02011R1206 — MT — 20.05.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1206/2011 tat-22 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 305 23.11.2011, p. 23) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/587 tad-29 ta’ April 2020 |
L 138 |
1 |
30.4.2020 |
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1206/2011
tat-22 ta’ Novembru 2011
li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għas-sistemi li jikkontribwixxu għall-għoti ta’ informazzjoni dwar is-sorveljanza, il-komponenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati sabiex tiġi żgurata identifikazzjoni individwali mhux ambigwa u kontinwa tal-inġenji tal-ajru fl-EATMN.
Artikolu 2
Ambitu
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-katina ta' sorveljanza magħmula minn:
komponenti tas-sistemi ta’ sorveljanza fl-ajru u l-proċeduri assoċjati tagħhom;
sistemi ta’ sorveljanza bbażati fuq l-art, il-komponenti u l-proċeduri assoċjati tagħhom;
sistemi u proċeduri għas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, b’mod partikolari s-sistemi għall-ipproċessar tad-dejta tat-titjiriet, is-sistemi għall-ipproċessar tad-dejta tas-sorveljanza u s-sistemi ta’ interfaċċja bejn il-bniedem u l-magna;
sistemi ta’ komunikazzjoni bejn l-art u l-art u bejn l-ajru u l-art, il-komponenti u l-proċeduri assoċjati tagħhom użati għad-distribuzzjoni tad-dejta tas-sorveljanza.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti fl-ispazju tal-ajru definiti fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.
Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:
“identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru’ tfisser grupp ta” ittri, numri jew kombinazzjoni ta’ dawn, liema grupp ikun jew identiku għal, jew l-ekwivalent kodifikat ta’ is-sinjal ta’ sejħa tal-inġenju tal-ajru li jrid jintuża f’komunikazzjonijiet tal-ajru mal-art, u li jintuża għall-identifikazzjoni fil-komunikazzjonijiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru mill-art għall-art;
“kodiċi SSR” tfisser wieħed mill-4 096 kodiċi tal-identità tar-radar tas-sorveljanza sekondarji li jistgħu jiġu trasmessi mill-komponenti fl-arju tas-sistemi ta’ sorveljanza;
“kodiċi SSR diskret” tfisser kodiċi tal-identità tar-radar tas-sorveljanza sekondarju b’erba’ ċifri li l-aħħar żewġ ċifri tiegħu mhumiex “00”;
“identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali” tfisser identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru trasmessa mill-komponenti tas-sistemi ta’ sorveljanza fl-ajru permezz ta’ sistema ta’ sorveljanza mill-ajru għall-art;
“kodiċi ta’ konspikwità” tfisser kodiċi SSR individwali ddisinjat għal skopijiet speċjali;
“titjira ta” transitu (over-flight)’ tfisser titjira li tidħol fi spazju tal-ajru definit minn settur biswit, li mbagħad taqsam l-ispazju tal-ajru definit u toħroġ mill-ispazju tal-ajru definit għal ġo settur biswit fuq barra;
“titjira li tasal” tfisser titjira li tidħol fi spazju tal-ajru definit minn settur biswit, imbagħad taqsam l-ispazju tal-ajru definit u tinżel f’destinazzjoni fl-ispazju tal-ajru definit;
“titjira li titlaq” tfisser titjira li toriġina f’ajrudrom fi ħdan spazju tal-ajru definit, imbagħad tgħaddi minn ġol-ispazju tal-ajru definit u jew tinżel f’ajrudrom fl-ispazju tal-ajru definit jew toħroġ mill-ispazju tal-ajru definit għal ġo settur biswit fuq barra;
“operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża impenjata jew li toffri li timpenja ruħha f’operazzjoni ta’ inġenju tal-ajru;
“lista ta” allokazzjonijiet tal-kodiċi’ tfisser dokument li jispeċifika d-distribuzzjoni ġenerali tal-kodiċijiet SSR lill-Istati Membri u lill-unitajiet ta-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS) li jkun hemm qbil fuqha mill-Istati Membri u li hija ppubblikata fil-pjan tan-navigazzjoni tal-ajru għar-Reġjun Ewropew tal-ICAO;
“katina ta” sorveljanza kooperattiva’ tfisser katina ta’ sorveljanza li tirrikjedi kemm komponenti tal-art kif ukoll li jinġarru fl-ajru biex ikunu stabbiliti l-elementi tad-dejta ta’ sorveljanza;
“sistema integrata għall-ipproċessar tal-pjan iniżjali tat-titjira” tfisser sistema fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru li permezz tagħha jiġi pprovdut servizz iċċentralizzat ta’ pproċessar u tqassim tal-ippjanar tat-titjiriet, li jittratta r-riċeviment, il-validazzjoni u t-tqassim tal-pjanijiet tat-titjiriet, fi ħdan l-ispazju tal-ajru kopert minn dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Rekwiżiti ta’ prestazzjoni
1. L-Istati Membri responsabbli għall-għoti tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru definit fl-Anness I għandhom jiżguraw li tiġi implimentata l-kapaċità sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita identifikazzjoni unika tal-inġenji tal-ajru bl-użu tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għal:
mill-inqas 50 % tat-titjiriet kollha ta’ transitu tal-ispazju tal-ajru definit tal-Istat Membru individwali u;
mill-inqas 50 % tan-numru totali kkombinat tat-titjiriet kollha li jaslu u li jitilqu fl-ispazju tal-ajru definit tal-Istat Membru individwali.
2. Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiżguraw li, mill-inqas, sat-2 ta’ Jannar 2020, il-katina ta’ sorveljanza kooperattiva jkollha l-kapaċità neċessarja sabiex tippermettilhom jistabbilixxu identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru bl-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali.
3. Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jistabbilixxu l-identifikazzjoni individwali tal-inġenju tal-ajru billi jużaw il-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għandhom jiżguraw li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.
4. Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jistabbilixxu l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru bl-użu ta’ kodiċijiet SSR diskreti barra mill-ispazju tal-ajru definit fl-Anness I għandhom jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.
5. Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiżguraw li:
is-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) jintużaw kif meħtieġ sabiex jappoġġjaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu;
sistemi jew proċeduri msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) jew proċeduri jintużaw kif meħtieġ sabiex jiġu nfurmati l-kontrolluri meta l-kodiċijiet SSR jiġu duplikati b’mod mhux intenzjonali.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
il-volumi tal-ispazju tal-ajru jiġu ddikjarati lis-servizz ċentralizzat tal-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ippjanar tat-titjiriet imsemmi fil-punt 1 tal-Anness II bħala appoġġ għar-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu u l-punt (b) ta' dan il-paragrafu;
is-sistema integrata ta’ pproċessar tal-pjanijiet tat-titjiriet inizjali tikkomunika lill-fornituri kollha affettwati tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru dawk it-titjiriet li huma eliġibbli għall-użu tal-kodiċi ta’ konspikwità msemmi fil-punt (c);
isir qbil dwar kodiċi ta’ konspikwità wieħed mill-Istati Membri kollha f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej għall-assenjazzjoni biss lil inġenju tal-ajru fejn l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru tiġi stabbilita bl-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali.
Artikolu 5
Rekwiżiti tas-sigurtà
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fis-sistemi eżistenti msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda tkun preċeduta minn valutazzjoni tas-sigurtà, inkluż l-identifikazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji, immexxija mill-partijiet ikkonċernati.
2. Matul il-valutazzjonijiet identifikati fil-paragrafu 1, bħala minimu għandha tingħata kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV.
Artikolu 6
Konformità jew idoneità għall-użu tal-komponenti
Qabel joħorġu dikjarazzjoni ta’ konformità jew ta’ idoneità għall-użu tal-KE prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, il-manifatturi tal-komponenti tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni, għandhom jivvalutaw il-konformità jew l-idoneità għall-użu ta’ dawk il-komponenti b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.
Madankollu, il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), għandhom jitqiesu wkoll bħala proċeduri aċċettabbli għall-valutazzjoni tal-konformità tal-komponenti jekk dawn jinkludu evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Verifika tas-sistemi
1. Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jistgħu juru jew li urew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI għandhom iwettqu verifika tas-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII.
2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li ma jistgħux juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI għandhom jissottokuntrattaw lil korp notifikat verifika tas-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1). Din il-verifika għandha titmexxa f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B tal-Anness VII.
3. Il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandhom jitqiesu bħala proċeduri aċċettabbli għall-verifika tas-sistemi jekk dawn jinkludu evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Rekwiżiti addizzjonali għall-fornituri tas-servizzi tan-nagivazzjoni tal-ajru
1. Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiżguraw li l-persunal ikkonċernat kollu jkun debitament konxju tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u li jkun imħarreġ kif xieraq għall-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu.
2. Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom:
jiżviluppaw u jżommu manwali tal-operat li fihom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni neċessarji li jippermettu lill-persunal relatat kollu japplika dan ir-Regolament;
jiżguraw li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u jinżammu aġġornati u li l-aġġornament u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu soġġetti għal ġestjoni xierqa tal-kwalità u tal-konfigurazzjoni tad-dokumentazzjoni;
jiżguraw li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri tal-operat jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Rekwiżiti addizzjonali għall-operaturi
1. L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-persunal li jopera u jmantni t-tagħmir ta’ sorveljanza jkun konxju tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u li jkun mħarreġ kif xieraq għall-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu, u li l-istruzzjonijiet dwar kif jintuża dak it-tagħmir ikunu disponibbli fil-kabina tal-pilota.
2. L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali tingħata meta meħtieġ għal raġunijiet operattivi kif stabbilit fl-Artikolu 4(1) u (2).
3. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-istabbiliment tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali msemmija fil-paragrafu 4 jikkonforma mal-punt 7 'identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru' tal-pjan tat-titjiriet imsemmi fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 ( 3 ).
4. L-operaturi ta’ dawk l-inġenji tal-ajru li għandhom il-kapaċità li jbiddlu l-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali msemmija fil-paragrafu 2 meta jkunu fl-ajru għandhom jiżguraw li l-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali ma tiġix mibdula matul it-titjira sakemm dan ma jkunx mitlub mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-arju.
Artikolu 10
Rekwiżiti addizzjonali għall-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti fil-pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni dwar l-ajrunawtika nazzjonali.
Artikolu 11
Eżenzjonijiet
1. Għall-każ speċifiku ta’ żoni ta’ approċċ fejn is-servizzi tat-traffiku tal-ajru jingħataw minn unitajiet militari jew taħt superviżjoni militari u meta r-restrizzjonijiet fuq l-akkwist jipprevjenu l-konformità mal-Artikolu 4(2), l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017, id-data ta’ konformità mal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali li ma għandhiex tkun aktar tard mit-2 ta’ Jannar 2025.
2. Wara konsultazzjoni mal-Maniġer tan-Netwerk u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-eżenzjonijiet ikkomunikati taħt il-paragrafu 1 li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-EATMN.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mid-9 ta’ Frar 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
L-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 4(1) u 4(4)
L-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 4(1) u 4(4) għandu jinkludi r-Reġjuni ta’ Informazzjoni dwar Titjir (Flight Information Regions - FIR) u r-Reġjuni Ogħla ta’ Informazzjoni dwar Titjir (Upper Flight information Regions - UIR):
Wien FIR;
Praha FIR;
FIR/UIR ta' Brussell;
FIRs ta’ Bordeaux, Brest, Marseille, Pariġi u Reims, u UIR ta’ Franza;
FIRs ta’ Bremen, Langen u Munchen, u UIRs ta’ Hannover u Rhein;
FIR ta' Athinai u UIR ta' Hellas;
FIR ta' Budapest;
FIR/UIR, ta' Brindisi, FIR/UIR ta' Milan u FIR/UIR ta' Ruma;
FIR ta' Amsterdam;
FIR ta' Bucharest.
ANNESS II
Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3)
1. Il-volumi tal-ispazju tal-ajru fejn l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru tiġi stabbilita bl-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għandhom jiġu ddikjarati lis-servizz ċentralizzat tal-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ippjanar tat-titjiriet sabiex jiddaħħlu fis-sistema integrata ta’ pproċessar tal-pjan tat-titjiriet inizjali.
2. Minbarra meta tapplika waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (3), il-kodiċijiet tal-konspikwità stabbiliti skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(6) għandhom jiġu assenjati lil inġenji tal-ajru li jitilqu jew lil inġenji tal-ajru li għalihom, skont il-punt 6, hija meħtieġa bidla tal-kodiċi, fejn japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
l-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali taqbel mal-entrata korrispondenti fil-pjan tat-titjira għal dak l-inġenju tal-ajru;
is-sistema integrata tal-ipproċessar tal-pjanijiet tat-titjiriet inizjali tkun ikkomunikat li l-inġenju tal-ajru huwa eliġibbli għall-assenjazzjoni tal-kodiċi tal-konspikwità.
3. Il-kodiċi tal-konspikwità ma għandux jiġi assenjat lill-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt 2 jekk tapplika xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
il-miżuri ta’ kontinġenza li jeħtieġu l-assenjazzjoni ta’ kodiċijiet SSR diskreti lill-inġenji tal-ajru ġew implimentati minn fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jesperjenza qtugħ mhux ippjanat tas-senser tas-sorveljanza tal-art;
miżuri ta’ kontinġenza militari eċċezzjonali jeħtieġu lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru sabiex jassenjaw kodiċijiet SSR diskreti lill-inġenji tal-ajru jew;
inġenju tal-ajru li huwa eliġibbli għall-assenjazzjoni tal-kodiċi ta’ konspikwità stabbilit f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 4(6) joħroġ jew inkella jiġi żvijat ’il barra mill-volum tal-ispazju tal-ajru msemmi fil-punt (1);
inġenji tal-ajru tal-istat involuti f’operazzjonijiet jew f’taħriġ sensittivi nazzjonalment, li jeħtieġu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità.
4. L-inġenji tal-ajru li ma jiġux assenjati l-kodiċi tal-konspikwità stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 4(6) għandhom jiġu assenjati kodiċi SSR li jikkonforma ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej.
5. Meta kodiċi SSR ikun ġie assenjat lil inġenju tal-ajru, għandha ssir verifika mal-ewwel opportunità sabiex jiġi kkonfermat li l-kodiċi SSR stabbilit mill-pilota huwa identiku għal dak assenjat lit-titjira.
6. Il-kodiċijiet SSR assenjati lill-inġenji tal-ajru li jkunu qegħdin jiġu trasferiti minn fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fi Stati ġirien għandhom jiġu kkontrollati awtomatikament sabiex jiġi vverifikat jekk l-assenjazzjonijiet jistgħux jinżammu f’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej.
7. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti formali, bil-kontenut minimu li ġej, mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru tal-viċinat li jkunu qed jistabbilixxu l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru bl-użu ta’ kodiċijiet SSR diskreti:
obbligu li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru tal-viċinat jittrasferixxu inġenji tal-ajru bil-kodiċijiet SSR diskreti vverifikati assenjati f’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej;
obbligu ta’ avviż lill-unitajiet ta’ aċċettazzjoni dwar kwalunkwe irregolarità li tiġi osservata fl-operat tal-komponenti tas-sistemi ta’ sorveljanza fl-ajru.
ANNESS III
Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4)
Is-sistemi individwali użati għall-assenjazzjoni tal-kodiċijiet SSR għandu jkollhom il-kapaċitajiet funzjonali li ġejjin:
il-kodiċijiet SSR għandhom jiġu assenjati awtomatikament lil inġenju tal-ajru b’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi miftiehma mill-Istati Membri u kkoordinata ma’ pajjiżi terzi Ewropej;
il-kodiċijiet SSR assenjati lil inġenju tal-ajru li jkun qiegħed jiġi ttrasferit mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fi Stati tal-viċinat għandhom jiġu kkontrollati sabiex jiġi vverifikat jekk l-assenjazzjonijiet jistgħux jinżammu b’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u kkoordinata ma’ pajjiżi terzi Ewropej;
il-kodiċijiet SSR għandhom jiġu kklassifikati f’kategoriji differenti li jippermettu assenjazzjoni tal-kodiċi differenzjata;
il-kodiċijiet SSR mill-kategoriji differenti msemmija fil-punt (c) għandhom jiġu assenjati skont id-direzzjonijiet tat-titjiriet;
assenjazzjonijiet simultanji multipli tal-istess kodiċi SSR għandhom isiru lil titjiriet li joperaw f’direzzjonijiet ħielsa minn kunflitti.
ANNESS IV
Ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5
1. Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni speċifikati fl-Artikolu 4(3), (4), (5)(b) u (6).
2. Ir-rekwiżiti addizzjonali speċifikati fl-Artikolu 9(1), (2), (3) u (4).
ANNESS V
Ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-konformità jew tal-idoneità għall-użu tal-komponenti msemmija fl-Artikolu 6
1. L-attivitajiet ta’ verifika tal-konformità għandhom juru l-konformità jew l-idoneità għall-użu tal-komponenti mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament filwaqt li dawn il-komponenti jkunu qed jintużaw fl-ambjent tat-test.
2. Il-manifattur għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika ta’ konformità u għandu b’mod partikolari:
jiddetermina l-ambjent tat-test xieraq;
jivverifika li l-pjan tat-test jiddeskrivi l-komponenti fl-ambjent tat-test;
jivverifika li l-pjan tat-test jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti applikabbli;
jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u l-pjan tat-test;
jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;
iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet skont il-pjan tat-test;
jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.
3. Il-manifattur għandu jiżgura li l-komponenti msemmija fl-Artikolu 6, integrati fl-ambjent tat-test, jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.
4. Malli jissodisfa t-tmiem tal-verifika ta’ konformità u ta’ idoneità għall-użu, il-manifattur għandu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, iħejji dikjarazzjoni ta’ konformità jew ta’ idoneità għall-użu tal-KE li tispeċifika b’mod partikolari r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament issodisfati mill-komponenti u l-kundizzjonijiet ta’ użu assoċjati tiegħu skont il-punt 3 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.
ANNESS VI
Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) u (2)
1. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jkollu fis-seħħ metodi ta’ rapportar stabbiliti fi ħdan l-organizzazzjoni li jiżguraw u juru l-imparzjalità u l-indipendenza ta’ ġudizzju fir-rigward tal-attivitajiet ta’ verifika.
2. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jwettaq il-verifiki bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-akbar kompetenza teknika possibbli u jkun ħieles minn kwalunkwe pressjoni u inċentiv, b’mod partikolari ta’ tip finanzjarju, li jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju tiegħu jew ir-riżultati tal-kontrolli tiegħu, b’mod partikolari minn persuni jew gruppi ta’ persuni affettwati mir-riżultati tal-verifiki.
3. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jkollu aċċess għat-tagħmir li jippermettilu jwettaq sew il-kontrolli meħtieġa.
4. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika, ikollu taħriġ tekniku u vokazzjonali tajjeb, għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-verifiki li jrid iwettaq, esperjenza xierqa ta’ operazzjonijiet bħal dawn, u l-kapaċità li jħejji d-dikjarazzjonijiet, ir-rekords u r-rapporti li juru li l-verifiki twettqu.
5. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika huwa kapaċi jwettaq il-kontrolli tiegħu b’mod imparzjali. Ir-remunerazzjoni tiegħu ma għandhiex tiddependi fuq in-numru ta’ kontrolli mwettqa, jew fuq ir-riżultati ta’ tali kontrolli.
ANNESS VII
PARTI A
Ir-rekwiżiti għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 7(1)
1. Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha turi l-konformità ta’ dawk is-sistemi mar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ valutazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawk is-sistemi.
2. Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha titwettaq skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.
3. L-għodod tat-test użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandu jkollhom il-funzjonalitajiet xierqa.
4. Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġa mill-punt (3) tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inklużi l-elementi li ġejjin:
deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;
ir-rapport tal-ispezzjonijiet u t-testijiet miksuba qabel ma bdiet tintuża s-sistema.
5. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:
jiddetermina l-ambjent ta’ valutazzjoni operattiva u teknika xieraq li jirrifletti l-ambjent operattiv;
jivverifika li l-pjan tat-test jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva u teknika;
jivverifika li l-pjan tat-test jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament;
jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan tat-test;
jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-istallazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;
iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tat-test;
jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.
6. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) operati f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.
7. Malli tiġi kompletata b’mod sodisfaċenti l-verifika ta’ konformità, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom iħejju dikjarazzjoni ta’ verifika tas-sistemi tal-KE u jissottomettuha lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali flimkien mal-fajl tekniku kif meħtieġ bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.
PARTI B
Ir-rekwiżiti għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 7(2)
1. Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandhom juru l-konformità ta’ dawk is-sistemi mar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ valutazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawk is-sistemi.
2. Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha titwettaq skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.
3. L-għodod tat-test użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandu jkollhom il-funzjonalitajiet xierqa.
4. Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġa mill-punt 3 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 552/2004 inklużi l-elementi li ġejjin:
deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;
ir-rapport tal-ispezzjonijiet u t-testijiet miksuba qabel ma bdiet tintuża s-sistema.
5. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiddetermina l-ambjent xieraq ta’ valutazzjoni operattiva u teknika li jirrifletti l-ambjent operattiv u għandu jkollu l-attivitajiet ta’ verifika mwettqa minn korp notifikat.
6. Il-korp notifikat għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:
jivverifika li l-pjan tat-test jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva u teknika;
jivverifika li l-pjan tat-test jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament;
jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan tat-test;
jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;
iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet skont fil-pjan tat-test;
jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.
7. Il-korp notifikat għandu jiżgura li s-sistemiidentifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) operati f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.
8. Malli jiġu kompletati l-kompiti ta’ verifika, il-korp notifikat għandu jħejji ċertifikat ta’ konformità relatat mal-kompiti mwettqa.
9. Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu sussegwentement jħejji dikjarazzjoni ta’ verifika tas-sistema tal-KE u jissottomettiha lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali flimkien mal-fajl tekniku kif meħtieġ bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.
( 1 ) ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20
( 2 ) ĠU L 79, 19.3.2008, p.1
( 3 ) ĠU L 186, 7.7.2006, p. 46.