9.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 280/8


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2023/C 280/04)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Sel de l’Île de Ré” / “Fleur de sel de l’Île de Ré”

Nru tal-UE: PGI-FR-02782 — 2.7.2021

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Sel de l’Île de Ré” / “Fleur de sel de l’Île de Ré”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.6. Melħ

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Deskrizzjoni skont il-kategorija tal-prodott

A-   “Sel de l’Île de Ré”

“Sel de l’Île de Ré” fl-għamla ta’ kristalli

Karatteristiċi organolettiċi

Is-“Sel de l’Île de Ré” huwa ppreżentat fl-għamla ta’ kristalli, mhux ipproċessat wara l-ġbir, ġeneralment magħruf bħala melħ oħxon jew fl-għamla ta’ melħ fin, fil-każ ta’ kristalli mitħuna jew mgħarbula. Is-“Sel de l’Île de Ré” għandu kulur li jvarja minn griż sa abjad skont ir-rata ta’ komponenti li ma jinħallux preżenti fil-prodott. Jista’ jkollu noti li jvarjaw kemxejn mill-aħmar għall-isfar minħabba l-preżenza ta’ mikroorganiżmi.

Karatteristiċi fiżiċi

Il-kristalli miġbura huma fil-biċċa l-kbira fil-forma ta’ kubu jew f’aggregati tiegħu.

Is-“Sel de l’Île de Ré” fl-għamla ta’ kristalli huwa melħ li l-granulometrija tiegħu hija eteroġenja mal-ġbir u tista’ tvarja b’mod konsiderevoli matul l-istaġun tal-produzzjoni u skont kif jiġi ġestit il-marġ salmastru.

—

Il-granulometrija tas-“Sel de l’Île de Ré”, mhux ipproċessat, ġeneralment magħruf bħala melħ oħxon: mill-inqas 90 % tal-melħ għandu granulometrija ta’ inqas minn 8 mm.

—

Il-granulometrija tal-melħ fin: mill-inqas 90 % tal-melħ għandu granulometrija ta’ inqas minn 2 mm.

Is-“Sel de l’Île de Ré” jiġi ppakkjat mingħajr l-ebda materjal estranju iebes u/jew li jaqta’ ta’ aktar minn 7 mm.

Karatteristiċi kimiċi

Is-“Sel de l’Île de Ré”, fl-għamla ta’ kristalli, mhuwiex raffinat u maħsul u ma għandux addittivi miżjuda. Meta jiġi ppakkjat ikollu:

—

Kontenut li ma jinħallx ta’ mhux aktar minn 0,75 g għal kull 100 g ta’ melħ.

—

Kontenut ta’ umdità ta’ mhux aktar minn 10 %,

“Sel de l’Île de Ré” fl-għamla ta’ melħ kompatt

Karatteristiċi organolettiċi

Is-“Sel de l’Île de Ré”, fl-għamla kompatta, huwa magħmul minn kristalli kompatti. Għandu kulur li jvarja minn griż sa abjad skont kontenut li ma jinħallx preżenti fil-prodott. Jista’ jkollu noti li jvarjaw kemxejn mill-aħmar għall-isfar minħabba l-preżenza ta’ mikroorganiżmi.

Karatteristiċi fiżiċi

Is-“Sel de l’Île de Ré”, fl-għamla kompatta, huwa ppreżentat fi blokok ta’ daqs u forma li jvarjaw, b’piż ta’ aktar minn 4 g.

Is-“Sel de l’Île de Ré” fl-għamla kompatta jiġi ppakkjat mingħajr l-ebda materjal estranju iebes u/jew li jaqta’ ta’ aktar minn 7 mm.

Karatteristiċi kimiċi

Is-“Sel de l’Île de Ré” fl-għamla kompatta mhuwiex raffinat u maħsul u ma għandux addittivi miżjuda. Meta jiġi ppakkjat ikollu:

—

Kontenut li ma jinħallx ta’ mhux aktar minn 0,75 g għal kull 100 g ta’ melħ.

—

Kontenut ta’ umdità ta’ mhux aktar minn 5 %.

B-   “Fleur de sel de l’Île de Ré”

Karatteristiċi organolettiċi

Il-“Fleur de sel de l’Île de Ré” huwa magħmul minn kristalli ħfief li jitfarrku malajr u li jżommu f’wiċċ l-ilma waqt il-ġbir.

Il-“Fleur de sel de l’Île de Ré” huwa abjad u jista’ jkollu noti li jvarjaw kemxejn mill-aħmar għall-isfar minħabba l-preżenza ta’ mikroorganiżmi li jiċċaraw maż-żmien.

Karatteristiċi fiżiċi

Il-kristalli tal-“Fleur de Sel de l’Île de Ré” għandhom prinċipalment forma ta’ piramida bil-maqlub vojta.

Il-“Fleur de sel de l’Île de Ré” ma għandu l-ebda materjal estranju iebes u/jew li jaqta’ ta’ aktar minn 5 mm.

Meta jiġi ppakkjat, il-“Fleur de l’Île de Ré” għandu densità ta’ mhux aktar minn 0,8.

Karatteristiċi kimiċi

Meta jiġi ppakkjat, il-“Fleur de sel de l’Île de Ré” ikollu:

—

Kontenut ta’ umdità ta’ mhux aktar minn 8 %,

—

Kontenut li ma jinħallx ta’ mhux aktar minn 0,2 g għal kull 100 g ta’ fleur de sel

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

___

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċessi tal-produzzjoni u tal-ġbir tas-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel d’Île de Ré” isiru esklussivament fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Is-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel de l’Île de Ré” jiġi ppakkjat f’pakketti identifikati bin-numru tal-lott.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

___

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tkopri l-10 muniċipalitajiet li ġejjin:

Ars-en-Ré, Le Bois-Plage-en-Ré, La Couarde-sur-Mer, La Flotte, Loix, Les Portes-en-Ré, Rivedoux-Plage, Saint-Clément-des-Baleines, Saint-Martin-de-Ré, Sainte-Marie-de-Ré.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Is-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel de l’Île de Ré” huwa prodott tal-melħ tal-baħar tal-gżejjer miġbur bl-idejn wara l-evaporazzjoni naturali tal-ilma baħar permezz ta’ fluss li jimxi skont il-gravità li jseħħ fil-marġi salmastri, li l-qiegħ tagħhom huwa magħmul naturalment mit-tafal.

Il-karatteristiċi tas-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel de l’Île de Ré” u l-fama tiegħu jirriżultaw mit-taħlita ta’ fatturi naturali, b’mod partikolari fatturi klimatiċi u morfoloġiċi speċifiċi għall-Île de Ré, u tal-għarfien prattiku mħaddem mill-ħaddiema tal-melħ tagħha sa mis-seklu 12.

Ré hija gżira relattivament ċatta, baxxa u sedimentarja, li tinsab ftit kilometri ’l barra minn La Rochelle u li tissepara lil Pertuis Breton fit-Tramuntana mill-Pertuis d’Antioche fin-Nofsinhar.

L-Île de Ré tingħaraf minn pjanuri kalkarji assoċjati ma’ żoni ta’ marġi salmastri. L-Île de Ré hija magħmula minn tliet gżejjer antiki (Ré, Ars u Loix) li jappartjenu għall-pjanura kalkarja ta’ Aunis. Dawn ingħaqdu gradwalment permezz ta’ strixxi ta’ ramel u ċagħaq u tal-akkumulazzjoni sedimentarja fil-ħofor ikkawżati miċ-ċediment tal-art ta’ Fier d’Ars u Fosse de Loix, li b’hekk iffurmaw spazji kbar ta’ marġi salmastri. F’dawn il-marġi, l-akkumulazzjoni sedimentarja ddepożitata b’mod naturali, b’mod partikolari matul it-trasgressjoni Fjamminga, evolviet maż-żmien f’art magħrufa bħala terre de Bri u tat tafal griż u kompatt imsejjaħ bric fuq il-gżira. Dawn l-episodji differenti wasslu għal pajsaġġ b’għoljiet weqfin ftit li xejn, b’quċċata ta’ mhux aktar minn 20 metru.

L’Île de Ré tinsab fl-Oċean Atlantiku fejn il-marea togħla darbtejn kuljum. Il-marea l-aktar qawwija tista’ tilħaq bejn il-5 u s-6 metri ta’ medda ta’ marea.

Il-meżoklima tal-Île de Ré hija kkaratterizzata minn medja annwali għolja ta’ xemx (2 250 siegħa ta’ insolazzjoni fis-sena skont l-istazzjon meteoroloġiku ta’ La Rochelle) flimkien ma’ ammont baxx ta’ xita b’medja ta’ 712-il mm fis-sena fuq medja ta’ 113-il jum ta’ xita (data medja minn Météo France 1981-2010 f’La Couarde sur Mer). Barra minn hekk, il-varjazzjonijiet fit-temperatura u fl-umdità bejn il-perjodi ta’ binhar u ta’ billejl jitnaqqsu. Il-ventilazzjoni hija attiva u regolari bis-saħħa tal-alternanza bejn iż-żiffiet sħan u d-disturbi oċeaniċi li jġibu irjieħ aktar b’saħħithom mill-Majjistral.

Sabiex jikseb żoni tal-produzzjoni, il-bniedem sawwar l-Île de Ré billi qaċċat jew ifforma diversi żoni ta’ dan it-territorju.

Il-marġi salmastri tal-Île de Ré żviluppaw fis-seklu 12 (1191), permezz tat-tħeġġiġ tar-reliġjużi ta’ Saint Michel en l’Herm, is-sinjuri nobbli tal-ġżejjer ta’ Ars u ta’ Lois.

L-espansjoni taż-żona tal-melħ issukktat bit-tkomplija b’saħħitha tal-bini ta’ imbankmenti u l-ħolqien ta’ marġi salmastri madwar Fier, fuq l-inizjattiva tal-protestanti magħrufa tal-Île de Ré u La Rochelle. L-attività tal-melħ fuq l-Île de Ré laħqet il-quċċata tagħha f’nofs is-seklu 19, meta laħqet 1 550 ettaru ta’ marġi u produzzjoni annwali ta’ 31 750 tunnellata, li għamluha pilastru fundamentali għall-iżvilupp tal-gżira (Tardy, 1987). Din iż-żona ta’ marġi ffurmata għall-produzzjoni tal-melħ bħalissa tokkupa madwar 20 % tal-wiċċ totali tal-gżira. Dan l-ambjent antropoġeniku għandu impatt qawwi fuq il-pajsaġġ u d-dehra tal-gżira.

Il-funzjonament attwali tal-marġi salmastri tal-Île de Ré u t-tekniki tal-ġbir huma identiċi għall-prattiki magħrufa fi żmien il-quċċata tal-produzzjoni tal-melħ fil-gżira (is-seklu 19).

Il-ġestjoni tal-ilma fiċ-ċirkwiti li jaħdmu permezz tal-gravità teħtieġ għarfien prattiku preċiż u hija kruċjali għall-produzzjoni tas-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel de l’Île de Ré”. Il-ħaddiem tal-melħ irid ikun jaf il-karatteristiċi tal-marġ tiegħu sabiex jikkontrolla b’mod tajjeb il-ġestjoni idrawlika, jiżgura l-evaporazzjoni tajba tal-ilma u b’hekk jottimizza l-produzzjoni tal-melħ u tal-fleur de sel.

Il-ħaddiema tal-melħ jirriproduċu t-tekniki antiki u jużaw għodod tradizzjonali (boguette, rouable, simoussi, souvron, eċċ.), adattati għaż-żamma tal-marġi salmastri u għall-ġbir manwali u ta’ kuljum tal-melħ u l-fleur de sel.

Is-“Sel de l’Île de Ré” huwa kkaratterizzat minn kulur li jvarja minn griż għall-abjad u jista’ jkollu noti li jvarjaw kemxejn mill-isfar għall-aħmar. Matul il-ġbir, il-maġġoranza tal-kristalli jkollhom forma ta’ kubu, huma kkummerċjalizzati prinċipalment f’din il-forma jew jistgħu jkunu mfarrka, mgħarbula jew kompatti.

Il-“Fleur de sel de l’Île de Ré” huwa abjad u jista’ jkollu noti li jvarjaw kemxejn mill-aħmar għall-isfar li jiċċaraw maż-żmien.

Dan jikkonsisti fi kristalli ħfief u li jitfarrku malajr, l-aktar fil-forma ta’ piramida bil-maqlub vojta, li jżommu f’wiċċ l-ilma waqt il-ġbir.

Is-“Sel de l’Île de Ré”/il-“Fleur de sel de l’Île de Ré” ma jiġix maħsul u lanqas arrikkit.

L-ewwel nett, il-karatteristiċi tas-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel de l’Île de Ré” jirriżultaw mit-taħlita tal-fatturi naturali tal-Île de Ré u tal-għarfien prattiku mħaddem mill-produtturi tagħha tal-melħ u tal-fleur de sel.

L-iżvilupp tal-marġi salmastri fl-Île de Ré, permezz tal-ippjanar u t-tqaċċit taż-żoni tal-marġi, intensifika l-meżoklima oriġinali tal-gżira, li hija speċifika u partikolarment evaporatorja. L-abbundanza tax-xemx, l-alternazzjoni taż-żiffiet tal-baħar u tal-art jew saħansitra x-xita limitata huma l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-produzzjoni tal-melħ u tal-fleur de sel. It-tafal tal-marġi salmastri, li huwa materjal impermeabbli, jagħmilha possibbli li tiġi riflessa s-sħana mix-xemx, u b’hekk tittejjeb l-effiċjenza tal-għadajjar ta’ konċentrazzjoni. Dan it-tafal partikolarment iebes iwassal għar-rata baxxa ta’ kontenut li ma jinħallx li jiddetermina l-kulur partikolari tal-melħ (minn griż għal abjad). Min-naħa tagħhom, in-noti li jvarjaw mill-aħmar għall-isfar, li xi drabi jkunu preżenti, huma relatati mal-preżenza tal-mikroorganiżmi speċifiċi għall-ambjent.

Il-ħaddiem tal-melħ kien kapaċi juża l-kundizzjonijiet ambjentali billi żviluppa għarfien prattiku partikolari, f’termini tal-ippjanar tat-territorju, il-ġestjoni tal-ilma fi ħdan il-marġ, l-użu ta’ għodod speċifiċi u r-ritmu tal-ġbir. Dan l-għarfien prattiku dwar il-melħ tal-Île de Ré huwa parti minn sensiela twila ta’ tradizzjonijiet u jikkontribwixxi għall-karatteristiċi ta’ dan il-melħ. Il-marġi salmastri, li l-isfond tagħhom huwa magħmul naturalment mit-tafal, ġew iffurmati b’tali mod li jiġbru l-ilma baħar b’mod naturali u jirregolaw il-fluss skont il-gravità tiegħu. Il-ħaddiem tal-melħ jikkontrolla l-ġestjoni tal-ilma baħar, mill-vasais (l-ewwel għadira li timtela meta jkun hemm marea għolja) sal-aires saunantes (l-għadira fejn l-ilma jikkristallizza f’melħ), filwaqt li jippromwovi l-evaporazzjoni u l-kristallizzazzjoni tal-ilma baħar sabiex jikseb il-melħ u l-fleur de sel.

Miġbur bl-idejn, is-“Sel de l’Île de Ré” għandu granulometrija eteroġenja. Din l-eteroġeneità qawwija, karatteristika ta’ melħ miġbur bl-idejn skont l-għarfien prattiku tradizzjonali tal-produtturi tal-melħ tal-Atlantiku, twassal għall-ogħla limitu tal-granulometrija biex ikun akbar mill-biċċa l-kbira tal-imluħa miġbura b’mod mekkaniku.

Minbarra l-kundizzjonijiet atmosferiċi speċifiċi (ir-riħ ħafif, ix-xemx, u n-nuqqas ta’ umdità jew xita), il-produzzjoni tal-fleur de sel teħtieġ kontroll tal-kundizzjonijiet tal-ilma u tekniki tal-ġbir saħansitra aktar preċiżi. Huwa meħtieġ saff baxx ta’ ilma sabiex il-fleur de sel ikun jista’ jżomm fil-wiċċ b’mod liberu u jinġabar b’mod delikat.

Il-kundizzjonijiet fiżiċi u klimatiċi kollha tal-ambjent kif ukoll l-għarfien prattiku tal-ħaddiem tal-melħ jippermettu l-produzzjoni u l-ġbir tal-melħ u l-fleur de sel, li l-karatteristiċi inerenti tagħhom ma jeħtiġux il-proċessi ta’ ħasil jew arrikkiment.

Għal aktar minn 800 sena, il-produzzjoni tal-melħ kienet pilastru tal-ekonomija tal-Île de Ré, fl-iskambji kummerċjali reġjonali iżda wkoll dawk aktar fil-bogħod. Diversi kitbiet antiki, mis-seklu 15 sar-Rivoluzzjoni Franċiża u mbagħad fil-bidu tas-seklu 20 isemmu l-produzzjoni tal-melħ fl-Île de Ré kif ukoll il-kummerċ nazzjonali u internazzjonali tagħha.

Kull sena, is-“Sel de l’Île de Ré” jiġi kopert mill-mezzi tax-xandir kemm fil-media stampata kif ukoll fuq it-televiżjoni (Sud-Ouest 1986, Le Figaro 2012, Franza 3, 2017, eċċ.).

Il-“Fleur de sel de l’Île de Ré” jissemma wkoll f’ħafna mezzi tax-xandir (New York Times 2012, Le Point 2017, France Inter 2021, eċċ.). Jidher fil-kotba tar-riċetti tat-territorju, b’mod partikolari Le sel de l’Île de Ré ta’ Bahic (2015).

Fl-aħħar nett, sa mill-irkupru tal-produzzjoni tal-melħ fl-aħħar tas-seklu 20, is-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel de l’Île de Ré” kien soġġett għal żvilupp sinifikanti.

Din il-fama tmur lil hinn mill-fruntieri Franċiżi, peress li s-“Sel de l’Île de Ré”/“Fleur de sel de l’Île de Ré” jiġi esportat lejn l-Ewropa iżda wkoll lejn l-Amerka ta’ Fuq u t’Isfel, l-Asja u ċerti pajjiżi tal-Lvant Nofsani. L-artikli fil-media jixhdu dan il-vjaġġ internazzjonali: Sud-Ouest 1987, New York Times 2012, ARD 2021...

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDC-SFdSRe2211.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.