|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2592 |
18.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2592
tas-17 ta’ Diċembru 2025
għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ġust, ibbażat fuq xejriet tipiċi tal-użu, u miżuri kontra l-frodi għall-komunikazzjonijiet intra-UE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5a(8) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-limiti massimi tal-prezzijiet bl-imnut għall-komunikazzjonijiet intra-UE stabbiliti fl-Artikolu 5a(1) tar-Regolament (UE) 2015/2120, li daħal fis-seħħ fl-Istati Membri kollha fil-15 ta’ Mejju 2019, ġew stabbiliti f’livell li ppermetta lill-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri disponibbli għall-pubbliku jirkupraw il-kostijiet tagħhom, u b’hekk jiġi żgurat intervent proporzjonat kemm fis-suq tal-komunikazzjonijiet mobbli kif ukoll f’dawk fissi. Dawk il-miżuri, li kellhom jiskadu fl-14 ta’ Mejju 2024 skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/2120 kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (2) kellhom l-għan li jiżguraw li l-konsumaturi ma jintalbux prezzijiet eċċessivi għall-komunikazzjonijiet intra-UE. |
|
(2) |
L-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) 2015/2120 jestendi l-applikazzjoni tal-limiti massimi tal-prezzijiet bl-imnut għall-komunikazzjonijiet intra-UE sat-30 ta’ Ġunju 2032. Skont l-Artikolu 5a(9) tal-istess Regolament, sat-30 ta’ Ġunju 2027, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina l-Artikolu 5a u, jekk ikun xieraq, tista’ tiddeċiedi tippreżenta proposta leġiżlattiva bil-ħsieb li temendah. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 5a(8) tar-Regolament (UE) 2015/2120, il-fornituri li volontarjament jiddeċiedu li ma japplikawx prezzijiet bl-imnut differenti għall-konsumaturi għal komunikazzjonijiet domestiċi u intra-UE għandhom ikunu eżentati milli japplikaw il-limiti massimi tal-prezzijiet bl-imnut stabbiliti għall-komunikazzjonijiet intra-UE, soġġetti għal politika ta’ użu ġust. F’każ bħal dan, dawn għandhom jiġu eżentati minn prezzijiet regolati għall-komunikazzjonijiet intra-UE. Politika ta’ użu ġust hija salvagwardja li jenħtieġ li tippermetti lill-fornituri jiddevjaw mill-prezzijiet konverġenti u japplikaw ħlasijiet addizzjonali, jekk l-użu tal-komunikazzjonijiet intra-UE mill-konsumaturi jaqbeż il-kundizzjonijiet li l-fornitur ikun stabbilixxa biex jiddefinixxi l-użu tipiku tal-komunikazzjonijiet intra-UE fi Stat Membru partikolari. |
|
(4) |
L-ewwel nett, il-kundizzjonijiet li jiddefinixxu l-użu tipiku jenħtieġ li jispeċifikaw il-volumi tal-komunikazzjonijiet intra-UE li jippermettu lill-konsumaturi jikkunsmaw għadd ta’ unitajiet għal telefonati u messaġġi SMS intra-UE, mitluba bil-prezzijiet bl-imnut domestiċi applikabbli, li huma konsistenti mal-pjanijiet tariffarji rispettivi tagħhom u li huma biżżejjed biex ikopru firxa wiesgħa ta’ xejriet ta’ użu tal-konsumaturi, inklużi b’mod partikolari l-konsumaturi b’konsum relattivament għoli tal-komunikazzjonijiet intra-UE kull xahar li jkomplu jiddependu mill-komunikazzjonijiet tradizzjonali bħal telefonati jew messaġġi SMS. It-tieni, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet li jiddefinixxu l-użu tipiku jispeċifikaw il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom. Dan il-perjodu ta’ applikazzjoni definit jenħtieġ li bħala minimu jkun daqs perjodu wieħed ta’ fatturazzjoni, iżda jista’ jestendi għal diversi perjodi ta’ fatturazzjoni speċifikati mill-fornitur. Il-fornituri jistgħu jiffissaw limiti tal-konsum tal-volum applikabbli għal perjodu wieħed jew aktar fil-perjodu ta’ applikazzjoni. It-tielet, l-istess kundizzjonijiet li jiddefinixxu l-użu tipiku jenħtieġ li japplikaw għall-pjanijiet tariffarji kollha tal-fornitur fi Stat Membru. |
|
(5) |
Il-politika ta’ użu ġust jenħtieġ li, minn naħa waħda, tipprovdi lill-konsumaturi b’volumi xierqa ta’ telefonati u messaġġi SMS intra-UE u, min-naħa l-oħra, tippermetti aġġustamenti futuri bbażati fuq il-kundizzjonijiet tas-suq u l-imġiba tal-konsumaturi. L-użu tipiku ta’ telefonati u messaġġi SMS intra-UE jista’ jvarja, fost l-oħrajn, skont it-tip ta’ konsumatur, il-fornitur, jew l-Istat Membru. |
|
(6) |
Għalhekk, il-kundizzjonijiet tipiċi tal-użu jenħtieġ li jippermettu lill-fornituri marġni suffiċjenti ta’ flessibbiltà biex jistabbilixxu politika ta’ użu ġust li jqisu xierqa u li tkun konformi ma’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u fl-istess ħin, jippermettu aġġustamenti futuri bbażati fuq il-kundizzjonijiet tas-suq u l-imġiba tal-konsumaturi. |
|
(7) |
Il-komunikazzjonijiet intra-UE huma ta’ natura differenti mir-roaming u l-użu maħsub tagħhom huwa differenti. Għall-kuntrarju tal-komunikazzjonijiet intra-UE, ir-roaming regolat huwa servizz transfruntier maħsub għall-ivvjaġġar perjodiku u mhux għall-użu permanenti. Għalhekk, ir-roaming jinsab f’riskju ta’ użu anomalu u abbużiv għal finijiet oħra għajr dawk maħsuba, filwaqt li l-komunikazzjonijiet intra-UE jinsabu f’riskju li jintużaw lil hinn mill-użu tipiku. Il-kunċett ta’ użu li jaqbeż l-użu tipiku tal-komunikazzjonijiet intra-UE huwa għalhekk differenti mill-kunċett ta’ użu “anomalu u abbużiv” tas-servizzi tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi, kif definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jirreferi għall-użu ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut regolati minn klijenti tar-roaming fi Stat Membru għajr dak tal-fornitur domestiku tagħhom għal finijiet għajr l-ivvjaġġar perjodiku u li għalihom tista’ tiġi applikata politika ta’ użu ġust. |
|
(8) |
Il-politika ta’ użu ġust jenħtieġ li ma taffettwax id-dritt tal-fornituri li jieħdu miżuri kontra l-frodi, jekk id-deċiżjoni volontarja li ma jiġux applikati prezzijiet bl-imnut għall-konsumaturi għal komunikazzjonijiet intra-UE, differenti minn dawk għal komunikazzjonijiet domestiċi, twassal għal użu frawdolenti. Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku jenħtieġ li jitħallew jidentifikaw u jipprevjenu każijiet li fihom il-partijiet terzi jisfruttaw il-politika ta’ użu ġust għall-arbitraġġ tal-prezzijiet biex jiksbu vantaġġ ekonomiku (eż. Frodi Internazzjonali tad-Dħul Kondiviż, użu abbużiv ta’ SIM cards). Tali miżuri jenħtieġ li jkunu proporzjonati u jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-monitoraġġ tax-xejriet tat-traffiku biex jiġu identifikati anomaliji li jistgħu jindikaw użu frawdolenti jew abbużiv, jew is-sospensjoni temporanja tas-servizz sakemm issir verifika tal-użu. |
|
(9) |
Fl-istess ħin, il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu protetti minn miżuri li jistgħu jaffettwaw bi kwalunkwe mod il-kapaċità tagħhom li jużaw il-komunikazzjonijiet intra-UE. F’dan ir-rigward, huma applikabbli d-drittijiet kollha tal-konsumatur li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar drittijiet tal-konsumatur. F’konformità mal-Artikolu 102 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (5) il-klawżoli kuntrattwali li jipprevedu politika ta’ użu ġust għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-konsumaturi qabel ma jsiru applikabbli. |
|
(10) |
Barra minn hekk, qabel ma l-konsum tal-komunikazzjonijiet intra-UE minn konsumatur jaqbeż l-użu tipiku, il-fornituri jenħtieġ li jwissu lill-konsumaturi dwar tali użu b’mod dettaljat minn qabel fil-kuntratti tal-konsumaturi. Fi kwalunkwe każ, tali miżuri jenħtieġ li jimminimizzaw il-piż amministrattiv għall-konsumaturi u jillimitaw l-għadd ta’ twissijiet mhux meħtieġa. |
|
(11) |
Għall-finijiet ta’ dan l-Att, il-konsumaturi jenħtieġ li jinftiehmu kif definit fl-Artikolu 2(15) tad-Direttiva (UE) 2018/1972. |
|
(12) |
Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ġie kkonsultat skont l-Artikolu 5a(8) tar-Regolament (UE) 2015/2120. |
|
(13) |
Il-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit bl-Artikolu 118(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Politika ta’ użu ġust
1. Il-politika ta’ użu ġust għandha tippermetti lill-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku japplikaw salvagwardja meta l-użu tal-komunikazzjonijiet intra-UE minn konsumatur jaqbeż l-użu tipiku.
2. Biex jibbenefika mis-salvagwardja tal-politika ta’ użu ġust, fornitur tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jiddefinixxu l-użu tipiku tal-komunikazzjonijiet intra-UE għal tul ta’ żmien minimu definit ta’ perjodu wieħed ta’ fatturazzjoni, u fil-pjanijiet tat-tariffi kollha tiegħu fi Stat Membru.
3. Il-kundizzjonijiet li jiddefinixxu l-użu tipiku tal-komunikazzjonijiet intra-UE għandhom ikunu bbażati fuq il-volumi tal-komunikazzjonijiet intra-UE li huma ogħla b’mod sinifikanti mill-għadd medju ta’ minuti jew SMS intra-UE kkunsmati fix-xahar għal kull konsumatur fi Stat Membru kif irrapportat fl-aħħar rapport tal-Parametru Referenzjarju tal-BEREC dwar il-komunikazzjonijiet intra-UE disponibbli fiż-żmien meta jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet. F’każ li ma jkun hemm l-ebda parametru referenzjarju disponibbli għal Stat Membru, il-fornitur għandu juża ċ-ċifri medji tal-UE.
4. Meta f’perjodu definit l-użu tal-komunikazzjonijiet intra-UE minn konsumatur jiddevja mill-kundizzjonijiet li jiddefinixxu l-użu tipiku, il-fornituri jistgħu jitolbu ħlas addizzjonali biss lill-unitajiet tal-komunikazzjoni intra-UE kkonċernati sa tmiem il-perjodu definit li fih isseħħ tali devjazzjoni.
5. Din il-politika ta’ użu ġust għandha tapplika separatament għal telefonati intra-UE, għal telefonati fissi u mobbli, u għal messaġġi SMS intra-UE.
6. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw u jinfurzaw l-applikazzjoni korretta tas-salvagwardja.
Artikolu 2
Miżuri kontra l-frodi
Il-fornituri tal-komunikazzjonijiet intra-UE jistgħu japplikaw miżuri kontra l-frodi biex jidentifikaw l-użu frawdolenti relatat mad-deċiżjoni volontarja li japplikaw prezzijiet bl-imnut indaqs għal komunikazzjonijiet domestiċi u intra-UE. Meta l-fornitur jidentifika attività frawdolenti u jiddeċiedi li huma meħtieġa miżuri biex tiġi indirizzata minnufih il-frodi suspettata, il-fornitur għandu jgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali jew lil awtorità kompetenti oħra mill-aktar fis possibbli, u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 5 ijiem tax-xogħol wara l-adozzjoni tal-miżuri.
Artikolu 3
Protezzjoni tal-konsumatur
1. Meta fornitur tal-komunikazzjonijiet intra-UE japplika politika ta’ użu ġust, dan għandu jinkludi fil-kuntratti mal-konsumaturi mfassla skont l-Artikolu 102 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, it-termini u l-kundizzjonijiet assoċjati ma’ dik il-politika u b’mod partikolari, il-ħlasijiet addizzjonali għal kull telefonata u SMS intra-UE li jistgħu japplikaw għall-konsum tal-komunikazzjonijiet intra-UE li jaqbżu l-użu tipiku. Barra minn hekk, meta konsumatur ikun uża 80 % ta’ limitu ta’ użu tipiku, il-fornitur għandu javża minnufih lill-konsumatur dwar ir-riskju li jiskatta l-ħlasijiet addizzjonali u l-ħlasijiet addizzjonali applikabbli.
2. Il-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jappellaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-fornitur tal-komunikazzjonijiet intra-UE, inklużi permezz tal-konċiljazzjoni u l-korpi kompetenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti kif imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.
Artikolu 4
Perjodu tranżitorju tal-parametru referenzjarju tal-BEREC
1. Il-BEREC għandu jaġġorna l-parametru referenzjarju għall-komunikazzjonijiet intra-UE biex jiżgura li fil-futur dan il-parametru referenzjarju jirrapporta l-użu kollu tal-komunikazzjonijiet intra-UE. Ir-rapport aġġornat dwar il-parametru referenzjarju għandu jkun disponibbli sa Ottubru 2026.
2. Il-fornituri għandhom ikunu jistgħu japplikaw l-aħħar rapport disponibbli tal-Parametru Referenzjarju tal-BEREC dwar il-komunikazzjonijiet intra-UE sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2027 biex jippermettu perjodu tranżitorju.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2028.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2120/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1971/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/612/oj).
(4) Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/83/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/1972/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2592/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)