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju 2020 għall-ħaddiema fl-industrija tad-divertiment (bi dħul annwali sa EUR 50 000); għotja ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju 2020 għall-kollaboraturi tal-assoċjazzjonijiet sportivi; għotja ta’ EUR 600 għax-xhur ta’ Marzu, April u Mejju 2020 għall-ħaddiema on-call u, EUR 500 għax-xhur ta’ April u Mejju 2020 għall-ħaddiema domestiċi.
(7)Ġew introdotti wkoll żewġ miżuri li jindirizzaw l-impatt tas-servizzi tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-għeluq tal-iskejjel, fil-forma ta’ benefiċċji tal-liv tal-ġenituri sa 30 jum fil-perjodu mill-5 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020 għall-impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom bi tfal sa 12-il sena (jew ’il fuq minn 12, fejn it-tfal huma diżabbli u għadhom jattendu l-iskola) li jkopru 50 % tal-introjtu tagħhom, u kupuni ta’ baby-sitting għal massimu ta’ EUR 2 000 bħala alternattiva għall-benefiċċji tal-liv tal-ġenituri u validi għall-istess perjodu. Dawn il-miżuri jistgħu jitqiesu bħala miżuri simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li dawn jipprovdu appoġġ għad-dħul għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li se jgħinu biex ikopru l-ispejjeż tal-kura tat-tfal matul l-għeluq tal-iskejjel u għalhekk jgħinu lill-ġenituri biex ikomplu jaħdmu, u b’hekk ma jħallux li r-relazzjoni tal-impjieg titqiegħed f’riskju.
(8)Barra minn hekk, l-awtoritajiet introduċew benefiċċji addizzjonali għal-liv għall-persuni b’diżabbiltà sa 12-il jum fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-30 ta’ April 2020 u 12-il jum addizzjonali fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2020 sal-30 ta’ Ġunju 2020 għal ħaddiema b’diżabilità severa jew ma’ qraba b’diżabbiltà severa. Din hija estensjoni ta’ skema eżistenti li tintitola lill-impjegati għal tlett ijiem ta’ liv għal persuni b’diżabbiltà għal kull xahar.
(9)Ġew introdotti għotjiet mhux ripagabbli għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għal intrapriżi individwali. L-ammont tal-għotja huwa kkalkulat billi jitqies it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ li sar f’April 2020 meta mqabbel ma’ April 2019 (minn ammont minimu ta’ EUR 1 000 għal massimu ta’ 20 % tat-tnaqqis fil-fatturat).
(10)Fl-aħħar nett, ġew introdotti żewġ miżuri relatati mas-saħħa mill-awtoritajiet, kreditu ta’ taxxa temporanju ġdid ta’ 60 % tal-ispejjeż għat-titjib tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (sa massimu ta’ EUR 80 000) u kreditu ta’ taxxa temporanju ġdid ta’ 60 % tal-ispejjeż ta’ sanità ta’ negozji żgħar, uffiċċji professjonali, u istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u x-xiri ta’ tagħmir ta’ sikurezza (sa massimu ta’ EUR 60 000). Minħabba li l-krediti ta’ taxxa jikkonsistu minn dħul mitluf għall-gvern, dawn jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għal nefqa pubblika.
(11)L-Italja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. L-Italja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 28 811 965 628 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-ammonti miżjuda li għandhom x’jaqsmu direttament ma’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir għall-impjegati, għotjiet għal dawk li jaħdmu għal rashom, impjegati b’terminu fiss fl-agrikoltura, ħaddiema fl-industrija tad-divertiment, kollaboraturi ta’ assoċjazzjonijiet sportivi, ħaddiema domestiċi u ħaddiema li jkunu on-call, vawċers ta’ baby-sitting, benefiċċji addizzjonali tal-liv tal-ġenituri u tad-diżabbiltà, u għotjiet mhux ripagabbli għal persuni li jaħdmu għal rashom u intrapriżi individwali. Din tikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li għandha x’taqsam kemm ma’ miżuri ġodda kif ukoll ma’ estensjoni ta’ miżuri eżistenti, li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fl-Italja. L-Italja beħsiebha tiffinanzja EUR 320 000 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni.
(12)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Italja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti dwar is-saħħa relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.
(13)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan lill-Italja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.
(14)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista' titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.
(15)Jenħtieġ li l-Italja tinforma lill-Kummissjoni regolarment dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn l-Italja tkun implimentat dik in-nefqa.
(16)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet wara li tqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Italja kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza, B’mod partikolari, l-ammont tas-self ġie stabbilit biex jiżgura l-konformità mar-regoli prudenzjali applikabbli għall-portafoll ta’ self kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Italja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.
Artikolu 2
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Italja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 27 438 486 464. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Italja f’massimu ta’ għaxar ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.
4.L-ewwel ħlas għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
5.L-Italja għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.
6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.
Artikolu 3
L-Italja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
(a)l-estensjoni ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir eżistenti (“Cassa integrazione guadagni”) għall-impjegati, kif previst mill-Artikoli 19-22 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 kif mibdul bil-Liġi nru 27/2020 u l-Artikoli 68-71 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020;
(b)għotja għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst mill-Artikoli 27, 28 u 44 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 kif mibdul bil-Liġi nru 27/2020 u l-Artikolu 84 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit mil-Liġi nru 77/2020;
(c)għotjiet għal impjegati fis-settur agrikolu għal żmien fiss, kif previst mill-Artikolu 30 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 u l-Artikolu 84 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020;
(d)għotjiet għal ħaddiema fl-industrija tad-divertiment, kif previst mill-Artikolu 38 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 u l-Artikolu 84 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif konvertit mil-Liġi nru 77/2020;
(e)konċessjonijiet għall-kollaboraturi ta’ assoċjazzjonijiet sportivi, kif previst mill-Artikolu 96 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 u l-Artikolu 84 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020;
(f)għotja għall-ħaddiema domestiċi, kif previst mill-Artikolu 85 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit mil-Liġi nru 77/2020;
(g)għotja għal ħaddiema intermittenti, kif previst mill-Artikoli 44 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 u l-Artikolu 84 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020;
(h)għotjiet mhux ripagabbli għal persuni li jaħdmu għal rashom u impriżi individwali, kif previst mill-Artikolu 25 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif konvertit mil-Liġi nru 77/2020, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ tal-persuni li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b'membru wieħed;
(i)il-benefiċċji tal-liv tal-ġenituri, kif previst mill-Artikoli 23 u 25 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 27/2020 u l-Artikolu 72 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020;
(j)kupuni ta’ baby-sitting, kif previst mill-Artikoli 23 u 25 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 kif ikkonvertit permezz tal-Liġi nru 27/2020 u l-Artikolu 73 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertiti bil-Liġi nru 77/2020;
(k)il-benefiċċji tal-liv għal diżabbiltà, kif previst fl-Artikoli 24 tad-Digriet Amministrattiv nru 18/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 27/2020 u l-Artikolu 74 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020;
(l)krediti ta’ taxxa fir-rigward tat-titjib tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif previst mill-Artikolu 120 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020;
(m)il-krediti tat-taxxa fir-rigward tas-sanitizzazzjoni tal-postijiet tax-xogħol u x-xiri ta’ tagħmir ta’ sigurtà, kif previst mill-Artikolu 125 tad-Digriet Amministrattiv nru 34/2020 kif ikkonvertit bil-Liġi nru 77/2020.
Artikolu 4
L-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt (6) xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata għalkollox.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President