European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1751

19.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1751

tat-13 ta’ Ġunju 2024

li testendi l-mandat tal-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-UPPE ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1939.

(2)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li l-UPPE jkun indipendenti, li jenħtieġ li l-Prosekuturi Ewropej tal-UPPE jaġixxu fl-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali, kif definit mil-liġi, u la jitolbu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn ebda persuna barra mill-UPPE, ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ebda istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni fil-qadi ta’ dmirijiethom skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, u li jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jirrispettaw l-indipendenza tal-UPPE u ma jippruvawx jinfluwenzawh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(3)

Skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, jagħżel u jaħtar il-Prosekuturi Ewropej għal perjodu ta’ sitt snin li ma jiġġeddidx. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi l-mandat għal perjodu massimu ta’ tliet snin fi tmiem il-perjodu ta’ sitt snin. L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li kull tliet snin ikun hemm sostituzzjoni parzjali ta’ terz tal-Prosekuturi Ewropej.

(4)

li ma jiġġeddidx Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 (2), il-Kunsill ħatar 14-il Prosekutur Ewropew maħtura għal perjodu ta’ sitt snin. Il-mandati ta’ dawk il-Prosekuturi Ewropej ser jiskadu fit-28 ta’ Lulju 2026. Dawn huma l-Prosekuturi Ewropej mill-Istati Membri parteċipanti li ġejjin: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja is-Slovakkja u l-Finlandja.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tal-Kulleġġ tal-UPPE, li jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew u Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru parteċipanti, billi jiġi żgurat it-tiġdid gradwali tal-Prosekuturi Ewropej b’terz kull tliet snin u tiġi ppreservata l-indipendenza tal-UPPE u l-Prosekuturi Ewropej, huwa xieraq li jiġu estiżi l-mandati ta’ seba’ Prosekuturi Ewropej f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 sat-30 ta’ Ġunju 2029, b’kont meħud tad-disponibbiltà tagħhom li jibqgħu fil-kariga sa dik id-data.

(6)

Fid-29 ta’ Frar 2024, il-Kunsill ikkonsulta lill-14-il Prosekutur Ewropew li l-mandati tagħhom ser jiskadu fit-28 ta’ Lulju 2026. L-14 kollha esprimew id-disponibbiltà tagħhom li jibqgħu fil-kariga sat-30 ta’ Ġunju 2029. Biex jiġu ddeterminati s-seba’ Prosekuturi Ewropej li l-mandati tagħhom għandhom jiġu estiżi, tlugħ bix-xorti sar fit-12 ta’ April 2024. Ittellgħu l-Prosekuturi Ewropej mill-Istati Membri li ġejjin: il-Ġermanja, l-Estonja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Finlandja.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li l-mandati tal-Prosekuturi Ewropej mill-Ġermanja, l-Estonja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Finlandja jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2029,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mandati tal-Prosekuturi Ewropej tal-UPPE li ġejjin huma estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2029:

—

Is-Sur Andrés RITTER (3)

—

Is-Sa Kristel SIITAM-NYIRI (4)

—

Is-Sa Tamara LAPTOŠ (5)

—

Is-Sur Gatis DONIKS (6)

—

Is-Sur Gabriel SEIXAS (7)

—

Is-Sur Cătălin-Laurențiu BORCOMAN (8)

—

Is-Sur Harri TAPIO TIESMAA (9).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

N. DE MOOR


(1)   ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 tas-27 ta’ Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 18).

(3)  Nominat mill-Ġermanja.

(4)  Nominata mill-Estonja.

(5)  Nominata mill-Kroazja.

(6)  Nominat mil-Latvja.

(7)  Nominat mil-Lussemburgu.

(8)  Nominat mir-Rumanija.

(9)  Nominat mill-Finlandja.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1751/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)